Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissarju għall-Anzjani - Każijiet riferuti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3084 u jgħid kemm mill-każijiet riferuti lill-Kummissarju għall-Anzjani f'kull sena, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu jirrigwardaw allegat abbuż, negliġenza jew sfruttament finanzjarju ta' persuni anzjani? Jista' jgħid ukoll x'azzjoni ttieħdet f'dawn il-każijiet?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kummissarju għall-Anzjani – Rakkomandazzjonijiet lill-Gvern

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3085 u jippreżenta lista ta' rakkomandazzjonijiet li l-Kummissarju għall-Anzjani għamel lill-Gvern mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx implimentati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma saru l-ebda rakkomandazzjonijiet mill-Kummissarju għall-Anzjani.

Ministeru għas-Saħħa – Kontinġent għall-laqgħat f’New York

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2972 u jgħid kemm kien jikkonsisti f’persuni l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Ministeru tiegħu għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Direttorat għas-Saħħa Ambjentali – Tneħħija ta’ akkumulu ta’ skart minn artijiet privati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega l-proċedura u l-bażi legali li juża d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali meta akkumulazzjoni sinifikanti ta’ skart fuq art privata toħloq riskju għas-saħħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll x’jiġri meta s-sid ma jkunx identifikat jew ma jistax jiġi kkuntattjat u, għal kull waħda mill-aħħar tliet snin, jispeċifika: i.    kemm daħlu rapporti; ii.   kemm inħarġu avviżi; iii.  kemm saru interventi ta’ tindif u kemm swew tali interventi; u iv.  kemm ittieħdu azzjonijiet legali?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li, meta d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jinvestiga u jispezzjona l-post sabiex ikun ivverifikat kull rapport dwar akkumulazzjoni ta’ skart fuq art privata skont is-setgħa mogħtija mil-liġi u jieħu l-miżuri meħtieġa, skont ił-każ, fejn akkumulazzjoni ta’ skart tista' tikkawża inkonvenjent jew toħloq periklu għas-saħħa pubblika. F’każijiet fejn is-sid ma jkunx magħruf jew ma jkunx jista’ jiġi kkuntattjat, id-Direttorat jagħmel kull sforz raġonevoli biex jidentifika u/jew jikkuntattja lill-persuna responsabbli, inkluż permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra. It-tabella ta’ hawn taħt tindika n-numru ta’ lmenti rreġistrati mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali għall-Malta u Għawdex għas-snin 2023 sal-2026 (sal-aħħar ta’ Settembru 2026), in-numru ta’ avviżi maħruġa, kif ukoll in-numru ta’ azzjonijiet legali meħuda. Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ intervent ta’ tindif imwettaq mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika matul il-perjodu indikat. F’numru ta’ każijiet, is-sidien ikkonformaw mal-istruzzjonijiet mogħtija u neħħew l-akkumulu huma stess, filwaqt li fejn ma kienx hemm konformità, ittieħdu l-passi legali meħtieġa skont il-liġi applikabbli. Sena Numru ta' Ilmenti Numru ta' Avviżi Numru ta' Azzjonijiet Legali 2023 42 3 3 2024 51 12 2 2025 38 39 1 2026 43 3 0

Mediċini għas-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li ħadu mediċini għas-saħħa mentali fis-snin 2023, 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema mediċini qiegħed jirreferi.

L-Isptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – Għajnuna għas-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li fittxew għajnuna għas-saħħa mentali fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fis-snin 2023, 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ attendenzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-isptar Mater Dei b’rabta ma’ għajnuna minħabba problemi ta’ saħħa mentali jew psikjatriċi jinsab fit-tabella ta’ hawn taħt. Year Number of A&E attendances 2023 2020 2024 1969 2025 2038 Jan-Aug 2026 1361

Insulin pumps – Pjan u timeline

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjan hemm għal aktar pazjenti biex jużaw l-insulin pumps u jekk hemmx timeline?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li preżentament għaddej il-proċess fejn qed jitqassmu l-insulin pumps lill-pazjenti li jgħixu bid-dijabete ta' Tip 1 u li għandhom inqas minn 19-il sena. Dawn il-pazjenti qed jingħataw l-għarfien neċessarju sabiex jagħmlu l-aħjar użu u bl-aktar mod sigur, u li jagħtihom il-benefiċċju massimu, minn dawn il-pumps. La darba jitlesta dan il-proċess, ikunu jistgħu jsiru t-tħejjijiet neċessarji sabiex ikompli jiżdied l-intitolament għal dawn il-pumps minn aktar pazjenti.

Continuous Glucose Monitors

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min hu intitolat għal Continuous Glucose Monitors u xi pjan hemm biex jingħata lil aktar pazjenti li għandhom bżonnu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li pazjenti bil-kundizzjoni tad-dijabete ta' Tip 1, min għandu Gestational Diabetes u min toħroġlu d-dijabete minħabba ' pancreatectomy, pancreatic atrophy or necrosis ' huwa ntitolat għal Continuous Glucose Monitors. Infurmat li bħalissa għaddej xogħol preparatorju u neċessarju sabiex b’mod gradwali jkompli jiġi estiż dan is-servizz.

Dentistrija – Sejħiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, jekk wara li kien hemm xi ingaġġi ġodda jew ingaġġi interni fid-Dentistrija, kienx hemm sejħiet (anke interni) qabel ġew ingaġġati nies għal: i.    Paediatric Dentistry/Child Dental Health; ii.   Endodontics; iii.  Special Needs; u iv.  Maxillofacial Surgery? Jekk iva, jista’ jgħid meta ħarġu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn is-sejħiet?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm sejħiet għal ingaġġi ġodda jew interni f’dawn il-karigi.

Ministeru għas-Saħħa – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2026?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għas-Saħħa – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Awwissu 2026?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Kwalità tal-ħajja tal-anzjani - Servizzi ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’servizzi ġodda qed jiġu introdotti biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AAKK) kif ukoll San Vinċenz de Paule qed jaħdmu fuq diversi proġetti biex ikomplu joffru aktar opportunitajiet u servizzi lill-anzjani, li wħud minnhom diġà tħabbru u oħrajn se jitħabbru fiż-żmien li ġej. L-AAKK diġà toffri diversi servizzi mmirati lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani, fosthom l-immaniġġjar tad-Dijabete fid-Dar, eżamijiet tal-għajnejn għall-membri taċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva u r-residenti fid-djar residenzjali, sessjonijiet tal-VR u taħriġ fit-teknoloġija fiċ-Ċentri, kif ukoll l-estensjoni tas-servizz Silver T. Fiċ-Ċentri qed isiru wkoll sessjonijiet ta’ għarfien dwar il-prevenzjoni ta’ kull forma ta’ abbuż u fejn wieħed jista’ jfittex l-għajnuna. F’San Vinċenz de Paule qed jiġu ntrodotti diversi servizzi u inizjattivi biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Fil-qasam dijanjostiku, se tiġi ntrodotta sistema ġdida tal-ultrasound li tikkumplimenta s-servizz eżistenti, wara l-inawgurazzjoni riċenti tal-MRI u, qabel, tas-CT Scan. Qed jespandu wkoll is-servizzi kliniċi: infetħet klinika ġdida tad-dijaliżi tal-kliewi, se tinfetaħ klinika tal-ematoloġija u se jkomplu jissaħħu l-kliniċi speċjalizzati, inkluż dik tal-oftalmoloġija. Fil-qasam tal-kura, infetħet sala ġdida għall-kura paljattiva, filwaqt li l-proġett pilota tal-kura intermedjarja ġie estiż minn 16 għal 40 sodda. L-investiment fir-riżorsi umani jibqa’ prijorità, bir-reklutaġġ ta’ infermiera speċjalizzati u taħriġ kontinwu għall-ħaddiema, inkluż taħriġ riċenti dwar il-Gold Standards Framework (GSF). Fl-istess waqt, qed jingħataw ukoll opportunitajiet ta’ tagħlim lir-residenti.

Kriterji kliniċi użati għall-imwiet bi sħana eċċessiva

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema definizzjoni, kriterji kliniċi, kriterji epidemioloġiċi u metodoloġija jintużaw mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex mewta tiġi identifikata u kklassifikata bħala relatata mas-sħana eċċessiva? Jista’ jispeċifika: (a) liema kodiċijiet tal-ICD-10 jintużaw, inklużi X30 u T67 u s-sottokategoriji tagħhom; (b) jekk jiġux eżaminati kemm il-kawża prinċipali kif ukoll il-kawżi sekondarji jew kontributorji fuq iċ-ċertifikat tal-mewt; (c) jekk jitqisux ir-rekords mediċi u tal-isptar, iċ-ċirkostanzi tal-esponiment u d-data meteoroloġika; (d) kif jiġu identifikati każijiet fejn is-sħana aggravat kundizzjoni kronika jew kundizzjoni eżistenti; u (e) jekk il-metodoloġija hijiex konformi mal-linji gwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mal-prattika Ewropea rikonoxxuta?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Anzjani bil-kundizzjoni tad-dimenzja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1087 u 2065 u jgħid kemm hawn anzjani f’pajjiżna li ġew dijanjostikati bil-kundizzjoni tad-dimenzja? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-anzjani qed jirċievu servizzi speċjalizzati u x’tip ta’ servizzi qed jingħataw?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mosta - Dar tal-Anzjani - Xogħlijiet

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3078 u jgħid meta ser tkun lesta d-Dar tal-Anzjani tal-Mosta? Jista' jgħid ukoll għaliex ix-xogħlijiet qed idumu daqshekk u meta ser jirritornaw lura l-anzjani li nħarġu mid-dar biex isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Djar tal-anzjani - Lista ta’ stennija - Anzjani fil-komunità

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3079 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1518, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega kif f'leġiżlaturi oħra dejjem kien jingħata n-numru ta’ anzjani fil-komunità li jkunu qed jistennew biex jidħlu fi djar tal-anzjani u issa dan in-numru mhux qed jingħata?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Excess Mortality u Temperature Attributable Mortality

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Gvern jikkalkulax l-excess mortality u t-temperature-attributable mortality waqt temperaturi estremi u heatwaves u, jekk iva, jispeċifika: (a) is-snin u l-perjodu użati sabiex jiġi stabbilit il-baseline tal-imwiet mistennija; (b) jekk il-baseline jiġix aġġustat għat-tkabbir u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, ix-xejriet fit-tul u l-varjazzjoni staġjonali; (c) liema kejl tat-temperatura jintuża u jekk jiġux ikkunsidrati l-umdità, it-temperaturi minimi ta’ billejl, it-tul u l-intensità tal-heatwave; (d) jekk jiġux ikkunsidrati l-effetti differiti tas-sħana fuq il-mortalità fil-jiem ta’ wara; (e) jekk l-analiżi tiġix aġġustata għal fatturi oħra, fosthom it-tniġġis tal-arja u l-prevalenza ta’ mard infettiv; u (f) liema definizzjoni operattiva ta’ heatwave tintuża mill-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta? Jista’ jiddentifika d-dati tal-heatwaves jew tal-livelli ta’ twissija tas-saħħa relatati mas-sħana bejn Ġunju u Settembru tas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026? Jekk il-Gvern ma jikkalkulax l-excess mortality jew it-temperature-attributable mortality, jista’ jgħid għaliex dawn l-istimi ma jsirux u jekk hemmx il-ħsieb li tiġi stabbilita sistema nazzjonali ta’ monitoraġġ tal-mard u tal-mortalità attribwibbli għas-sħana?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Persuni li mietu b’heatstrokes fl-2023, 2024, 2025 u 2026

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’Malta u f’Għawdex, separatament, matul ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru tas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026, kemm ġew irreġistrati mwiet li fihom minħabba l-esponiment għal sħana naturali eċċessiva, heatstroke, sunstroke, ipertermija jew kundizzjoni oħra relatata mas-sħana kienu rreġistrati bħala: (a) il-kawża prinċipali tal-mewt; jew (b) kawża sekondarja, kontributorja jew fattur li kkontribwixxa għall-mewt? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont ix-xahar, separatament għal Malta u Għawdex, is-sess,  gruppi ta’ età 0–64, 65–74, 75–84 u 85 sena jew aktar? Jista’ jgħid ukoll, għall-istess perjodi, kemm kienu: (a) l-imwiet osservati minn kull kawża; (b) l-imwiet mistennija skont il-baseline użat mill-awtoritajiet; (c) l-excess all-cause mortality waqt perjodi ta’ temperaturi estremi u heatwaves; u (d) l-għadd stmat ta’ mwiet attribwibbli għal temperaturi għoljin, inklużi mwiet li fihom is-sħana ma ġietx imniżżla fuq iċ-ċertifikat tal-mewt iżda setgħet wasslet għall-aggravament ta’ kundizzjoni eżistenti, fosthom mard kardjovaskulari, ċerebrovaskulari, respiratorju jew renali, id-dijabete u kundizzjonijiet relatati mas-saħħa mentali? Jista’ jipprovdi dawn l-istimi bħala għadd ta’ mwiet u bħala rata għal kull 100,000 persuna, flimkien mal-intervalli ta’ kunfidenza jew miżura oħra tal-inċertezza statistika?  Fejn id-data għall-2026 għadha mhix finalizzata, jista’ jipprovdi l-aħħar data proviżorja disponibbli, jindika d-data sa meta tkopri u jgħid meta mistennija tkun disponibbli d-data finali?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.