Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tal-kuntratti kollha għas-sena 2010 ta' servizz ta' sigurtà u servizz ta' tindif mogħtija lill-kumpaniji u kuntratturi privati minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż il-prezz li ngħata bih dan il-kuntratt?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'pagi u salarji totali fis-settur pubbliku sena b'sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fis-settur pubbliku għal kull sena? Jista' jgħid kemm hemm nies jaħdmu fis-settur pubbliku b'kuntratti ta' xogħol?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għall-ewwel żewġ partijiet tal-mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Valuri tat-tenders
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-valur tat-tenders kollha li ngħataw matul is-snin 2010 u 2011 ta' servizzi klerikali li ħareġ il-gvern? Jista' f'kull każ jgħid liema kienet il-kumpanija li rebħet it-tender?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, ikkuntrattat kumpanija għal servizzi klerikali fl-2010 u l-2011. Dettalji relatati qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward ta’ dipartimenti u entitajiet oħrajn fil-Ministeri l-oħra tal-gvern, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Ministri rispettivi.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — rendikont dettaljat ta' sejħiet għall-Offerti
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat minn Mejju 2001 sal-lum tas-sejħiet għall-offerti li oriġinaw mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u li ġew ippubblikati permezz tad-Dipariment tal-Kuntratti u f'kull każ jagħti ċ-ċifra li permezz tagħha kienet stmata kull sejħa għall-offerti u l-valur finali ta' kull proġett komplut u jekk fil-każ li kien hemm varjazzjonijiet mill-istima oriġinali, jagħti r-raġunijiet għaliex ġara dan u jgħid x'ġustifikazzjoni kien hemm għalihom?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27442.
B'referenza għall-ittri uffiċjali li rċevew inkwilini tar-raba tal-barmil, fix-Xewkija Għawdex, liema ittra qed tavza li l-qbiela qed tiġi terminata skont l-avviżi li dehru fil-Gazzetta tal-Gvern, peress li dawn in-nies inkorrew diversi spejjeż sabiex jiġu reġistrati fl-iskema li ħarġet fis-sena 2000 u kif ukoll ħallsu qbiela ogħla u ħallsuhom b'lura, jista' allura l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop għat-terminazzjoni tar-raba u x'kumpens se jingħata kemm lill-inkwilini kif ukoll lill-gabillotti?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27225.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn sidien ta' kiosks li għandhom aktar minn kiosk wieħed li ġie mogħti l-istess permess mid-Dipartiment tal-Artijiet? Għall-fini tal-liġi, dan jista' jseħħ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentament, hemm żewġ sidien ta’ kjosks li għandhom il-permess biex joperaw aktar minn kjosk wieħed. Ma teżisti l-ebda restrizzjoni li żżomm lil xi persuna milli jkollha permess fuq iktar minn kjosk wieħed.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27497 u ċioe: Peress li l-Ministru gie kkwotat minn The Times tal-5 ta’ Lulju 2011 li ma jara l-ebda konflitt ta’ interess fir-rwol tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, bħala Chairman tal-Bank of Valetta u tal-famuża Valletta Management Fund Ltd, kif ukoll ta’ direttur tal-Air Malta, jista' l-Ministru jikkonferma li ma jezistu l-ebda faċilitajiet ta’ kreditu teknikament unsecured li l-bank jista’ qed jestendi lil Air Malta bi ksur ta’ dak li jipprovdi Artiklu 15(1) tal-Banking Act, taħt it-titlu Prohibited Transactions?
Response (FENECH, TONIO)
It-tagħrif li qiegħed jitlob l-Onorevoli Interpellant huwa ta’ natura bankarja u kunfidenzjali u li mhux qiegħed għand il-Ministru.
Madankollu dak li jitlob il-kodiċi ta’ etika fir-rigward ta’ dak li jista’ potenzjalment ikun ta’ konflitt ta’ interess hu li wieħed fuq livell ta’ bord jiddikjara dak l-interess u ma jipparteċipax f’dik id-diskussjoni, u mhux li ma jkunx membru ta’ dak il-bord.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' kumpaniji kummerċjali li fl-ewwel sitt xhur tas-sena waqgħu lura fil-ħlas tal-income tax tal-ħaddiema tagħhom? Kemm hija s-somma globali li jirrikjedu li jħallsu? Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li jinvolvi dan il-pagamenti pendenti?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 27614.
Jista' l-Ministru jgħid liema avukat/ditta ta' avukati tagħmel ix-xogħol legali tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji? Kemm titħallas? B'liema mezz ġiet appuntata din id-ditta? Għaliex ix-xogħol legali tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji, inkluz il-kontenzjuż, ma jsirx kollu in house?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kważi ix-xogħol kollu legali tal-MFSA isir in house imma dawn l-aħħar ftit snin inħasset il-ħtieġa li titqabbad assistenza legali esterna partikolarment sabiex tgħin l-awtorità f’kawżi quddiem il-Qrati u quddiem Financial Services Tribunal, fejn l-ammont tal-kawżi dejjem jikber, kif ukoll fir-rigward ta’ xi problemi li jistgħu joħorġu minn liġijiet speċjali bħall-liġijiet tal-impjiegi. Inħass utli li fuq xi kwistjonijiet l-awtorità tkun tista tirċievi second opinion. Għal dawn l-iskopijiet, mill-2007 lil hawn, kienet qegħda titqabbad id-ditta Abela, Stafrace and Associates, li kienu ġew magħżula direttament, u tħallsu is-segwenti ħlasijiet:
2007 - 4667 euros
2008 - 1154 euros
2009 – 1457 euros
2010 – 2749 euros
Il-kont għal servizzi reżi fis-sena kurrenti għadu mistenni.
Jista' l-Ministru jara li xi ħadd mill-Arms Ltd jikkuntatjaw lill-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separament, permezz ta' ittra peress li l-kont tad-dawl li rċieva huwa ħazin? Dan l-anzjan ta' 75 sena jgħix waħdu u mhux dejjem ikun id-dar u għalhekk kull meta jikkuntatjawh tal-Arms Ltd ma jsibu lil ħadd id-dar, ikun apprezzat ħafna jekk tintbagħtlu ittra mill-Arms Ltd fejn l-individwu jikkuntatjahom lura?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li min naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset VAT lid-dipartiment f'din l-aħħar sena kull xahar separatament in konnessjoni mas-sistema u ma' kull tender tal-Law Enforcement System, mingħand l-impjegati u uffiċjali awtorizzati u mill-kunsill lokali separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-VAT ma jkollux rekords separati li jiddentifikaw id-dħul tal-VAT skont kif qed jintalab minnha. Dan għaliex fid-denunzja tal-VAT tiġi rappurtata biss it-turnover sħiħa tal-persuna reġistrata u ma jkunx hemm minn liema sors din it-turnover tkun oriġinat.
Bl-introduzzjoni tas-sistema tal-VAT li dawk li jaħdmu għar-rashom u l-bejgħ tagħhom ma jaqbiżx €7000 ma jkollhomx bżonn jimlew id-denunżja tal-VAT, li fost dawn se jkun hemm sajjieda, raħħala, bdiewa u oħrajn li joffru servizzi li huma l-biċċa kbira part-time li meta jibgħatu denunzja kienu jitolbu l-ħlas lura ta' VAT imħallsa minnhom fuq l-ispejjeż, jista' l-Ministru jgħid jekk inħoloqx xi providement biex dan jibqa' jsir? Jekk le, x'beħsiebu jsir biex dan il-ħlas lura jibqa' jsir?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-provvedimenti ntrodotti fl-1 ta’ Jannar 2011 li għalihom qed jirreferi japplikaw biss fuq persuni reġistrati taħt l-artiklu 11 tal-liġi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud. Persuni li jagħżlu li jirreġistraw taħt l-artikolu 10 tal-liġi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud jew persuni li diġà huma reġistrati taħt dan l-artikolu jistgħu jkunu reġistrati anke jekk id-dħul min-negozju ikun taħt is-€7000. Nifhem għalhekk li dawk li jaħdmu għal rashom bhala sajjieda, raħħala u bdiewa, kemm-il darba kienu reġistrati jew huma reġistrati taħt l-artiklu 10 tal-liġi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, ma ġewx affettwati bil-provedimenti l-ġodda u għaldaqstant huma ntitolati li jitolbu l-ħlas lura tal-VAT imħallsa minnhom fuq l-ispejjeż meta jibgħatu d-denunzja.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-artijiet li mhux mibnija u l-Gvern ta' Malta huwa is-sid u li jinsabu fil-konfini ta' San Pawl il-Baħar, Kalkara, Żabbar Xgħajra, Fgura, u Wied il-Għajn? Jista' jgħid jekk humiex outside building scheme? Jista' jgħid l-area ta' kull sit? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra is-site plan ta' kull sit?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-maggior parti tal-proprjetà immobbli tal-Gvern f’kull lokalità u li mhix mibnija taqa’ f’outside building scheme. Sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru, trid ħafna ħin u riżorsi. Għaldaqstant, minħabba li d-dipartiment qiegħed juża’ riżorsi li għandu fuq proġetti oħra, mhux possibli li tinġabar din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jkun hemm ċaqliq jew tnaqqis jew bdil fiċ-ċirkostanzi tax-xogħlijiet fin-numru ta' leak detectors li jaħdmu mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jekk iva, x'inhuma l-pjanijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ilha diversi snin tnaqqas il-ħela tal-ilma minn ħsarat fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma, il-livell ta’
leakage
laħaq livell baxx ħafna u ilu hekk għal xi snin. Fil-fatt, minn studju li sar jirriżulta li dawn il-ħsarat issa tant tnaqqsu li l-spiża tas-sezzjoni hija hafna akbar mill-gwadann ta’ aktar tnaqqis ta’ ilma. Għaldaqstant hemm bżonn ta’ metodoloġiji ġodda li jridu jiġu implimentati.
Il-pjan hu li l-
Leak Detectors
li qed jagħmlu dan ix-xogħol jiġu mitluba jaħdmu fuq xogħol ieħor li jirrigwarda wkoll telf ta’ dħul mill-produzzjoni tal-ilma. Dan il-pass m’għandux ikollu effett fuq is-sigurtà ta l-impjieg tal-ħaddiema konċernati u lanqas fuq il-livell tal-
leakage
fis-sistema tad-distribuzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għamel talba għal fond tal-gvern u għadu ma rċeviex irċevuta tat-talba tiegħu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-irċevuta bin-numru Ack 5110/2011 għat-talba tal-individwu li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament, intbagħtet fid-19 ta’ Lulju 2011, lill-persuna li għamel it-talba f’isem l-applikant.
Rabat — Triq San Vinċenz Ferreri - kantini tad-djar - ilma
Question
Jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet sabiex jiġi identifikat is-sors tal-ilma li qed jitfaċċa fil-kantini tad-djar li hemm fi Triq San Vinċenz Ferreri, r-Rabat? Jista' jgħid jekk dan l-ilma hux ġej mis-sistema tad-drenaġġ jew minn xi sors ieħor? Jista' jieħu azzjoni immedjata sabiex dan l-inkonvenjent, li jista' jkun ukoll riskju għal saħħet in-nies, jispiċċa kemm jista' jkun malajr?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet l-investigazzjonijiet neċessarji fuq dan il-każ u fil-fatt irriżulta li l-ilma msemmi kien drenaġġ. Wara li ntużat CCTV camera, ġie identifikat blockage fil-main tad-drenaġġ li kien qed jikkawża d-drenaġġ jiskula. Il-blockage ġie mnaddaf minnufih. L-ilma li kien qed ifeġġ fil-kantini issa waqaf.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27593 u 27497 u ċioe: Peress li l-Ministru ġie kkwotat minn The Times tal-5 ta’ Lulju 2011 li ma jara l-ebda konflitt ta’ interess fir-rwol tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, bħala Chairman tal-Bank of Valetta u tal-famuża Valletta Management Fund Ltd, kif ukoll ta’ direttur tal-Air Malta, jista' l-Ministru jikkonferma li ma jezistu l-ebda faċilitajiet ta’ kreditu teknikament unsecured li l-bank jista’ qed jestendi lil Air Malta bi ksur ta’ dak li jipprovdi Artiklu 15(1) tal-Banking Act, taħt it-titlu Prohibited Transactions?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 27593.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27614, jista' l-Ministru jwieġeb l-istess mistoqsija għal dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari tinsab fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27609 u jgħid kemm kien in-numru ta' stabbiliment kummerċjali li waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2011 għal dawk li huma l-kontijiet kummerċjali? Kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus globali li trid titħallas mill-komunità in kwestjoni biex tkun konformi mal-kontijiet attwali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27603 u t-tweġiba mogħtija, jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun il-garanzija meta jidħol in vigore l-ESM fis-sena 2013?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.