Jista' l-Ministru jirrimedja l-każ tal-persuna, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tinsab f'Serena Home biex tmur fir-Residenza San Vinċenz de Paule peress li l-mara tiegħu qed issibha diffiċli li tmur tara lil dan l-anzjan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-każ tal-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tressaq quddiem il-Bord ta’ Ammissjoni għal San Vinċenz fid-29 ta’ April 2010 wara li saret l-applikazzjoni fit-13 ta’ April 2010. Dan il-każ ġie approvat bħala High Priority.
Skont ir-rapport mill-Konsulent Ġerjatriku, din il-persuna hija indipendenti fil-mobilità u tista’ timxi bil-bastun u bl-għajnuna ta’ persuna waħda, kif ukoll kapaċi tiekol waħedha u tinħasel għalkemm għandha bżonn xi ftit għajnuna għal
toileting
.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-kas tar-residenta, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab fis-Sala Papa Giovanni, fir-Residenza San Vincenz de Paule li ilha titlob ħafna biex jaqtgħulha difrejha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li sas-7 ta’ Lulju 2010 ma kien hemm l-ebda talba li tindika li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kellha bżonn ta’ intervent mill-podiatrists ġewwa San Vinċenz. Il-proċedura normali hija li jekk ir-residenti jew qraba tagħhom jinnotaw xi problema kull ma jridu jagħmlu hu li jinformaw lin-Nursing Officer tas-sala konċernata u l-azzjoni meħtieġa tittieħed fl-aqsar ħin possibli.
Il-każ ta’ din il-persuna qiegħed jiġi segwit.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pazjent ġiet posposta lilu operazzjoni li kellha ssir fis-6 ta' Lulju? Għaliex ġara dan u fuq kollox għaliex ma ġewx infurmati l-pazjenti qabel ma daħlu l-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-ġurnata msemmija ġew posposti interventi ta’ 4 pazjenti li kienu fuq waħda mil-listi tal-Urology. Minħabba n-nuqqas ta’ infermiera, m'hemmx infermiera fissi għal din il-lista partikolari u din fil-fatt issir permezz ta’ infermiera li jidħlu bis-sahra fil-ħin liberu tagħhom. Għalkemm sar kull tentattiv sal-aħħar minuta biex din il-lista ssir, baqgħu ma nstabux in-nies meħtieġa u għalhekk kellha tiġi posposta. Tlieta minn dawn il-pazjenti kienu diġa ammessi l-isptar bħal ma normalment isir f'operazzjonijiet ta’ din in-natura u għalhekk ma setgħux jiġu nfurmati qabel.
Jista' l-Ministru jpoġġi n-National Formulary General Practitioner List fuq il-Mejda tal-Kamra? Kemm minn dawn l-items huma out of stock bħalissa? Kemm minn dawn l-items ma jiġux impurtati mis-settur privat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba ghadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19130, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tar-rapport jew rapporti, li għandu l-Ministeru tas-Saħħa, in konnessjoini mas-sejba f'Malta tal-hekk imsejħa Asian Tiger Mosquito? Jista' jgħid min huma l-membri li jiffurmaw il-kumitat maħtur biex jissorvelja s-sejba ta' din in-nemusa u mard possibbilment assoċjat magħha? Għaliex inħasset il-ħtieġa li jiġi maħtur kumitat speċifiku, meta x-xogħol li tqabbdu jagħmlu strettament huwa x-xogħol tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard? Jista' jgħid kif qegħdin jikkordinaw il-ħidma tagħhom f'din il-materja, il-Kumitat maħtur apposta u d-Direttorat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Kopja tal-artikli fil-‘European Mosquito Bulletin’ li jġibu l-isem ta’ ‘First Record of Aedes Albopicuts in Malta’ ta’ Paul Gatt et al, u ‘Second Record of Aedes Albopictus in Malta’ ta’ Joseph A. Buhagiar, ippublikat ‘on-line’ fit-12 ta’ Novembru 2009 qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-membri tal-kumitat maħtur biex jissorvelja s-sejba ta’ din in-nemusa huma : Dr Tanya Melillo mit-Taqsima tal-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, Dr Paul Gatt entomoloġista , Dr Louis Cassar, Dr Antoine Vella u s-Sur Robert Caruana mill-‘International Environmental Institute’ tal-Universita’ ta’ Malta. Dan il-kumitat inħatar peress li fi ħdan id-Direttorat għall Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard ma hemmx espert fl-etomoloġija.
Preżentament il-kumitat qiegħed jagħmel sorveljanza f’lokalitajiet li jistgħu jkunu ta’ ambjent ideali għal din it-tip ta’ nemusa kif ukoll ikollu diskussjonijiet xjentifiċi. Kif intqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parliamentari numru 19130, s’issa din in-nemusa ma reġgħetx instabet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li għandhom kartuna roża għaliex m'għandhomx flus il-bank u dħul ieħor u għandhom dħul limitat u għalhekk jikkwalifikaw għall-kartuna roża? Kemm huwa kkalkulat li hawn nies li jikkwalifikaw għall-istess kartuna roża imma m'għandhomx?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fl-aħħar sentejn kemm spetturi tas-sanità żaru kiosks fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Baħar iċ-Ċagħaq, San Ġiljan, tas-Sliema u l-Gżira biex jaraw jekk humiex jippreparaw ikel f’kundizzjonijiet mhux igjeniċi u ikel li m’għandhomx permess biex jippreparawh f’dawn il-kiosks? X'irriżulta f’kull każ minn dawn iż-żjarat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat illi dawn l-aħħar sentejn uffiċjali fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali għamlu numru ta’ spezzjonijiet fuq bażi ta’ Risk Assessment f’diversi kiosks fl-inħawi indikati.
In-numru ta’ spezzjonijiet saru kif inhu indikat hawn taħt:
2008
2009
Mellieħa
1
11
San Pawl il-Baħar
3
19
Baħar iċ-Ċagħaq
1
2
San Ġiljan
2
11
Sliema
3
22
Gżira
2
6
TOTAL
12
71
Inħarġu 83
improvement notices
,
filwaqt li ttieħdu passi legali kontra 14–il post, kif jidher hawn taħt:
Sena Passi Legali
2008 2 garanziji u 9 ċitazzjonijiet
2009 1
prohibition order
u 2 ċitazzjonijiet
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17870 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'passi se jieħu l-gvern fuq il-multi-storey car park li nbena ftit ta' snin ilu ħdejn l-Isptar San Luqa u li jinsab vojt u mimli ħmieġ b'konsegwenza li qed ikun hemm ħafna ġrieden? X'mistenni jagħmel il-gvern b'din il-binja?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Course for Training in Logistics and Supply Chain Principles
Question
Rigward il-call for quotes - 132/09 Course for Training in Logistics and Supply Chain principles jista' l-Ministru jgħid:
i) Min ittenderja?
ii) Min rebaħ il-kuntratt?
iii) Kemm kienu l-quotations f'kull każ?
iv) X'kienet ir-raġuni li dawk li ttenderjaw ma ġewx avżati bl-eżitu wara li ntrebaħ il-kuntratt?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-call for quotes - 132/09 Course for Training in Logistics and Supply Chain principles saret fuq bażi ta’ kwotazzjoniet li kienu ġew ippublikati uffiċjalment fuq l-internet fuq is-sit elettroniku http://www.sahha.gov.mt/ Healthcare Entities - Mater Dei Hospital, Purchasing Department skont ir-Regolamenti dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Għal din is-sejħa ikkwotaw żewġ kuntratturi li d-detalji tagħhom qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kuntratt ġie mirbuħ mis-Sur Andrew Saliba.
Peress li din is-seħja saret fuq bazi ta’ kwotazzjonijiet, u billi il-valur ma eċċediex is-sitt elef Ewro (VAT ezkluż), il-Gvern mhux marbut li jgħarraf lill-kwotanti bl-eżitu tar-riżultat. Bħala korteżija, u anki biex tul il-proċess kollu jkun hemm it-trasparenza, id-Dipartiment tal-Purchasing ta’ Mater Dei jippubblika l-iskema tal-prezzijiet fuq in-
notice board
, u meta ssir xi talba jipprovdi informazzjoni fuq min rebah ix-xogħol jew servizz, u b’liema prezz.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li f'Malta instabet dik magħrufa bħala Asian Tiger Mosquito, li hija nemusa li tixbaħ lil dik it-tip li kienet instabet fl-Italja fl-2007, u kkaġunat outbreak ta' infezzjonijiet f'Ravenna u Taranto? Jekk ir-risposta hija fl-affirmattiv, jista' jgħid x'passi ittieħdu, jew se jittieħdu biex it-tixrid ta' dan l-insett jiġi kkontrollat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-nemusa magħrufa bħala Asian Tiger Mosquito jew Aedes Albopictus instabet f’Malta minn reċerkatur indipendenti f’Settembru li għadda. Minn dak iż-żmien inħatar kumitat biex jissorvelja s-sejba ta’ din in-nemusa u mard possibilment assoċjat magħha. Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard fi ħdan id-Dipartiment għar-Regolazzjoni tas-Saħħa Pubblika qed jagħmel sorveljanza regolari għal din in-nemusa. Minn Settembru ‘l hawn din in-nemusa ma reġgħetx insatbet. Jekk tinstab jittieħdu dawk il-passi kollha necessarji skont iċ-ċirkostanzi u kif ikun rakkomandat mill-esperti f’dan il-qasam.
Din in-nemusa hija magħrufa għat-trażmissjoni ta’ ħafna mard li s’issa ma ġiex identifikat f’Malta.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — devoluzzjoni lill-kunsilli lokali
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008 sal-ġurnata tal-lum x'ġie devolut minn dawk id-dipartimenti, aġenzji, entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu lill-kunsilli lokali?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma kien hemm ebda proċess ta’ devoluzzjoni lill-kunsilli lokali minn xi dipartiment, aġenzija, jew entità governttiva li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
persuni li attendew fil-polikliniċi tal-Mosta u tar-Rabat
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li attendew fil-polikliniċi tal-Mosta u tar-Rabat fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena l-attendenzi fiċ-Centri tas-Saħħa tal-Mosta u tar-Rabat kienu kif jidher hawn taħt:
Mosta – 41,950
Rabat – 16,721
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18536 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim tax-xiri tal-apparat mediku bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u INSO? Jista' l-Ministru jgħid jekk apparti dak il-ftehim sal-lum, inxtarax aktar apparat mill-kumpanija INSO bħala żieda mill-apparat miftiehem? X'apparat inxtara u x'kien il-valur imħallas?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 18829 dwar il-medicina Questran għall-pazjenti li għandhom kancer, ladarba skont il-Ministru kien hawn kwantitajiet żgħar li qed jinżammu fic-Centri tas-Saħħa, jista' l-Ministru jgħid f'liema Centri tas-Saħħa kienu jinzammu? Kien hemm stock fl-Isptar Mater Dei? Fuq liema kriterji kienu jingħataw lill-pazjenti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ammonti tal-mediċina Questran li bħalissa hemm stokkjati fl-ispiżeriji tal-gvern huma kif jidher hawn taħt:
Spiżerija fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid – 6 kaxxi
Spiżerija fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla – 3 kaxxi
Spiżerija fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira – 4 kaxxi
Spiżerija fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Qormi – 4 kaxxi
Spiżerija fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara – 4 kaxxi
Spiżerija fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana – 4 kaxxi
Spiżerija fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Luqa – 3 kaxxi
Spiżerija tal-Isptar Boffa – 2 kaxxi
Spiżerija tal-Isptar Mater Dei – xejn
Din il-mediċina tintuża f’sitwazzjonijiet fejn ikun meħtieġ kontroll tal-aċidi li joħorġu mill-marrara. Għaldaqstant mhijiex esklussivament għal pazjenti li jsofru minn kanċer.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18699 u jikkonferma jekk huwiex minnu li fl-Isptar Monte Carmeli jinstabu għaxar pazjenti bil-kondizzjoni tal-iscabies?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fl-Isptar Monte Carmeli oriġinarjament kien hemm tmien pazjenti li kellhom l-iscabies. Bħalissa għad fadal biss żewġ pazjenti li mistennija jiġu rilaxxati mill-kwarantina fil-jiem li ġejjin. Kemm it-tobba kif ukoll l-infection control nurses ħadu l-prekawzjonijiet kollha biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18745, jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-gvern kellu pjanat li jkollu faċilità ġdida ta' riabilitazzjoni fl-Isptar Mater Dei? jekk le, jista' jispjega għalfejn ħalla din il-faċilità barra minn dan l-isptar? B'referenza għall-aħħar sentenza tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18745, jista' jgħid min huma l-uffiċjali fil-Ministeru tal-Finanzi u fil-Ministeru tas-Saħħa li jiffurmaw parti minn dan it-team?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra xi strutturi jeżistu sabiex jiġi assigurat illi servizzi offruti fid-djar tal-anzjani jkunu ta' livell mixtieq, inkluż ukoll f'dak li hu kwalità tal-ikel offrut? Meta l-aħħar li saru spezzjonijiet għal dan il-għan fid-dar tal-anzjani ta' Bormla? X'kien l-eżitu ta' tali spezzjonijiet partikolarment fid-dawl tal-fatt tad-diversi lmenti mressqa fir-rigward tal-ikel offrut f'din id-dar tal-anzjani?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Djar tal-Anzjani — ħtieġa ta' operazzjoni jew kura medika minn residenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-arranġamenti eżistenti għall-anzjani residenti fid-djar tax-xjuħ illi jkollhom bżonn imorru l-isptar għal xi operazzjoni jew kura medika?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li meta anzjan ikun se jidħol bħala resident f’xi dar tal-anzjani, jiġi ffirmat kuntratt li jobbliga lill-istess anzjan u l-qraba tiegħu li xorta jibqgħalhom id-dmir li jgħinu u jakkumpanjaw lir-resident għal xi operazzjonijiet jew kura medika fl-isptar.
Madankollu, meta dan ma jkunx possibli, id-dipartiment joffri trasport u akkumpanjament minn carer.