Legislature:
Category:
Reset
Active:

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa – Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni — talbiet

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.

Ħal Kirkop – bini tal-poliklinika

Question

Jista’ d-Deputat Prim Minisru u Ministru għas-Saħħa jgħarraf il-Kamra meta beda x-xogħol għall-bini ta’ poliklinika f’Ħal Kirkop, liema tagħmir se jkun fiha, kemm ser tiswa u meta huwa mistenni li tibda jingħata s-servizz fiha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol għall-bini ta’ poliklinika ġdida f’Ħal Kirkop beda’ dan ix-xahar stess. Dan iċ-ċentru tas-saħħa ser joffri diversi servizzi fosthom dak tat-tabib u l-infermiera, oftalmoloġija, fiżjoterapija, klinika tas-saħħa mentali, podjatrija, breast feeding u kif ukoll klinika għad-diabete’. In-nefqa kapitali mistennija tkun ta’ madwar €890,000. Dan iċ-Ċentru tas-Saħħa mistenni jibda jara l-ewwel pazjenti tiegħu fl-2018.

Sptar Mentali – fondi minn European Fund for Strategic Investments

Question

Peress li f'Marzu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ħabbar li ser jinġiebu fondi mill-European Fund for Strategic Investments biex jiġi ffinanzjat l-Isptar Mentali li hemm il-ħsieb li jinbena fl-Isptar Mater Dei, jista’ jgħid jekk dawn il-fondi nġabrux? X'persentaġġ irid joħroġ il-gvern biex jagħmel tajjeb għan-nefqa? Jekk ma jinġabux il-fondi x'inhi l-alternattiva?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment għas-Saħħa qiegħed jistħarreġ sorsi differenti ta' finanzjar għal sptar mentali ġdid, inkluż sorsi Ewropej.

Sptar Sir Paul Boffa – persons of trust

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx persons of trust fl-Isptar Sir Paul Boffa? Jekk iva, min huma? Jista’ jgħid x’irwol għandhom u lil min jirrapurtaw?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma hemm ‘l ebda person of trust taħdem fl-isptar Pawlu Boffa.

Servizzi għal Pazjenti Maltin u Għawdxin mingħajr ħlas

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-servizzi tas-saħħa għal pazjenti Maltin u Għawdxin hux se jibqgħu mingħajr ħlas? Jekk le, jista’ jsemmi liema?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sakemm il-Gvern ta’ Malta jkun immexxi minn Gvern Laburista is-servizzi tas-saħħa kienu u ser jibqgħu jingħataw bla ħlas.

Persuni li applikaw biex ikunu donaturi tal-organi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna applikat biex tkun donatur tal-organi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-bidu t' Ottubru kien hemm 'il fuq minn 9,500 persuna li applikat sabiex tkun tista’ tkun donatur tal-organi.

Sptar Mater Dei – persuni li marru fl-Emerġenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna marret fl-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei biex tkun tista’ tieħu l-kura meħtieġa din is-sena? Kemm minn dawn inżammu għal kura fl-istess sptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn Jannar sa Ġunju tal-2017 kien hemm 71,355 attendenza ġewwa d-dipartiment ta’ l-Emerġenza fl-isptar Mater Dei. Minn dawn, madwar 18,100 pazjent ġew ammessi fl-iswali tal-istess sptar sabiex ikunu jistaw jieħdu iżjed kura.

Sptar Mater Dei – pazjenti fil-kurituri

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk matul l-2016 u l-2017 kienx hemm pazjenti fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei? X’miżuri ttieħdu biex dawn jitnaqqsu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn Jannar sa l-aħħar t’ Awwissu tal-2017 ġew irreġistrati 48 każ ta’ pazjenti li ngħataw kura mhux ġo sala stabbilita. Nfakkru ukoll illi fis-sena 2012 taħt gvern preċenti n-numru ta’ pazjenti li ngħataw kura fil-kurituri ta' Mater Dei kien ta’ 8118. Dan it-titjib sostanzjali kien possibli wara investimenti li saru fl-aħħar snin biex jiżdiedu s-sodod u faċilitajiet relatati, bħas-swali tal- MAU u l- Hospitality Lounge sabiex l-effiċjenza f’dan l-istess sptar tkompli tiżdied.

Mediċini b’xejn kontra l-kanċer

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il mediċina kontra l-kanċer ġiet introdotta matul din is-sena? Għal-liema tip ta’ kanċer din tintuża u kemm hemm persuni li bbenefikaw minn din il-mediċina bla ħlas?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mil-2013 sal lum taħt Gvern Laburista ddaħħlu 14- il mediċina ġdida kontra l-marda tal-kanċer. Matul din is-sena ddaħħlu 8 mediċini ġodda fil-formularju tal-gvern u hemm mijiet ta’ pazjenti li diġa qed jibbenefikaw minn dawn il-mediċini bla ħlas. Uħud mill-mediċini l-ġodda qed jittrattaw il-kanċer fil-bużżieqa tal-urina, fid-demm, fl-għonq tal-utru u kif ukoll fil-prostita’. Nfakkar lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2012 taħt gvern preċidenti ma ddaħħlet l-ebda mediċina tal-kanċer ġdida fil-formularju tal-gvern. Din hi xhieda ta’ mpenn minn dan il-gvern lejn il-pazjenti tagħna kif ukoll il-familjari taghhom. Nirrimarka illi din is-sena hija sena rekord għaliex hija l-iktar sena li ddaħħlu mediċini ġodda fil-formularju tal-gvern kontra l-marda tal-kanċer f’dawn l-aħħar 9 snin.

Bini ġdid tal-outpatients blokk

Question

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ħabbar li ser jinbena Outpatients Blokk ġdida fis-sit tal-helipad f'Mater Dei Hospital. Jista’ jgħid liema huma d-dixxiplini tal-Outpatients li ser jimxu f'dan il-blokk? Jista’ jgħid kemm hi l-ispiża tal-proġett? X'inhi t-target day ta' tlestija u l-migration ta' dan il-proġett? Jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-ispiża ser tiġi ffinanzjata b'PFI (Private Funding Investment)? Jekk b'mhux b'PFI b'liema mod ser jiġi ffinazjat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif jaf hu stess miż-żmien li għamel bħala Ministru tas-Saħħa, l-isptar Mater Dei inbena b'nuqqas kbir ta' spazju. Dan jinkludi ukoll nuqqas ta' kliniki għall-out patients. F'dan il-budget il-Gvern ħabbar illi matul is-sena li ġejja se jingħata bidu għal proġett ġewwa Mater Dei li ser iwassal għal carpark ġdida kif ukoll binja tal-outpatients. Bħalissa qiegħed isir il-medical brief, kif ukoll bdew diskussjonijiet mal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Bini ta’ sptar ġdid ta’ Mother and Child

Question

Peress li f'Marzu ġie mħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa li ser iniedi proġett biex jinbena sptar ġdid ta' Mother and Child fl-Isptar Mater Dei fuq is-swali tal-emerġenza fejn intqal li dan ser jiġi ffinanzjat minn PFI (Private Funding Initiative). Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'liema stadju wasal dan il-proġett? Inħarġet is-sejħa tal-PPP? Jekk le, f'liema stadju waslet is-sejħa? Jista’ jgħid x'inhuma l-kriterji ta' din is-sejħa? Il-VGH hi eskluża milli tipparteċipa? X'differenza tgħaddi minn Special Purpose Vehicle u Private Funding Initiative?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa qiegħed isir il-Cost Benefit Analysis dwar il-proġett tal-Mother and Child. Rigward il-mistoqsija tiegħu dwar x'differenza tgħaddi bejn Special Purpose Vehicle u Private Funding Initiative, ninfurmah illi bħala Ministru għas-Saħħa ma nħossx li hu kompitu tiegħi li nidħol fi spegazzjoni ta' termini ekonomiċi f'din il-kamra.

Sptar Mater Dei – bini ta’ car park taħt il-blokka tal-Outpatients

Question

Peress li ser jinbena car park ġdid mill-privat u mmexxi mill-privat taħt il-blokka l-ġdida tal-Outpatients li ser tinbena fis-sit tal-helipad fl-Isptar Mater Dei, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet tas-sejħa biex l-interessi tal-pazjenti, qraba u ħaddiema li jaħdmu l-isptar ikunu mħarsa, kif ukoll biex ikollhom tariffa ta' parkeġġ li hi ġusta u li tilħaqha kull familja? Il-gvern ser jissussidja t-tariffa tal-parkeġġ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kundizzjonijiet tas-sejħa se jkunu mħabbra fid-dokument tal-RFP.

Ministeru għas-Saħħa — konsulenzi minn persuna

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda dipartiment u/jew entità fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa ma taw xogħol legali jew konsulenzi lill-persuna u/jew il-kumpanija li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament.

Pazjenti li ħadu l-kura miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li ħadu l-kura miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo sal-aħħar ta’ Awwissu 2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ attendenzi fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena kien ta’ 58,216.

regolamenti li jirrigwardjaw it-trattament ta’ persuni gay fl-isptarijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li regolamenti li jirrigwardjaw it-trattament ta’ persuni gay fl-isptarijiet jiġu osservati fl-intier tagħhom u meta koppji li jkunu f’Unjoni Ċivili jingħataw drittijiet daqslikieku huma miżżewġin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull persuna hi trattata bl-istess mod irrispettivament mill-ġeneru, orjentazzjoni sesswali jew l-istat tiegħu jew tagħha.

Operazzjonijiet nhar ta’ Ħadd

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk għadhomx isiru operazzjonijiet nhar ta’ Ħadd? Jista’ jgħid ukoll kemm-il operazzjoni saret matul dan il-jum matul din is-sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nikkonferma mal-Onorevoli Interpellant illi kemm fl-isptar Mater Dei u kif ukoll fl-isptar Ġenerali t’Għawdex isiru operazzjonijiet nhar ta’ Ħadd. Fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena filfatt saru total ta’ 1,516 –il proċedura.

Pazjenti li ħadu kura barra minn Malta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont ta’ kemm pazjenti marru jieħdu l-kura barra minn Malta f’dawn l-aħħar sentejn? X’etajiet kellhom dawn il-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt filwaqt li ninfurmah illi l-età tal-pazjenti tvarja minn ftit ġranet sa l-età ta’ 86 sena. Sena Numru ta’ Pazjenti Numru ta' Episodji 2015 499 759 2016 549 825

Dipartiment tal-Kura Primarja -servizz

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienu il pazjenti li ħadu servizz mid-Dipartiment tal-Kura Primarja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2016 kien hemm 1,525,652 –il persuna li ħadet servizz mid-dipartiment tal-Kura Primarja filwaqt li minn Jannar sa Awwissu tal-2017 kien hemm 2,429,380. Dawn il-figuri jinkludu s-servizzi li jingħataw miċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ, child screening ġewwa l-iskejjel, l-Occupational Health Unit, in-National Screening Unit u z-zjarat ta’ l-Speech Language fl-iskejjel u fid-djar.

Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta — operazzjonijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il operazzjoni saret fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar sa Awwissu ta’ din is-sena saru 2,027 operazzjoni ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.

Ministeru għas-Saħħa — kuntratti u xogħlijiet minn kumpanija/individwu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa jagħti lil din il-Kamra rendikont dettaljat tax-xogħol u/jew kuntratti li ngħataw mill-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, id-ditta legali u l-individwu li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament għall-perjodu bejn l-1998 u l-2013? Jista' jelenka liema mix-xogħol u/jew kuntratti ingħataw b'direct order?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma ngħata l-ebda xogħol mill-Ministeru għas-Saħħa lid-ditta legali u/jew l-persuna msemmija minnu