Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet għal kontravenzjonijiet tat-traffiku matul is-sena 2007, lokal b'lokal u x'kienet r-raġuni? Kemm inġabru flus minn dawn il-kontravenzjonijiet matul l-2007, xahar b'xahar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul is-sena 2007 il-Pulizija ħarġet 1,410 ċitazzjonijiet għal kontravenzzjonijiet tat-traffiku u 63,548 traffic offence ticket, f'diversi lokalitjiet madwar Malta u Għawdex.
Infurmat ukoll illi l-multi ma jinġabrux mill-Pulizija u li ma tinżammx statistika ta' dawn iċ-ċitazzjonijiet lokal b'lokal.
Billi matul l-aħħar leġislazzjoni, f'diversi okkażjonijiet tlabt lill-Kummisarju tal-Pulizija jinvestiga allegazjonijiet li kien qed isiru fil-Parlament, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fihx waslu l-istess investigazzjonijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti aktar dettalji dwar liema allegazzjonijiet qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tat-tariffa li se tiġi użata biex xi ħadd jintavola rikors quddiem it-Tribunal ta' Reviżjoni mwaqqaf taħt Kap. 490 tal-Liġijiet ta' Malta? Meta se jidħol fis-seħħ it-Tribunal ta' Reviżjoni?
Jista' jindika wkoll jekk hijiex l-intenzjoni tal-Gvern li l-bordijiet jew tribunali amministrattivi preżenti elenkati fl-Ewwel Skeda tal-Kap. 490 jiġu nkorporati fit-Tribunal ta' Reviżjoni, mwaqqaf taħt Kap. 490 tal-Liġijiet ta' Malta sabiex ikun hemm Tribunal wieħed amministrattiv li jiġbor taħt nomenklatura u kappa legali waħda u f'post fiżiku wieħed it-tribunali u l-bordijiet kważi ġudizzjarji kollha?
In oltre jista' jispjega kif qed jipprospetta li l-Artiklu 469A tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili l-Kap. 490 se jikkoeżistu flimkien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tariffi legali li talab għadhom qed jitħejjew.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' persuna ta' ċittadinanza Niġerjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed isib impediment legali biex ikun jista' jikkontratta ż-żwieġ tiegħu mal-partner Maltija tiegħu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant qiegħed jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti sabiex issir applikazzjoni għall-liċenzja tal-kaċċa tal-fenek?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li persuna li tixtieq tapplika għall-kaċċa tal-fenek trid tissoddisfa dawn ir-rekwiżiti:-
Trid tkun 'il fuq minn 18 il-sena
Trid tkun ċittadin ta’ Malta ai terminu tal-Artikolu 23 tal-Kap 480
Irid ikollha kondotta nadifa ai terminu tal-Artikolu 24 tal-Kap 480
Trid tkun imsieħba ma’ għaqda rikonoxxuta, (jekk mhux diġa membru)
Trid konferma mill-għaqda li ma ssibx oġġezzjoni li dak il-membru japplika għal-liċenzja tal-kaċċa tal-fenek selvaġġ u pjanta uffiċjali tal-post ta’ fejn ikun ser jikkaċċja.
Fil-każ li l-applikant ikun ser jikkaċċja fuq l-art tiegħu, irid iġib prova bħala sid l-art. Jekk l-art ma tkunx ta' l-applikant, irid iġib kopja tal-karta tal-identita’ u permess ta’ sid l-art li jindika li t-tali persuna qiegħda tingħata permess tikkaċċja fuq dik l-art tiegħu. L-applikant għandu ukoll jippreżenta l-karta ta’ l-identita’ tiegħu u joqgħod għal eżami orali li jsir mill-MEPA.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu s-sentenzi l-oħra - apparti dawk karċerarji - li ngħataw il-priġunieri sentenzjati fl-2007? Per eżempju, acquittals, suspended sentences, probation, fine/multa, court orders, declared insane, extradited, deported)?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
It-tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari qiegħeda titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-liġijiet dwar il-kawżi ta' libell jinbidlu radikalment?
Billi s-sistema tal-lum tippermetti li kawżi bħal dawn(u l-kawżi kollha l-oħra) jitkaxkru kemm tkun trid il-parti li tkun qed tiġi akkużata b'malafama (tant li f'każ minnhom - li fih involut jien- l-avukat tal-parti l-oħra sa wasal biex qal li ġab il-
file
tal-kawża żbaljata), jista' darba għal dejjem jiġi stabilit terminu li fihom dawn il-kawżi għandhom jinqagħtu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-kontenut tad-domanda Parlamentari ser jiġi kkunsidrat
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi liġi li tirregola l-ftuħ ta' remissi għaż-żwiemel, cioe' jekk dawn jistgħux jinfetħu fl-abitat u fl-ibliet tal-Kottonera?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li ai termini tal-artikolu 126(1) tal-Kodiċi tal-Pulizija jipprovdi li ħadd ma jista’, mingħajr liċenza ta’ l-awtorita’ sanitarja illi tiswa mhux aktar minn sena, iżomm f’ebda fond ġewwa l-limiti msemmija fis-subartikolu (2) ta’ l-aħħar artikolu ta’ qabel, ebda bhima tal-fart…żiemel, bagħal jew ħmar. Il-“limiti msemmija fis-subartikolu (2) ta’ l-aħħar artikolu…” hi riferenza għall-limiti imsemmija fis-subartikolu (2) ta’ l-artikolu 125 u cioe’ “l-limiti tal-Belt Valletta, tal-Belt Notabile jew Imdina, tal-Birgu, ta’ l-Isla, ta’ Bormla, tal-Furjana, jew ta’ tas-Sliema”. Hemm pero' l-kumlikazzjoni li l-artikolu 125 tal Kodiċi tal-Pulizija ġie mhassar bl-artikolu 50 ta’ L-Att XXV ta’ l-2001 dwar it-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali. Għalhekk is-sitwazzjoni titlob emenda sabiex tkun iċċarata.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar allegazzjonijiet ta' voti mixtrija? Billi fi stqarrijiet pubbliċi ingħad li kien hemm politiċi nvoluti f'dan, jista' jagħti tagħrif dwar min kienu dawn il-politiċi biex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji dwar dawn l-allegazzjonijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi din l-investigazzjoni għadha mhix konkluża.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pulizija nvoluti fil-każ tal-persuna, li isimha qed jidher separatament, ma ġewx sospiżi temporanjament sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom, kif soltu jiġri f'każi simili?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi skond il-proċedura uffiċċjal jista' jiġi sospiż mid-doveri tiegħu f'każ li jkunu nbdew jew ikunu ser jinbdew proċeduri kriminali jew dixxiplinarji serji fil-konfront tiegħu. Fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, s'issa m'hemm ebda membru tal-Korp tal-Pulizija taħt dawn iċ-ċirkostanzi. Wara li jkunu lesti ż-żewġ inkjesti li bħalissa hemm għaddejjin rigward il-każ, l-amministrazzjoni tal-Korp tkun tista' tieħu dawk il-provvedimenti skond ma jirriżulta.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tiġi emendata b'mod li jkun ferm aktar ċar li min jabbuża jista' jiġi pproċessat?
Jista' jara li fost l-oħrajn li meta jkun hemm ammissjonijiet li tali' persuna tkun abbużat fil-konfront ta' xi ħadd, fil-fatt jittieħdu l-passi neċessarji kollha?
Minbarra l-proċeduri uffiċjali, f'każi bħal dawn, jistgħu jittieħdu ukoll passi ċivili li fihom l-investigatur tal-pulizija jintalab jixhed?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li f'kull Liġi hemm lok għall-emendi ġodda. Fil-każ in kwistjoni dan għandu jsir fil-parametri tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE ta' l-24 ta' Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data. Din id-Direttiva ġiet mdaħla fil-Liġijiet ta' Malta taħt l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad- Data (Kap. 440).
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li meta ssir investigazzjoni ta' każ, li ħafna drabi jista' jinvolvi proċeduri kriminali, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data jmexxi l-investigazzjoni flimkien mal-Pulizija.
L-artikolu 46 (1) tal-Liġi tal-protezzjoni tad-data jipprovdi għall-kumpens għad-danni u dan isir permezz ta' ċitazzjoni ppreżentata fil-Qorti kompetenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali milli jiddetermina jekk għandhomx jittieħdu passi kontra l-persuni allegatament involuti fl-hekk imsejjaħ Skandlu tal-Mistra Valley?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li għad hemm konsultazzjonijiet għaddejin bejn il-Pulizija u l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali dwar din il-materja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema fid-dipartiment/entitajiet/korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma fuq reduced hours? Jista' jgħid hux jikkonsidra li jidħol/jew jiżdied n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mid-dar bis-sistema teleworking? Xi trid tagħmel f'każ li persuna tkun interessata żżid is-sigħat tax-xogħol tagħha permezz ta' teleworking?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 87-il ħaddiem fid-dipartimenti u entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi li qed jaħdmu ġimgħa b'sigħat imnaqqsa.
Hija l-politika tal-Gvern preżenti, li sa fejn hu possibbli, l-impjegati tiegħu jkunu jistgħu jaħdmu bit-teleworking. Tant hu hekk li fis-Servizz Pubbliku diġa' hemm impjegati li qed jaħdmu b'din is-sistema. Barra minn hekk, ftit taż-żmien ilu, inħarġet ċirkolari li tispjega l-politika tal-Gvern dwar din is-sistema kif ukoll linji gwida dwar it-tagħlim tagħha.
F'każ li persuna tkun interessata żżid in-numru ta' sigħat tax-xogħol tagħha, għandha titkellem dwar dan mal-Kap tad-Dipartiment jew organizzazzjoni fejn taħdem sabiex dan jinfurmha bil-kundizzjoni relattivi mat-tħaddim ta' din is-sistema.