Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Lokali Santa Venera – xogħlijiet infrastrutturali mwettqa

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ xogħlijiet infrastrutturali li wettaq il-Kunsill Lokali Santa Venera fis-snin 2020 u 2021 rispettivament u matul is-sena 2022 sat-30 ta’ April 2022? Jista’ jgħid fejn sar dan ix-xogħol, fiex kien jikkonsisti, kemm sewa u min wettaq dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera li x-xogħol imsemmi ma sarx mill-Kunsill Lokali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru responsabbli.

Naxxar, Mellieħa, San Pawl il-Baħar – stallazzjoni ta’ bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-istallazzjoni ta’ bus shelters fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Mellieħa u San Pawl il-Baħar? Fejn u meta hu mistenni li jiġu installati iktar bus shelters f’dawn il-lokalitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Kunsill Lokali Tweġiba mill-Kunsill Mellieħa Proposti li jinvolvu toroq arterjali li saru lil Transport Malta: 1. Triq il-Marfa (Skrajda - Direzzjoni Ċirkewwa) 2. Triq il-Marfa (Qammieħ - Direzzjoni Ċirkewwa) 3. Triq il-Marfa (Qammieħ - Direzzjoni Valletta) 4. Triq il-Marfa (L-Aħrax - Direzzjoni Ċirkewwa) 5. Triq iċ-Ċirkewwa (Batterija - Direzzjoni Ċirkewwa) Proposti li jinvolvu toroq distributorji li saru the Faces Consultants Ltd skont ftehim li sar mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali: 6. Triq il-Latnija (Paradise – Direzzjoni Valletta) 7. Triq il-Marfa (Luna – Direzzjoni Valletta) 8. Triq il-Marfa (Adenau – Direzzjoni Valletta) 9. Triq il-Biedja (Xifer – Direzzjoni Valletta) Naxxar Il-Kunsill m’ghandux pjanijiet li jinstalla bus shelters f’dan l-istadju. San Pawl il-Baħar Infurmat li l-Kunsill daħħal 6 DNOs fuq bus shelters.

Mellieħa – Palazz ta’ Selmun – xogħlijiet ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex isiru xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Palazz ta’ Selmun, Mellieħa, sabiex ma jkomplix jitfarrak u jiddeterjora?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi ghat-twegiba parlamentari bin-numru 99.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – Park tal-Familja – Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jagħmel il-manutenzjoni xierqa fil-Park tal-Familja wara li partijiet minnu tħallew fi stat ta’ abbandun, fosthom il-fence tal-multi-purpose court, il-passaġġ magħmul mill-wooden chips u sinjali tad-direzzjonijiet li hemm fl-istess park?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li ħareġ sejħa għall-offerti sabiex apparti li ssir manutenzjoni tax-xibka madwar il-multi-purpose court, issir ukoll bażi ġdida għall-arbli li jżommu l-istess xibka, peress li meta dawn twaħħlu saret ħsara fil-membrane, li qed tikkawża dħul tal-ilma fid-dressing rooms li hemm taħt il-court. B’rabta ma’ dan ser issir sejħa oħra sabiex tissewwa l-ħsara li saret fis-soffitt u l-ħitan tad-dressing rooms li hemm taħt il-court. Ix-xogħol jinvolvi wkoll miżuri sabiex titrażżan l-umdità fl-istess ħitan. Riċentement saret ordni sabiex isiru tabelli ġodda li qdiemu, jew huma nieqsa fid-diversi partijiet tal-park. L-esperjenza wriet li kull darba li l-wooden chippings tferrxu fuq il-jogging track, dawn inġarru mill-ilmijiet fl-iktar partijiet baxxa tal-istess trakka.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – Park tal-Familja – Green Wall

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti/studji li saru mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa sabiex isir green wall fil-parti fuq ġewwa tat-trakka li tinsab fil-Park tal-Familja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-green wall li attwalment qed jiġi istallat fil-trakka tal-Park tal-Familja huwa pjuttost proġett pilota, li l-Kunsilli Lokali ġew imħeġġa li jwettqu bħalu bi skemi li ġew imnedija mill-entitajiet governattivi konċernati. Wara li ttieħdu l-pariri dwar it-tip ta’ pjanti li għandhom jiġu mkabbra permezz ta’ hydropinic system, ġiet sottomessa proposta għall-finanzjament tal-proġett permezz ta’ fondi Ewropej tramite l-Fondazzjoni Grupp Azzjoni tal-Majjistral u l-ARPA. Il-Bord tekniku li evalwa l-proposta dehrlu li din hija vijabbli u għaldaqstant approva l-finanzjament tagħha.

Telgħa tal-Imbordin – tindif regolari taħt it-triq

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir it-tindif b’mod regolari taħt it-triq fin-naħa ta’ isfel fit-Telgħa tal-Imbordin, li jservi sabiex l-ilma tax-xita jkun jista’ jgħaddi minn naħa għal oħra tat-triq u b’hekk jiġi evitat li ssir ħsara fl-għelieqi tal-madwar hekk kif ġara matul din ix-xitwa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li preżentament għandu kwotazzjoni miftuħa u l-Kunsill Lokali flimkien mal-Contracts Manager jagħmlu spezjonijiet regolari u tinġibed l-attenzjoni meta jkun hemm bżonn sabiex isiru x-xogħlijiet meħtieġa. Intant il-Kunsill Lokali se jkun qed jagħmel spezzjoni f’din l-area partikolari.

Gudja – Bye-law dwar parkeġġ residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma meta d-Direttur tal-Gvern Lokali rċieva l-bye-law approvata mill-Kunsill Lokali tal-Gudja dwar il-parkeġġ residenzjali, liema bye-law il-Kunsill Lokali ġie nformat mis-Sindku li ntbagħtet lilu fil-Laqgħa nru 63 tal-Erbgħa 22 ta’ Diċembru, 2021? Jista’ jikkonferma jekk din il-bye-law ġietx mgħoddija lilu mid-Direttur u jekk hu ressaqx emendi għaliha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-preżent id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali qed tipproċessa t-talba tagħhom.

Direttorat għall-Gvern Lokali, Strateġija u Implimentazzjoni – proġetti għal spazji miftuħa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti saret applikazzjoni għalihom permezz tal-iskema maħruġa mid-Direttorat għall-Gvern Lokali, Strateġija u Implimentazzjoni sabiex joħolqu spazji miftuħa fil-lokalitajiet tagħhom u mil-liema Kunsill Lokali, matul is-sena li għaddiet? Liema minn dan il-proġetti ġew aċċettati? Liema minn dawn il-proġetti ma ġewx aċċettati u x’kienet ir-raġuni għal dan f’kull każ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Żejtun – ċaqliq tal-librerija pubblika – twaqqif ta’ servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra għal liema raġuni l-librerija pubblika fiż-Żejtun iċċaqilqet u għaliex is-servizzi preċedenti waqfu ħabta u sabta b'mod li wieħed jista’ jirritorna l-kotba s-sibt filgħodu u ma jistax jissellef? Jista’ għalhekk jipprovdi alternattiva billi hemm numru ta’ persuni li s-soltu jissellfu l-kotba u li issa ma jistgħux?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru PQ 24692.

Żejtun – Librerija Pubblika — kotba

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm kotba fil-librerija pubblika fiż-Żejtun u kemm żdiedu l-kotba f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Malta Libraries li hemm tnejn u għoxrin elf, tlett mija, ħamsa u għoxrin (22,325) ktieb fil-librerija pubblika taż-Żejtun. In-numru ta’ kotba miżjuda fl-2019 kien ta’elf, erba’ mija, wieħed u tmenin (1,481) ktieb, in-numru ta’ kotba miżjuda fl-2020 kien ta’elf, tmienja u erbgħin (1,048) ktieb u n-numru ta’ kotba miżjuda fl-2021 kien ta ħames mija, disgħa u erbgħin (549) ktieb.

Wied il-Għajn, Marsaxlokk u Ħal Għaxaq – libreriji pubbliċi – xiri ta’ kotba ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm inxtraw kotba ġodda għal-libreriji pubbliċi ta' Wied-il-Għajn, Marsaxlokk u Ħal Għaxaq f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Malta Libraries li fil-librerija pubblika ta’ Wied il-Għajn, in-numru ta’ kotba ġodda fl-2019 kien ta’ mitejn u tletin (230) ktieb, in-numru ta’ kotba ġodda fl-2020 kien ta’ mitejn, sitta u disgħin (296) ktieb, u n-numru ta’ kotba ġodda fl-2021 kien ta’ mija u erbatax-il ktieb (114). Fil-librerija pubblika ta’ Marsaxlokk, in-numru ta’ kotba ġodda fl-2019 kien ta’ mitejn, disgħa u sittin (269) ktieb, in-numru ta’ kotba ġodda fl-2020 kien ta’ mitejn, tnejn u tletin (232) ktieb, u in-numru ta’ kotba ġodda fl-2021 kien ta’ mija, ħamsa u disgħin (195) ktieb. Fil-librerija pubblika ta’ Ħal Għaxaq, in-numru ta’ kotba ġodda fl-2019 kien ta’ mitejn u għaxar (210) kotba, in-numru ta’ kotba ġodda fl-2020 kien ta’ mija, tmienja u ħamsin (158) ktieb, u n-numru ta’ kotba ġodda fl-2021 kien ta’ mija, tlieta u tletin (133) ktieb.

Tielet Distrett – servizzi mogħtija mill-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’servizzi qegħdin jingħataw mill-Kunsilli Lokali tat-Tielet Distrett?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ta’ Sannat Għawdex – progett ta’ riġinerazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita

Question

B'referenza għall-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita fir-raħal Ta’ Sannat, jista' ġentilment il-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar dan il-proġett li ilu jiġi mwiegħed għal dawn l-aħħar snin? Jista’ jgħid f'liema xahar u sena hu maħsub li jinbeda x-xogħol infrastrutturali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat bħalissa qed isiru trial holes biex jiġi stabbilit fejn ser isir il-walk through service culvert fil-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita. Dan ix-xogħol infrastrutturali beda fl-1 ta’ Frar 2022.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — organogramma

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24081 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istruttura (organogramma) tas-segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari (fil-każ li hemm wieħed)? Jista’ l-Ministru jindika kemm minn dawn il-persuni kienu diġà jaħdmu mas-servizz pubbliku u kemm minnhom qed jaħdmu bħala “persons of trust”?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24070, ninfurmaha li l-għadd ta’ persuni fil-Ministeru li diġà jaħdmu mas-Settur Pubbliku hu ta’ 6, waqt li l-Persons of Trust jammontaw għal 14.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Infiq fuq materjal ta' reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont li ntnefaq mill-Ministeru fuq materjal ta' reklamar inkluż fuq billboards, reklami fil-gazzetti, reklami fuq social media u leaflets jew pubblikazzjonijiet oħrajn li tqassmu fid-djar għal kull xahar bejn Jannar 2020 u Jannar 2022?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Gudja – Triq Santa Katerina u Triq id-Dejqa – xogħol

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24199, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’progress sar fit-toroq Santa Katarina u d-Dejqa Gudja, dejjem jekk sar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li x-xogħol baqa' għaddej b’mod kostanti tul l-aħħar ġimgħat u fadal l-aħħar parti ta` Triq Santa Katerina u Triq id-Dejqa.

Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule — xogħol

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24200, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikati li semma u l-aħħar rapport li sar mhux ta’ April 2021 u meta ser jibda x-xogħol fil-Pjazza Antoine de Paule Raħal Ġdid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’Malta li r-rapport tat-triq tal-pjazza ta’ Raħal il-Ġdid huwa ‘in progress’. Diġa inġabru kampjuni tat-triq u qegħdin jiġu analizzati. L-eżitu ta’ dan huwa li jitlesta rapport ieħor dwar jekk it-triq saritx skont l-ispeċifikazzjonijiet mitluba minħabba t-traffiku kbir li jgħaddi. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 24200, li fiha lista ta’ xogħlijiet li jridu jsiru fil-pjazza. Bħalissa ġew ordnati bollards ġodda u sodi li kif jaslu jinbidlu ma dawk li hemm.

San Pawl il-Baħar – Tqassim ta’ boroż griżi u organiċi mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jara l-possibilità li t-tqassim ta’ boroż griżi u organiċi hekk kif provduti mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jiġu provduti perjodikament minn żoni oħra fl-istess lokalità, bħax-Xemxija, Burmarrad, Qawra, Buġibba u żoni oħra u dan minħabba l-kobor tal-istess lokalità u l-fatt li mhux kulħadd hu possibbli għalih jiġbor l-istess boroż mill-uffiċċju tal-kunsill lokali? Jekk dan hu possibbli, x’inhu l-pjan biex ir-resident ikun moqdi u jiġi inċentivat iktar biex jissepara l-iskart tiegħu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani fil-Kunsill Lokali mhux possibbli li dak mitlub jiġi attwat fil-preżent.

Raħal Ġdid — Triq it-Tarzna u Triq Santa Monica - xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 20364, 20369, 20702 u 20703, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba huwiex ser isir ix-xogħol neċessarju fit-toroq indikati ta’ Triq it-Tarzna u Triq Santa Monica f’Raħal Ġdid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li bħalissa qed jiddiskuti programm ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq ma’ Infrastructure Malta.

Raħal Ġdid – Triq Santa Monika – Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba sar studju ta’ Triq Santa Monika, Raħal Ġdid u jekk hijiex se tiġi rranġata billi hija fi stat ħażin ħafna?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li bħalissa qed jiddiskuti programm ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq ma’ Infrastructure Malta fosthom Triq Santa Monika.