Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żwieġ bil-knisja u bir-reġistru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li żżewġu bir-reġistru biss, jew bil-Knisja u bir-reġistru bejn l-1975 u l-2010, sena b'sena separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-Reġistru Pubbliku ilu jżomm statistika uffiċjali dwar reġistrazzjoni ta' żwiġijiet mis-sena 1991. Għaldaqstant qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika mill-1991 sal-2010.

Ċirkewwa — xogħol fuq l-istruttura

Question

Jista' l-Ministru jgħid min għamel ix-xogħol fuq l-istruttura li ttellgħat fil-jiem li għaddew fuq il-moll taċ-Ċirkewwa? Kif ingħata dan ix-xogħol, jekk hux permezz ta’ kuntratt jew b’direct order? Jekk permezz ta’ kuntratt min kienu dawk kollha li tefgħu l-offerta tagħhom u x’kien il-valur ta’ kull offerta, u kemm kienet l-ispiza fuq ix-xogħol li sar fuq din l-istruttura?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq l-istruttura li ttellgħet fil-jiem li għaddew fuq il-moll taċ-Ċirkewwa qiegħed isir minn Casapinta Design Group. Dan ix-xogħol, li jinvolvi l-kiri ta' struttura ta’ 30m x 15m għall-kenn tal-passiġġieri, ngħata wara li twaqqfu żewġ proċessi ta’ tenders pubbliċi li kellhom jiġu kkanċellati u wara proċess ta' kwotazzjoni kif spjegat iktar ‘il quddiem. Fl-ewwel tender l-offerti kienu kollha għola mill-valur massimu ta' tender dipartimentali u l-offerti ma setgħux jiġu kkunsidrati. Fit-tieni tender kien hemm appell li wara li nstema', t- tender ġie kkanċellat f'Novembru 2010. Peress li ż-żmien kien qiegħed jagħfas u l-kuntratt għax-xogħlijiet prinċipali fuq it-terminal il-ġdid fiċ-Ċirkewwa kien se jingħata, Transport Malta talbet, permezz tal-Ministeru tal-Finanzi u Ekonomija biex il-kumpaniji kollha li kienu tefgħu offerta fit- tenders preċedenti (dawn kienu jammontaw għal tliet kumpaniji) jiġu mitluba biex jikkwotaw għax-xogħol biex dan imbagħad jingħata lill-kumpanija bl-orħos offerta. It-talba ġiet approvata u Transport Malta stiednet lit-tliet kumpaniji konċernati biex jikkwotaw. Is-sejħa għalqet fil-15 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultat kien hekk: 240 Ltd - Ma' tefax offerta HMK International Ltd -- €162,840 Casapinta Design Group -- €141,600 Dawn l-ammonti jinkludu l-VAT. Il-kuntratt ingħata lil Casapinta Design Group f'Jannar li għadda. Għadu ma sar l-ebda pagament fuq dan il-kuntratt.

Toroq li jridu jsiru mill-Gvern Ċentrali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23984 u jgħid kemm mit-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali twettqu, kif imwiegħda lejlet l-elezzjoni ġenerali li għaddiet minn Gvern Nazzjonalista? Liema huma dawk li għadhom ma sarux u għal liema raġuni għandhom ma sarux?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari Nru 19277 u 24717.

Nefqa fir-ristrutturar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23986 u jgħid kemm intnefqu flus fir-ristrutturar ta' toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Gvern Ċentrali mis-sena 2003 sas-sena 2008? Liema kienu dawn it-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-somma li ntefqet kienet ta’ €115,219,181 li €49,300,000 minnhom kienu fondi mill-Gvern Taljan u UE biex tlestew dawn it-toroq. · It-toroq finanzjati mill-Protokol Taljan , minn Ħal-Luqa sal-Imġarr · Triq ta’ Ħal Far, Ħal Far – Phase 3 · Vjal l-Avjazzjoni Ċivili, Luqa · Il-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar · Il-Bridge ta’ Manoel Dimech · It-Triq mit-Terminal ta’ Għawdex sal-Heliport Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' toroq oħra. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi wkoll għat-tweġibiet li kienu ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari Nru 26880 tas-sena 2007 u 22232 tas-sena 2006.

Policy dwar stallar ta' speed camera

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta ffinalizzatx il-policy tagħha dwar l-istallar ta’ speed cameras?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-policy hija kważi finalizzata u mistennija li tiġi ppublikata fil-ġimgħat li ġejjin.

Muturi li huma liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ muturi li huma licenzjati f’Malta u Għawdex, skont il-horse power tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta' muturi li huma liċenzjati f'Malta u Għawdex huwa ta' 12,883. Infurmat ukoll li l-informazzjoni tinżamm biċ-ċilindraġġ u mhux skont il-horse power.

Vetturi li huma electrically operated jew hybrid

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta’ vetturi li huma ‘electrically operated’, jew ‘hybrid’?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ vetturi li huma electrically operated jew hybrid huwa hekk kif ġej: ‘Electric’ - 1300 ‘Hybrid’ - 208

Mosta — Tiswija ta' water culvert

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lid-dipartiment tat-toroq biex water culvert mejjet li hemm f'Main Street il-Mosta aħna u neżlin mir-Rabat għall-Mosta jitwaħħal mal-kumplament tal-water culvert li hemm eżistenti matul din it-triq, liema water culvert sar biex l-ilmijiet kbar li jgħaddu minn din it-triq jinġabru ġewwa fih u ma jkomplux jkunu ta' inkonvenjent għar-residenti tal-akwata? Dan il-water culvert mejjet qed jikkawża ħafna ħsara fil-bini tar-residenti peress li l-ilma li jżomm qed jidħol taħt id-djar tal-istess residenti u qiegħed iżid ħafna l-umdita' fl-istess djar, għalhekk jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa ħalli dan ix-xogħol jitlesta kemm jista' jkun malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt il-każ lil Transport Malta sabiex tkun tista' tinvestigah.

trasport pubbliku — skont għall-anzjani

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24421, jista' l-Ministru jgħid kemm se jkunu r-rati li se jħallsu l-anzjani u x'inhi d-differenza mis-sitwazzjoni preżenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-rati huma skont din it-tabella:- Rati għall-Anzjani Sagħtejn €0.30 Ġurnata €0.50 Sebat’ ijiem €2.30 Daqxejn diffiċli biex wieħed jagħmel paragun tal-prezzijiet ma’ dawk kif sejrin ikunu fis-sistema l-ġdida minħabba li preżentament, l-passiġġier irid iħallas għal kull vjaġġ li jieħu. Fil-preżent, in-noll hu 0.46c return iżda bis-servizz il-ġdid, in-nollijiet se jkunu applikabbli għal perjodu ta’ żmien. Għaldaqstant, persuna li tixtri biljett ta’ sagħtejn jew aktar tkun tista' tuża s-servizz għal aktar minn darba tul dak il-perjodu.

Reġistru Pubbliku — divorzji reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati divorzji minn barra fir-Reġistru Pubbliku bejn l-1980 u l-2010, kull sena separatament, u minn liema pajjiż? Jista' jgħid ukoll jekk xi ħadd mill-partijiet kienx barrani u jekk iva, minn liema pajjiż?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li l-informazzjoni ma tinżammx.

Kwestjoni dwar sinjali tat-toroq

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24020, jista' l-Ministru jara sewwa u jidħol fid-dettal ta' każ ta' probelma ta' parking fejn is-Sinjur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ma jistax joħroġ bil-karozza għax qabel kellu double line li kien ilu hemm żmien u issa Transport Malta qalulu li meta kejlu minn faċċata sa faċċata kien hemm sitt metri u dan is-Sinjur qed jgħid li dawn is-sitt metri jibdew minn taħt il-bankina għax il-karozzi ma jgħaddux minn fuq il-bankina u għaldaqstant dan is-Sinjur qiegħed jitlob reviżjoni tat-talba tiegħu għax huwa ma jistax joħroġ bil-karozza?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li b'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 24020, li kienet tittratta dwar sinjali in ġenerali fl-imsemmija triq, fil-25 ta' Frar 2011, l-Awtorita’ tat-Trasport bagħtet linji gwida lill-Kunsill Lokali rispettiv, kif ukoll talbet lill-istess Kunsill sabiex jipprepara u jissottometti pjanta li tindika l-proposta tal-Kunsill Lokali għal-linji u sinjali meħtieġa f'din it-triq. Sal-lum il-Kunsill Lokali għadu ma ssottomettiex din il-proposta kif mitlub fil-25 ta' Frar 2011. B'referenza għall-każ partikolari msemmi, fis-26 ta' Ottubru, 2010 l-Awtorita’ kienet diġa` ikkonsultat mal-Kunsill Lokali, wara li rċeviet ilment mingħand sid il-post rigward linji sofor li tneħħew mill-Kunsill Lokali stess u li rriżulta li kienu bla permess. L-Awtorita` ma bagħtet l-ebda korrispondenza rigward distanzi ta' wisa` tat-triq. Peress li l-Kunsill Lokali baqa’ ma bagħtx ir-risposta tiegħu għall-ittra tal-Awtorita`, dan il-każ intbagħat għad-deċiżjoni tal-Bord għall-immaniġġjar tat-traffiku.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar mill-2008 sal-lum minn uffiċjali li jaqgħu fi ħdan ir-responsabiltà tiegħu, jiġifieri minn uffiċjali fl-awtoritajiet, dipartimenti governattivi u oħrajn? Jista' jagħti d-destinazzjoni u l-iskop tas-safra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Twelid ta' tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul il-perjodu 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010 kemm twieldu tfal barra ż-żwiġijiet? X'persentaġġ huma dawn komparati ma' dawk li jitwieldu fiż-żwieġ? Kemm tfal ġew imniżżla dikjarati bħala missier mhux magħruf?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni li tinżamm mir-Reġistru Pubbliku hija bbażata fuq id-data meta t-twelid ikun reġistrat u mhux fuq id-data attwali tat-twelid. Dan għaliex jista’ jkun il-każ li per eżempju tarbija li titwieled f’Diċembru ta’ xi sena partikulari tkun reġistrata fir-Reġistru Pubbliku f’Jannar tas-sena ta’ wara. Barra minn hekk l-informazzjoni li tingħata lir-Reġistru Pubbliku fid-data tar-reġistrazzjoni tista’ sussegwement tkun ikkoreġuta. Hekk per eżempju tarbija li oriġinarjament tkun reġistrata bħala “missier mhux magħruf” jista’ jkun li sussegwement ikun reġistrat il-missier tagħha. Dan kollu jfisser li l-informazzjoni fir-Reġistru Pubbliku minn żmien għal żmien tinbidel hekk kif tkun aġġornata. F’dan il-kuntest qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Nefqa fir-ristrutturar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'ristrutturar ta' toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali mis-sena 2008 'l hawn u liema kienu dawn it-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-somma minfuqa fuq ristrutturar ta' toroq bejn l-2008 u l-2010 kienet ta' €41,380,282. Dwar il-lista ta' toroq involuti nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari Numru. 24792.

Triq il-Fdalijiet Preistoriċi — tabella fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir tabella biex tindika l-isem tat-triq 'Il-Fdalijiet Preistoriċi", Mosta min-naħa tal-bandli għaliex din it-triq f'din n-naħa m'għandiex isem u liema nuqqas qed joħloq skumdità lir-residenti konċernati għaliex meta barranin jkunu jridu jfittxu lil dawn ir-residenti qed ikollhom problema minħabba dan in-nuqqas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li tabelli ta’ ismijiet ta’ toroq residenzjali jitwaħħlu mill-kunsill lokali rispettiv, dejjem bil-premessa li l-isem ikun approvat mill-kumitat tat-tismija ta’ toroq.

Residenti f'Wied il-Għajn — inkonvenjent minn ilma tax-xita

Question

Xi snin ilu ngħata t-tarmak lil Triq l-Aħmar, Wied il-Għajn. Minn dak iż-żmien ir-residenti ta' Triq il-Kannella, Wied il-Għajn ilhom isofru inkonvenjent għax l-ilma tax-xita minn Triq l-Aħmar jinżel għal ġo Triq il-Kannella u jibqa' dieħel fil-garaxxijiet ta' din l-istess triq. Is-sitwazzjoni tant hija gravi li r-residenti jkollom jagħmlu filata ġebel quddiem ir-rampa tal-istess garaxxijiet biex iżommu l-ilma milli jidħol ġewwa. Jista' l-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jitneħħa kemm jista' jkun malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta eżaminat il-każ u jirriżulta li t-triq inbniet skont il-livelli u l-alignments uffiċjali stabbiliti mill-MEPA. Jirriżulta wkoll illi faċċata ta' din it-triq, li hi fit-telgħa, hemm numru ta' semi basements li nbnew wara li kienet saret it-triq u nbnew mhux skont il-livelli uffiċjali. Jien infurmat ukoll li f'każijiet bħal dan Transport Malta ma tistax toffri rimedju.

Transport Malta — ingaġġ ta' security officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju ġew ingaġġati l-aħħar 13-il security officer ma' Transport Malta meta dawn m'għandhomx il-kwalifiki meħtieġa? Jista' jgħid jekk il-fatt li dawn kollha jemanu mill-ewwel distrett elettorali kienx il-kriterju meħud in konsiderazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-security officers li ġew ingaġġati, kollha huma fil-pussess tal-kwalifiki rekwiżiti fis-sejħa, ċioè kollha huma fil-pussess ta' liċenzja valida maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija. L-ingaġġ sar permezz ta' kumpanija privata ta' reklutaġġ li ntervistat lil kull persuna li bagħtet l-ETC. Mhux minnu li min ġie ngaġġat kollha jiġu mill-ewwel distrett elettorali.

Ħal Qormi — Triq Amleto Spiteri - konġestjoni ta' traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex twaqqfu l-pjanijiet li Triq Amleto Spiteri f'Ħal Qormi li oriġinarjament kellha tinfed mal-area magħrufa bħala tal-Erba Qaddisin biex tiffaċilità anke d-dħul u l-ħruġ tat-traffiku mill-qalba ta' Ħal Qormi, llum dawn il-pjanijiet inbidlu u sussegwetement qed ikun hemm konġestjoni sħiħa ta' traffiku f'toroq sekondarji bħal, per eżempju Triq Ġorġ u Triq l-Għoxrin ta' Jannar, partikolarment fir-rush hours tax-xogħol? Ghaldaqstant jista' l-Ministru juża' l-esperti tat-traffiku biex jerġa' jsir l-istudju meħtieġ biex Triq Amleto Spiteri tinfetaħ u jiġi faċilitat it-traffiku kif ukoll l-emissjonijiet fl-arja li qed joħolqu riskju serju għas-saħħa tar-residenti Qriema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.