Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaddiema tax-xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal sabiex jidħol l-aħħar persuna bħala ħaddiem liċenzjat tax-xatt fost dawk il-persuni li għad fadallhom dan id-dritt konsegwenza ta' wirt? Jista' jgħid, appena din l-aħħar persuna hekk intitolata li tikseb post ta' mpjieg ix-xatt permezz tad-dritt ta' wirt tiġi hekk impjegata, x'se tkun il-proċedura sabiex persuni jigu mogħtija mpjieg ix-xatt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skont ir-Regolamenti dwar il-Ħaddiema tal-Port, it-tfal li huma eliġibbli li jimlew vakanza ta’ ħaddiem tal-port jistgħu jiġu reġistrati bħala ħaddiema tal-port qabel ma’ l-missier ikun effettivament irtira. Dan iseħħ sabiex jinżamm in-numru stabbilit tal-ħaddiema tal-port, jiġifieri, meta ħaddiem tal-port jirtira iżda ma jkollux tfal li jimlew il-vakanza tiegħu, il-vakanza timtela' minn wild ta’ dak il-ħaddiem tal-port li jkun imissu li jirtira. Għalhekk mhuwiex importanti d-data ta’ meta jirtira l-aħħar ħaddiem tal-port bi dritt tal-wirt. Skont l-istess Regolamenti meta ma jkunx hemm persuni disponibbli li jimlew il-vakanzi li jkun hemm, l-Awtorità dwar it-Trasport f’Malta, wara rakkomandazzjoni tal-Bord dwar il-Ħaddiema tal-Port, toħroġ sejħa pubblika għall-applikazjonijiet biex jimtlew il-vakanzi. Il-bord għandu jimla l-vakanzi minn fost dawk l-applikanti li jkollhom ir-rekwiziti skont l-istess regolamenti.

Tenders għal toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li se jinbeda x-xogħol fuq it-toroq arterjali ta' TEN-T li t-tenders għalihom ġew applikati ħafna xhur ilu? Liema kuntratturi se jagħmlu liema triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ordni biex jibda’ x-xogħol fuq toroq arterjali ta’ TEN-T ingħatat lill-kuntratturi rispettivi fit-28 ta’Marzu 2011. Bħalissa x-xogħol jinsab fi stadju preparatorju, u bdew xi xogħolijiet fuq numru ta’rotot li ser ikunu qegħdin jintużaw bħala devjazzjoni tat-traffiku matul ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni fuq it-toroq arterjali. Ix-xogħol għal kull proġett se jsir mill-kuntratturi kif ġej: LOT TRIQ KUNTRATTUR Lot 1A u Lot 1B Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Garibaldi, Luqa Road Network Joint Venture Lot 2A u Lot 2B Moll iċ-Ċangatura u Xatt l-Għassara tal-Għeneb, Marsa / Floriana Road Network Joint Venture Lot 3A u Lot 3B Triq il-Marfa, Ċirkewwa / Mellieħa Polidano Giustino Joint Venture Lot 4A u Lot 4B Triq l-Imġarr, Triq Fortunato Mizzi, Triq ir-Repubblika, Rabat / Xewkija, Għawdex Road Network Joint Venture

Proġett ta' Bieb il-Belt u l-Parlament il-Ġdid — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett ta' Bieb il-Belt inkluż il-Parlament il-ġdid? Ix-xogħlijiet kienu on schedule? Kemm intnefqu flus fuq dan il-proġett s'issa u min kienu l-kuntratturi/konsulenti li tħallsu u kemm tħallsu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programm tax-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Dwar il-progress fuq il-proġett ta’ Bieb il-Belt jien infurmat li fil-każ tal-bini l-ġdid tal-Parlament qed isiru xogħlijiet fis-substructure jiġifieri fuq il-pedamenti u fuq is-sular ta’ taħt u dawn għandhom jitlestew sa Awissu 2011. Fil-każ tas-sit tal-ex-Opera House bħalissa għaddej xogħol ta’ konsolidazzjoni u ta’ restawr fuq il-fdalijiet storiċi. Ix-xogħlijiet kollha huma “on schedule” u sa issa ntefqet is-somma ta’ €9,643,920. Il-Kuntratturi u konsulenzi involuti tħallsu kif ser ngħid. Kuntratturi L-ispiża għal servizzi Agius Camray Vassallo (Restoration of opera House) € 150K 3 Bees JV (Exc and clearing of OH) € 100K BIB JV (Demo and Excavation) € 607K Polidano Bros (Substructure) € 121K Polidano Bros (Enabling works and Accomodation) € 442K Terracore (Site Investigations and Monitoring) € 300K Il-Konsulenti Bovis Lend Lease (Project Management Consultant) € 1.6m RPBW (Lead Architect) € 3.3m Arup (Structural and Services Engineers) € 2.0m Il-programm tax-xogħol jipprevedi li x-xogħlijiet kollha jkunu saru sal-2013.

Bus terminus tal-Belt — siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jiswew is-siġar li qegħdin jitħawlu fil-bus terminus ġdid tal-Belt? Dawn inxtraw wara sejħa għall-offerta u mingħand min qegħdin jinxtraw?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ispiża ta’ kull siġra li qed titħawwel fil-bus terminus il-ġdid hija ta' € 5,340, eskluż il-VAT. Ix-xogħol ingħata lil ELC Ltd. bħala parti mill-kuntratt li l-kumpanija għandha mal-gvern.

Ħamrun — Bdil ta' bankina

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tinbidel il-bankina fit-triq arterjali Triq il-Kbira San Gużepp, Hamrun bejn il-Kappella tal-MUSEUM u Triq is-Santissima Trinita'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-imsemmija triq mhix arterjali u lanqas distributorja u għalhekk ma taqax fir-responsabbiltà ta' Transport Malta.

Sliema — St. Henry Street - sinjali ta' parking u no parking

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru sinjali ta' parking u no parking f' St. Henry Street, Sliema peress li numru ta' xhur ilu saret it-triq b'tarmac mill-ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-ġranet li ġejjin se ssir laqgħa fuq il-post bejn il-kunsill lokali u uffiċjali minn Transport Malta dwar dan is-suġġett.

Marsa — Triq Spencer B il-Marsa u Triq il-Ħaddiem - xogħol fuq it-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq Spencer B, il-Marsa u Triq il-Ħaddiem mhux se ssir bit-tarmak kif ġie miftiehem mal-Kunsill Lokali tal-Marsa peress li parti minn din it-triq hija sfronduta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li Transport Malta għandha xi ftehim kif imsemmi mill-Onor. Interpellant u nitolbu biex jgħaddili kopja jekk dan jeżisti.

Mosta- Triq il-Kungress Ewkaristiku — tiswija tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li fi Triq il-Kungress Ewkaristiku ġewwa l-Mosta jiġu irranġati l-ispralli li hemm eżistenti, l-bankini u l-wiċċ tal-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta m'għandhiex pjanijiet ta' xogħol fl-imsemmija triq għal dawn ix-xhur li ġejjin.

Vetturi li ġew reġistrati ma' Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta’vetturi li ġew reġistrati ma’ Transport Malta, bħala li twasslu fis-suq Malti matul l-aħħar sitt xhur, bejn Ottubru 2010 u Marzu 2011, xahar, xahar? Kemm minn dawn il-vetturi kienu ġodda, u kemm kienu second hand?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Trakkijiet reġistrati ma' Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ trakkijiet li għandhom kapacita’ ta' ġarr ta’ iktar minn 3.5 tunnellata li ġew reġistrati ma' Transport Malta, kull sena, bejn is-snin 2008 u 2010?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi t-trakkijiet li għandhom kapaċita’ ta’ ġarr ta’ iktar minn 3.5 tunnellata li ġew reġistrati kull sena bejn is-snin 2008 u 2010 huma ta’: Sena Numru ------- -------- 2008 273 2009 222 2010 88

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — konsum ta' fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jammonta f'ċifra ta' flus globali l-konsum tal-fuel matul l-2010 fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu? Kemm kien jammonta f'litri?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ċ-ċifra globali fi flus li ntefqet fl-2010 mill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħti kien ta' €398,724 li kien jammonta għal 340,410 litru.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — awtoritajiet, entitajiet u bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-awtoritajiet, entitajiet u bordijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? X’inhu n-numru ta’ persuni, inkluż chairman, li jservu fuq kull bord ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija? Kemm jitħallsu kull chairman u kull membru ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

persuni rreġistrati divorzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni Maltin mis-sena 2000 'il quddiem li rreġistraw ruħhom bħala divorzjati barra l-pajjiż għal dak li huwa status?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-Reġistru Pubbliku ma jkollu ebda statistika dwar persuni Maltin li jirreġistraw id-divorzju tagħhom barra minn Malta. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. *Vide PL 6951 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt is-Seduta 337, nhar it-Tnejn 11 t’April 2011.

Transport Malta — vetturi reġistrati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24045, fl-aħħar parti tad-domanda l-kelma fringed kellha taqra garaged u għal dan il-għan, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni relattiva? Jista' jagħti ukoll in-numru ta' vetturi li ġew scrapped kull sena matul l-aħħar 15-il sena, sa Diċembru 2010, kull sena?

Response (GATT, AUSTIN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari Nru. 24045, ninsab infurmat li n-numru ta’ vetturi li gew garaxxjati matul is-sena 2010 kien ta’ 9,446 filwaqt li l- bilanċ ta’ vetturi li kienu ggaraxxjati sal-31 ta’ Diċembru 2010 kien ta’ 61,362. Rigward il-vetturi li ġew scrapped kull sena matul l-aħħar 15-il sena sa Diċembru 2010, ninsab infurmat li huma: Sena Vetturi Scrapped 1995 1612 1996 2222 1997 2673 1998 3594 1999 4013 2000 4179 2001 2805 2002 2623 2003 2798 2004 5529 2005 13969 * 2006 2966 2007 2495 2008 2694 2009 4018 2010 4478 * Dan l-ammont jirrifletti l-iskema hekk kif stipulata fl-Avviż Legali13 ta’ l-2004.

Kuntratti ta' toroq

Question

B'referenza għal-lista ta' toroq li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra, b'risposta għall-mistoqsija parlamentari 24717 tal-Onor. Frederick Azzopardi, dwar it-toroq li mistennija jinbnew matul il-xhur li ġejjin, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar il-mod ta' kif se jseħħ il-proċess tal-għoti tal-kuntratti għal dawn it-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Press Release li ħarġet mill-uffiċċju tiegħi fil-15 ta' Marzu 2011, li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta — ftehim mal-MEPA fuq bini ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tikkordinax mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fit-tfassil ta' toroq ġodda li jkunu se jiddaħħlu fl-iskemi tal-bini mill-istess Awtorità, b'mod li fejn ikun hemm tibdil fit-toroq (alignment jew tfassil) dawn il-bidliet ikunu komunikati ma' Transport Malta kmieni kemm jista' jkun?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tikkonsulta ma' Transport Malta dwar applikazzjonijiet tal-kontroll tal-ippjanar (Planning Control Applications), li huma maħsubin li jdaħħlu toroq ġodda fl-iskemi tal-bini, jew jagħmlu xi tibdil għal toroq proġettati fl-iskemi tal-bini. Din il-konsultazzjoni ssir fil-fażi meta tkun qed tiġi pproċċessata l-applikazzjoni mil-MEPA. Wara li l-MEPA tapprova dan it-tibdil, il-MEPA tinforma lil Transport Malta b'dan it-tibdil.

Transport Malta — Chief Officer Road Contruction

Question

B'referenza għall-kariga ġdida fi ħdan Transport Malta u ċioe dik ta' Chief Officer Road Construction, jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiki ntalbu u jekk il-kandidat magħżul, li kien jokkupa l-grad ta' engineer il-Metode, jissodisfax il-kriterji għal dan il-grad?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kwalifiċi mitluba huma ta' degree universitarja jew kwalifika ekwivalenti/relatata fil-management, project management, engineering, architecture u/jew, civil engineering. Il-kandidat magħżul jissodisfa l-kriterji għal dan il-grad.

Ċitazzjonijiet fuq karozzi għall-iscrap

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta persuna jkollha numru ta' ċitazzjonijiet fuq il-karozza, liema karozza ma tintużax u se tiġi scrapped, x'inhi l-proċedura normali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li qabel ma vettura tiġi skrappjata, iridu jitħallsu ċ-ċitazzjonijiet kollha pendenti.

Transport Malta — policy fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy ta' Transport Malta fuq toroq hekk imsejjħa privati? Jekk persuna tiddikjara u tipprova li triq privata tkun proprjetà tagħha, x'obbligi għandu jkollha? Jekk it-triq tkun waħda abitata u li minnha jgħaddu l-vetturi u tkun tinsab fi stat ħażin ta' manutenzjoni, l-awtorità tista' tobbliga lis-sid biex jagħmel it-tiswijiet meħtieġa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-obbligi legali dwar din il-materja huma regolati fir-Raba’ Parti tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.57. Klawsola 17 tispeċifika li toroq privati għandhom jinżammu f’kundizzjoni tajba għas-sodisfazzjon tal-awtorità. Skont Klawsoli 15 u 19, l-awtorità tista’ titlob lis-sid/ien biex jagħmlu kwalunkwe xogħol meħtieġ fl-interess pubbliku. F’każ li s-sid/ien ma jimxux ma’ dak mitlub, l-awtorità tista’ tagħmel ix-xogħol hi a spejjeż tas-sid/ien tat-triq in kwistjoni. Dan skont proċedura stabbilita fl-istess leġislazzjoni.

Kampanja dwar emissions ta' duħħan ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kampanja biex wieħed jirraporta karozzi li jdaħħnu ħafna (emissions) b'SMS għadhiex għaddejja? Jekk le, meta u għalfejn twaqqfet? Jekk għadha għaddejja, kemm daħlu rapporti xahar b'xahar fl-aħħar sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi l-kampanja biex wieħed jirraporta karozzi li jdaħħnu ħafna (emissions) b'SMS għadha għaddejja. In-numru ta' SMS's illi ġew mibgħuta f'dan ir-rigward matul l-aħħar sena xahar b’xahar, huwa kif ġej: Mar-10 2,163 Apr-10 1,745 May-10 2,012 Jun-10 1,763 Jul-10 1,744 Aug-10 1,426 Sep-10 1,502 Oct-10 1,598 Nov-10 1,311 Dec-10 985 Jan-11 975 Feb-11 888 TOTAL 18,112