Faċilità San Vinċenz de Paule – Bdil fil-ħinijiet tal-viżitaturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex qed jiġi kkunsidrat tibdil fil-ħinijiet tal-viżitaturi tal-Faċilità San Vinċenz de Paule? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma l-ħinijiet il-ġodda u meta se jsir dan it-tibdil?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellant, li il-ħinijiet tal-viżitaturi huma mill-10.00 a.m. sa nofsinhar u bejn is-2.30 p.m. u s-7.30 p.m.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-massimu ta’ ħrieqi li anzjani huma ntitolati fil-ġurnata? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura sabiex anzjan/a tkun intitolata għall-aktar ħrieqi skont in-neċessità u l-bżonnijiet tagħha?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan l-Anzjanita u Kura fil-Kommunita, kull individwu li japplika għal servizz ta’ kontinenza jiġi eżaminat minn infermiera imħarrġa f’dan is-servizz. L-għan ta’ kull vista huwa li l-infermiera jippromovu biex l-individwu jibqa’ kontinenti. Fejn hemm meħtieġ, kull infermier jara li l-individwu jingħata il-prodott/i addattat/i għal bżonnijiet tiegħu u n-numru adegwat ta’ prodotti meħtieġa li l-individwu għandu bżonn. Fi ħdan San Vinċenz De Paul, ma hemm ebda massimu ta’ ħrieqi ( ‘capping’ ) li anzjani huma intitolati għalihom. L-anzjani huma intitolati għal ħrieqi skont il-bżonnijiet tagħhom.
Faċilità San Vinċenz de Paule — Entitajiet li jipprovdu l-ikel lir-residenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-entitajiet li jipprovdu l-ikel lir-residenti fil-Faċilità San Vinċenz de Paule? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti relattivi u jgħid ukoll kemm hu l-valur ta’ kull kuntratt u t-terminu tiegħu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tender CT2369/2023 (to demolish, design, build, maintain, upkeep and the management and operations of Cospicua Care Home for Older Persons including High Energy and Environmental Performance Standards), jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji sabiex persuna/entità tkun tista’ tapplika? Jista’ jgħid x’inhuma s-snin ta’ esperjenza li l-operatur/applikant huwa meħtieġ li jkollu fis-settur sabiex ikun jista’ japplika? Jista’ jgħid ukoll jekk applikant iridx ikun ilu jopera dar tal-anzjani li jkollha ’l fuq minn numru ta’ sodod? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhu n-numru ta’ sodod rikjest?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diversi kriterji sabiex persuna/entità tkun tista’ tapplika u dawn huma kollha indikati fit-tender li huwa fid-dominju pubbliku (section 1, point 5, page 8).
Rigward snin ta’ esperjenza, l-operatur/applikant irid juri evidenza dokumentata li spiċċa proġett b’suċċess matul l-aħħar għaxar (10) snin, mis-sena 2014 sad-data ta’ meta ġie ippublikat it-tender, liema proġett irid jissodisfa xi kriterji. L-operatur irid juri li opera dar tal-anzjani ta’ minn tal-inqas 200 resident għal tal-inqas tlett (3) snin kontinwi qabel ma’ ġie ippublikat it-tender.
Anzjani li jidħlu fi Djar tal-Anzjani – Persentaġġ tat-tnaqqis mid-dħul
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persentaġġ tat-tnaqqis mid-dħul tal-anzjani li jidħlu fid-djar tal-anzjani tal-Gvern jew fi djar oħra li magħhom il-Gvern għandu ftehim għal xiri ta’ sodod taħt l-iskema ta’ Sħubija Pubblika-Privata mhuwiex ugwali għal kull anzjan imma jiddependi jekk dawn jidħlux min-naħa tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AAKK) jew mid-Dipartiment tas-Saħħa? Jista’ jgħid jekk hux qed issir inġustizzja mal-anzjani li mhux qed jiġu ttrattati l-istess?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persentaġġ tat-tnaqqis mid-dħul tal-anzjani li jidħlu fid-djar tal-anzjani tal-Gvern jew fi djar oħra li magħhom il-Gvern għandu ftehim għal xiri ta’ sodod taħt l-iskema ta’ Sħubija Pubblika-Privata hija rregolata skond l- A.L. 151 tas-sena 2018: ATT DWAR IS-SIGURTÀ SOĊJALI (KAP. 318) - Regolamenti tal-2018 dwar Rati għal Servizzi Residenzjali Finanzjati mill-Istat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma s-servizzi kollha li l-anzjani huma ntitolati għalihom meta dawn jidħlu fid-djar tal-anzjani tal-Gvern jew fi djar oħra li magħhom il-Gvern għandu ftehim għal xiri ta’ sodod taħt l-iskema ta’ Sħubija Pubblika-Privata? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn is-servizzi jingħatawx lil kull anzjan indipendentement jekk jidħlux mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AAKK) jew mid-Dipartment tas-Saħħa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi kollha li l-anzjani huma ntitolati għalihom meta dawn jidħlu fid-djar tal-anzjani tal-Gvern jew fi djar oħra li magħhom il-Gvern għandu ftehim għal xiri ta’ sodod taħt l-iskema ta’ Sħubija Pubblika-Privata mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AAKK) huma kif ġejjin:-
Tissue Viability Nurse, Dementia Nurse, Continence Nurse, Infection Control Nurse, Clinical Nutritionist, Psychotherapy, Physiotherapy, Speech Language Pathology, Occupational Therapy, Podology, Dietician, Consultant Geriatrician.
Huma ntitolati wkoll għall-kolazjon, ikla ta’ nofsinhar u ta’ filgħaxija, ħasil ta’ ħwejjeġ, hairdressing, quddies, TV, u Wifi.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Outpatients tal-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx ħsieb li l-Outpatients jiġi trasferit għall-Isptar San Luqa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm il-ħsieb il l-Outpatients jiġi trasferit għall-campus tal-Isptar San Luqa wara li jsir r-refurbishing neċessarju biex il-post ikun tal-ogħla livell u isir pjan komprensiv loġistiku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet biex tinbena ward ġdida fl-Isptar Mount Carmel? Jista’ jgħid ukoll x’se jsir mill-pazjenti li qed jiġu kkurati f’dan l-ispazju u fejn se jiġu trasferiti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhemmx applikazzjonijiet biex jinbnew wards ġodda li qatt qabel ma kien hemm fl-Isptar Mount Carmel.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14549, 14900, 15493, 16643, 17301, 17717, 18153 u 18463 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Hospital Activity Report għall-Isptar Mater Dei għas-sena 2022?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17293, 17646, 17794, 18169 u 18576 u jgħid jekk il-kuntratti li ngħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kinux approvati mis-Segretarji Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa bejn l-2014 u 2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li il-kuntratti li ngħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament kienu approvati mis-Segretarji Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid x'binjiet għandu f'idejh il-Ministeru tas-Saħħa, fl-Imtarfa u għalxiex jintużaw?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm binja waħda maqsuma fi tlieta li hija taħt ir-responsabbiltà tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Din il-binja tintuża bħala residenza għall-kura fit-tul għall-anzjani, ċentru għal persuni bid-dimensja u MMMU, li huwa maħżen (store) li jissuplixxi lill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Ninsab infurmat ukoll li f’Triq Dar il-Kaptan hemm iċ-ċentru Dar Kenn għal Saħħtek immexxi mill-Fondazzjoni mwaqqfa bejn il-Malta Community Chest Fund (MCCF) u dan il-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni jiġux mgħarrfa dwar il-periklu li jista’ jinħoloq meta jkunu qed jinqalgħu tankijiet tal-asbestos?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.