Legislature:
Category:
Reset
Active:

World Expo tal-2025 f’Osaka — Filmat "Catch the Wave, Catch the Opportunity

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jispjega l-proċess li ġie segwit għall-għażla tal-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-World Expo 2025 f’Osaka? Jista’ jindika wkoll kif ingħatat il-kummissjoni għall-filmat "Catch the Wave, Catch the Opportunity", min ipproduċa dan il-filmat u x’kienet l-ispiża?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar — Bajja tax-Xama’ - Xogħlijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’sar mill-idea li l-Bajja tax-Xama’ (ħdejn l-iskola primarja tal-Gvern f’San Pawl il-Baħar) tiġi ‘replenished’ bir-ramel u jsirilha titjib f’dak li jikkonċerna aċċess adekwat għal min juża l-bajja? Peress li numru ta’ snin ilu kien inbeda proċess biex isiru xogħlijiet f’din il-bajja, jista’ jgħid meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed taħdem fuq l-idea li tiġi “re-nourished” il-bajja ż-żgħira magħrufa bħala tax-Xama’, l-Awtorità qed tikkollabora mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qed ilesti l-pjanti meħtieġa sabiex isiru interventi li jtejbu l-aċċess għal din il-bajja. Hekk kif il-permessi meħtieġa jiġu approvati u jitwettqu dawn ix-xogħlijiet, ikun jista’ jsir l-intervent ta’ “sand re-nourishment” f’din il-bajja mill-Awtorità.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, ipparteċipajt fit-tlettax il-laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Iżrael li saret fl-24 ta’ Frar 2025 fi Brussell, kif ukoll għall-ewwel Djalogu Politiku ta’ Livell Għoli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Palestina, li seħħ fl-14 ta’ April 2025 fil-Lussemburgu. Attendejt għall-Forum Umanitarju Ewropew, li sar fi Brussell mid-19 sal-20 ta’ Mejju 2025, kif ukoll għal-Laqgħa Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana fil-21 ta’ Mejju 2025. Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, attendejt għal-laqgħat formali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saru fi Brussell fis-27 ta’ Jannar, fl-24 ta’ Frar, fis-17 ta’ Marzu, fit-23 ta’ April, fl-20 ta’ Mejju u fit-23 ta’ Ġunju 2025. Il-laqgħa formali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li seħħet fl-14 ta’ April 2025 saret fil-Lussemburgu. Barra minn hekk, mis-7 sat-8 ta’ Mejju 2025, attendejt il-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saret f’Varsavja u fid-9 ta’ Mejju 2025, attendejt il-laqgħa ministerjali tal-Grupp ewlieni dwar l-istabbiliment tat-Tribunal Speċjali għar-reat ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna fl-Lviv, l-Ukranja. Ġejt mistieden nipparteċipa wkoll fil-laqgħat formali tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali li saru fi Brussell fit-28 ta' Jannar, fil-25 ta' Frar, fit-18 ta' Marzu, fis-27 ta' Mejju 2025, u kif ukoll dik tal-24 ta' Ġunju 2025 fil-Lussemburgu. Barra minn hekk, kont mistieden nipparteċipa fil-laqgħa informali tal-Ministri li saret f’Varsavja fis-17 u t-18 ta' Frar 2025. Bejn it-18 u d-19 ta’ Ġunju, ipparteċipajt f’Laqgħa Ministerjali ġewwa Taormina fi Sqallija, li fakkret is-70 Sena Anniversarju mill-Konferenza ta’ Messina. Fit-tieni nofs tas-sena, mistieden nipparteċipa fil-laqgħat formali tal-istess Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali li ser isiru fi Brussell fit-18 ta' Lulju, fis-16 ta' Settembru, fis-17 ta' Novembru u fis-16 ta' Diċembru, u kif ukoll dik tal-21 t’Ottubru li ser issir fil-Lussemburgu. Il-Presidenza Daniża ser tkun qed torganizza wkoll laqgħa informali tal-Ministri responsabbli mill-affarijiet tal-Unjoni Ewropea f’Kopenhagen, fl-1 u fit-2 ta’ Settembru. Din is-sena hi sena importanti għal Malta fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa, hekk kif Malta ħadet f’ idejha r-riedni ta’ din l-organizzazzjoni għas-sitt xhur li ġejjin. Fl-14 ta’ Mejju, ipparteċipajt fil-Laqgħa Ministerjali tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn hemmhekk Malta ħadet uffiċjalment il-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-Ewropa. Bħala parti mir-rwol tiegħi bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, ipparteċipajt f’numru ta’ laqgħat, inkluż l-ewwel laqgħa tal-Kumitat tad-Deputati tal-Ministri ġewwa Strasburgu fit-28 ta’ Mejju; fil-laqgħa tal-Presidential, Bureau u Standing Committee tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li saret ġewwa Malta bejn it-22 u 23 ta’ Mejju, u indirizzajt ukoll l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fl-24 u 25 ta’ Ġunju. Fl-istess ġimgħa kelli wkoll l-unur li nippresjedi għall-iffirmar bilaterali bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Ukrajna għat-twaqqif tat-Tribunal Speċjali għar-Reati ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna, fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa Alain Berset u l-President tal-Ukrajna l-Eċċ. Volodymyr Zelensky. Fid-29 u 30 ta’ Awwissu 2025 se nkun mistieden nattendi l-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li ser issir f’Kopenħagen. Fid-29 u 30 ta’ Settembru 2025 se nkun mistieden nattendi l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (Żvilupp) li ser isir f’Kopenħagen ukoll. Fid-9 u 10 ta’ Ottubru ser inkun mistieden biex nattendi l-Forum tal-Global Gateway li ser isir fi Brussell. Fit-13 u 14 ta’ Ottubru 2025 mistenni li niġi mistieden nattendi l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (Kummerċ) li ser isir f’Horsens, id-Danimarka. Mistenni wkoll niġi mistieden nattendi għall-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (Żvilupp) li ser isir fi Brussell fil-21 ta’ Novembru, kif ukoll għall-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (Kummerċ) li se jitlaqqa’ fi Brussell fl-24 ta’ Novembru. Barra minn hekk, ser inkun qed nattendi għal-laqgħat formali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Ottubru u fi Brussell fl-10 ta’ Novembru u 15 ta’ Diċembru 2025. Mistenni wkoll li nipparteċipa għal-laqgħa Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (EU-GCC) li ser issir il-Kuwajt fis-6 ta’ Ottubru 2025. Mistenni wkoll nipparteċipa fil-Forum Reġjonali tal-Unjoni għall-Mediterran (UFM), li se jseħħ fit-28 ta’ Novembru 2025 f’Barċellona. Fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti se nkun mistieden għal-Laqgħa Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità tal-Amerika Latina u l-Karibew. Għat-tieni nofs ta’ din is-sena, il-programm tal-Kunsill tal-Ewropa ser jibqa impenjattiv, b’laqgħat kemm fi Strasburgu kif ukoll hawn Malta. F’ Malta, ser nindirizza il-Konferenza fuq id-Demokrazija u r-Reżiljenza kontra d-Disinformazzjoni, li ser tiġi organizzata fis-17 ta’ Settembru mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, kif ukoll il-laqgħa tal-Kumitat tad-Deputati tal-Ministri, li ser tiġi organizzata fis-7 t’ Ottubru u li ħa tlaqqa fiha r-Rappreżentanti Permanenti tal-membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Ġewwa Strasburgu, ser jkolli l-opportunità nerġa nindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fl-irwol tiegħi ta’ President tal-Kumitat tal-Ministri fl-ewwel ġimgħa t’ Ottubru.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Impjegati full-time u part-time

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti t-total tal-impjegati full-time u part-time, fi ħdan il-Ministeru tiegħu, inkluż dawk f’awtoritajiet, f’entitajiet u f’dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, hemm 423 ħaddiem li jaħdmu full time u 28 ħaddiem li jaħdmu part-time.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – Sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati — Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23935, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm intefqu flus mill-baġit tal-Ministeru tiegħu fi sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti / servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati fis-sena 2024?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27878.

Studji — Carrying Capacity Kemmuna

Question

Fid-dawl illi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26625, ma tqiegħdux dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra, fejn anke saret referenza għal dawn id-dokumenti fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1827, fejn ingħatat konferma dwar l-ikkummissjonar tal-istudji li kienu qegħdin jintużaw sabiex il-proċess biex tiġi stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna jiġi ffinalizzat, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar verżjonijiet tal-istudji li kienu kummissjonati sabiex tkun stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna, kif ukoll kopja tat-terms of reference li saru mill-Kumitat li taħt il-mansjoni tiegħu jaqa’ l-proċess biex tiġi stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28324.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk għandux konsulenti ingaġġati mal-Ministeru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, kemm hi l-ispiża għall-ingaġġar ta’ konsulenti, xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi, min kienu dawn il-konsulenti, xi kwalifiki għandhom, x’inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għall-kull servizz ta’ konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll kif ingħataw dan ix-xogħol dawn il-konsulenti; jekk hux permezz ta’ direct order jew tender?

Response (BORG, IAN)

Il-konsulenti ingaġġati mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu huma impjegati skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Remote working - teleworking

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working u teleworking, fi ħdan il-Ministeru konċernat, inkluż fl-entitajiet u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, hemm 190 ħaddiem li jaħdmu permezz ta’ remote working.

NATO – Assemblea Parlamentari

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk il-gvern Malti għandux pjanijiet biex jissieħeb mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO? Jekk iva, jista’ jagħti iktar dettalji?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 26922.

Operaturi fil-Qasam Turistiku — Rimi ta’ skart

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29051, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kif qed jiġi żgurat li l-operaturi fil-qasam turistiku jkollhom arranġamenti biex jiddisponu mill-iskart tagħhom, b’mod partikolari fejn jidħol ir-rimi ta’ ikel matul it-terminu li jkunu qegħdin joperaw, u jiġi aċċertat li l-iskart ikun verament qed jiġi miġbur minn kuntrattur privat?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 29051, fejn intqal li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tivverifika li l-operaturi jkollhom kuntratt validu ma’ kollettur liċenzjat għal dan il-għan. Aċċertamenti operattivi ta’ kif jintrema l-iskart ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tal-Awtorità.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Mistoqsijiet Parlamentari mwieġba

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm mistoqsijiet parlamentari wieġeb f’din il-leġiżlatura?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Safar fuq xogħol uffiċjali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm-il darba siefer barra mill-pajjiż fuq xogħol uffiċjali kull membru fil-Ministeru tiegħu (inkluż hu bħala Ministru), xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus bħala ‘hospitality’ mill-Ministeru tiegħu f’kull mawra barra mill-pajjiż, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f’hospitality, id-data ta’ meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f’hospitality?

Response (BORG, IAN)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħti ħarsa lejn il-“Manual on Transport and Travel Policies” li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra li jirregola l-arranġamenti ta' vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, u per diem allowances.

Paceville Town Management Committee — Fondi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti dettalji ta’ kif, fejn u kemm intefqu l-fondi ta’ Paceville Town Management Committee, mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu –  Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk il-Ministeru tiegħu qattx qala’ ċitazzjoni (traffic fine) minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x’pożizzjoni għandu fil-Ministeru tiegħu, kemm ammontaw fi flus dawn iċ-ċitazzjonijiet u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?

Response (BORG, IAN)

L-Onor. Interpellant diġà staqsa dwar dan u tajtu tweġiba f’interpellanza parlamentari nru. 23540 fejn irreferejtu għall-proċedura applikabbli.

Attakki mill-Gvern Amerikan fuq l-Iran – Spazju tal-ajru utilizzat mill-Ajruplani użati

Question

Fid-dawl tal-attakki reċenti li saru mill-Gvern Amerikan fuq l-Iran, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk l-ajruplani użati f’din il-missjoni daħlux fl-airspace ta’ Malta? Jekk iva, jista’ jgħid jekk kienx hemm permess għal dan?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Palestina bħala stat sovran

Question

Peress li l-Prim Ministru kien ħabbar li fl-20 ta’ Ġunju Malta kienet ser tkun qed tagħraf lill-Palestina bħala stat sovran, iżda dan ma seħħx, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti data meta hu mistenni li jsir dan ir-rikonoxximent tal-Palestina bħala stat sovran?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa ta’ dispjaċir li l-Konferenza ta’ Livell Għoli dwar is-Soluzzjoni Paċifika tal-Kwistjoni tal-Palestina u l-Implimentazzjoni tas-Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati, li kellha ssir fi New York, ġiet posposta fid-dawl tat-tensjonijiet reċenti bejn l-Iżrael u l-Iran. Data ġdida għal din il-laqgħa għad trid tiġi stabbilita. Madankollu, Malta tibqa' impenjata li fil-mument l-aktar kostruttiv, tagħti dan ir-rikonoxximent, hekk kif sostniet ripetutament fix-xhur u s-snin li għaddew, u flimkien ma’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, qed nibqgħu nsegwu s-sitwazzjoni. Aħna nibqgħu impenjati li nirrikonoxxu l-Istat Palestinjan.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Karozzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’karozza għandu għall-użu uffiċjali tiegħu, jekk hix mixtrija mill-Gvern jew b’kera mill-privat, u f’każ li nxtrat mill-Gvern kemm inxtrat u jekk qiegħda bil-kera, kemm hi din il-kera kull xahar? Jistax id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid ukoll jekk għandux il-fakultà tat-tieni karozza jew car allowance apparti l-karozza uffiċjali għal użu tiegħu? Jekk fl-affermattiv, x’tip ta’ karozzi huma (ditta) u jekk hux electric vehicles jew taħdimx bi fuel konvenzjonali u jekk f’każ ta’ fuel konvenzjonali, kemm intuża fuel kull xahar minn kull karozza minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk jintuża fuel konvenzjonali għal dawn il-karozzi, minn fejn jinxtara l-fuel għalihom? Jekk għandu l-fakultà tal-użu tat-tieni karozza jew car allowance, min jagħmel użu minn din il-karozza meta d-Deputat Prim Ministru jkun qed juża l-karozza uffiċjali tiegħu u jekk din il-karozza nxtratx mill-Gvern jew hix mikrija mill-privat u jekk f’każ li hi mikrija kemm titħallas kera kull xahar għal kull karozza u jekk mixtrija mill-Gvern kemm kienet l-ispiża biex inxtrat kull karozza? Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid ukoll jekk kull karozza tinżammx f’garaxx meta ma tkunx użata, u jekk tinżamm f’garaxx titħallasx kera għal tali garaxx (f’każ li titħallas kera, kemm hu l-ammont ta’ din il-kera fix-xahar għal tali garaxx u min hu l-benefiċjarju ta’ tali kera?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fl-interpellanza parlamentari nru. 6194 ta’ din il-leġislatura.

L-Imġarr, Malta – Slielem tal-baħar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul il-kosta tal-Imġarr, Malta, din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru/i kkonċernat/i.

San Pawl il-Baħar – Slielem tal-baħar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru/i kkonċernat/i.