Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' inċidenti tat-traffiku matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? X'kienet ir-raġuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis in-numru ta’ każijiet li ddaħħlu fl-isptar Mater Dei bħala pazjenti bejn Jannar u Awissu 2012, fejn korriment ta’incident tat-traffiku (Land Transport Accidents ICD-10 Code V01-V89) kienu irreġistrati bħala discharge diagnosis, ammontaw għal mitejn u sitta (206). Importanti li wieħed jgħid li dan in-numru ma jinkludix dawk il-pazjenti li jiġu inviżtati fid-Dipartiment ta’ l-Emergenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bhala pazjenti fis-swali ta’ l-isptar. Importanti wkoll li wiehed jiċċara li mhux dejjem jitniżżel it-tip ta’ incident li jkun kkawza l-korriment għax jista’ jagħti l-kaz li jkun hemm drabi fejn il-korriment li jkun soffra il-pazjent biss jitnizzel bħala discharge diagnosis. Din l-informazzjoni hija proviżorja.

Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' inċidenti fuq il-baħar teritorjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' inċidenti fuq il-baħar teritorjali matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? X'kienet ir-raġuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Iinfurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis in-numru ta’ każijiet li ddaħħlu fl-isptar Mater Dei bħala pazjenti bejn Jannar u Awissu 2012, fejn inċidenti fuq il-baħar (Water Transport Accidents ICD-10 Code V90-V94) kienu irreġistrati bħala discharge diagnosis, ammontaw għal sebgħa (7). Importanti li wieħed jgħid li dan in-numru ma jinkludix dawk il-pazjenti li jiġu inviztati fid-Dipartiment ta’ l-Emergenza u għal xi raguni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali ta’ l-isptar. Importanti wkoll li wieħed jiċċara li mhux dejjem jitnizzel it-tip ta’ inċident li jkun kkawza l-korriment għax jista’ jagħti l-kaz li jkun hemm drabi fejn il-korriment li jkun soffra il-pazjent biss jitnizzel bħala discharge diagnosis. Din l-informazzjoni hija proviżorja.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — serqiet rapportati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36101 u jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat hekk: Entità Numru ta' Serqiet li ġew rapportati lill-Pulizija Sptar Mater Dei 16 Dipartiment tal-Anzjani 17 Sptar Monte Carmeli 3 Sptar Sir Paul Boffa 1

Slug Poison li jinxtara over the counter

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex dak magħruf bħala slug poison jinxtara over the counter, meta hu magħruf li hu perikoluż ħafna anke għall-bniedem?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li tali prodotti huma regolati mill-Awtorità dwar il-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Bormla — Dock nru 1 - għadira ilma qiegħed

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa u l-għadira ilma qiegħed li hemm f'Dock nru. 1 Bormla, jew titneħħa jew titnaddaf għax qed iġġib ħafna nemus u qed ikun hemm inkonvenjent kbir għan-nies ta' Bormla?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kimo għall-kanċer fil-frixa

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-pazjent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kellu kanċer fil-frixa u li issa qed jistenna biex jieħu l-kimo?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant giet nviżtata mill-konsulent ikkonċernat fl-20 ta’ Settembru 2012, jiġifieri l-għada li wasslet l-istorja medika fl-isptar Boffa. It-trattament tal-kimoterapija beda fis-27 ta’ Settembru 2012.

servizzi ta' appoġġ fil-komunità

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji tas-servizzi ta' appoġġ li huma miftuħa għall-pubbliku li jeħtieġ għajnuna bla appuntament u bla proċeduri twal per eżempju Ċentri ta' Matul il-Jum tas-Saħħa Mentali? F'liema lokalità jinsabu? Jista' l-pubbliku b'mard mentali jew qrabathom imorru minn jeddhom għall-għajnuna u pariri bla appuntament? Minn x'ħin sa x'ħin? Rigward kliniċi tas-saħħa mentali fil-komunità, jista' l-pubbliku b'mard mentali jew qrabathom imorru minn jeddhom bla referral għall-għajnuna u pariri bla appuntament? Minn x'ħin sa x'ħin? Il-kliniċi tas-saħħa f'liema lokalità jinsabu u l-ħinijiet tal-ftuħ x'inhu? Rigward iċ-ċentri tal-anzjani ta' matul il-jum, teżisti l-faċilità li anzjani li għandhom bżonn l-għajnuna jaslu jirrikorru f'dawn iċ-ċentri għal għajnuna, informazzjoni u pariri? X'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ għal dan il-għan? Jekk hemm xi servizzi oħra ta' appoġġ fil-komunità, jista' jingħata l-istess dettalji dwarhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — nefqa fuq manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa tal-manutenzjoni li jonfoq id-Dipartiment tas-Saħħa fl-Isptar Mater Dei kull xahar, u allura kemm nefaq f'manutenzjoni matul ix-xhur ta' Jannar u Awwissu xahar b'xahar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' avelenament fl-ikel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħħlu l-isptar għal kura kawża ta' avelenament fl-ikel matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? X'kienet ir-raġuni tal-avelenament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (MDH) u l-Electronic Case Summary, in-numru ta’ pazjenti li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei kawża ta’ avvelenament fl-ikel (food poisoning) fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, bejn Jannar u Awissu ta’ 2012 kien ta’ 69 persuna. Fit-terminu “ food poisoning ” huma inklużi wkoll infezzjonijiet tas-sistema gastroenteroloġika kkawżati minn viruses li jistgħu jkunu trasmessi mill-ikel ( ICD-10 codes: A00-A09 u T61-T62 ). Importanti li wieħed jgħid li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li ġew inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma ddaħħlux bħala pazjenti fis-swali tal-Isptar Mater Dei. Din l-informazzjoni hija proviżorja.

moniteraġġ tal-laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36161 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk huwiex isir moniteraġġ tal-laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ li jiġi importat ġewwa pajjiżna u jekk dan il-laħam ikunx ċertifikat bħala tajjeb għall-konsum tal-bniedem? Min huwa responsabbli li jagħmel dan u allura kemm ġew ċertifikati fis-snin li għaddew jiġifieri 2009, 2010 u 2011 tunellati ta' laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ li ġew importati u li kienu tajbin għall-konsum tal-bniedem?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-monitoraġġ u ċertifikazzjoni fuq l-importazzjoni tal-laħam li jinkludi tiġieġ, fniek kif ukoll majjal issir fil-border inspection post ġewwa l-Freeport minn uffiċċjali tad-Dwana u, meta jkunu msejħa, mill-uffiċċjali veterinarji li jaqgħu taħt il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u peress li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali m’huwiex involut f’dawn l-ispezzjonijiet għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sasbiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Sptar Mater Dei — nefqa fuq manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36509 u jgħid kemm hija n-nefqa tal-manutenzjoni li jonfoq id-Dipartiment tas-Saħħa fl-Isptar Mater Dei kull xahar, u allura kemm nefaq f'manutenzjoni matul ix-xhur ta' Jannar u Awwissu xahar b'xahar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36509.

Dipartiment tas-Saħħa — waiting list

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36510 u jgħid kif mar l-eżerċizzju tal-organizzazzjoni tal-waiting list li kienet qed issir fid-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm fil-fatt kien hemm pazjenti li kienu fuq iktar minn lista ta' stennija waħda u allura jista' jgħid kemm huma l-pazjenti li issa qegħdin jistennew fuq il-listi ta' stennija li għadhom kif ġew organizzati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Qasam tas-Saħħa — listi ta' stennija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36511 u jgħid kemm hemm listi ta' stennija fil-qasam tas-saħħa? F'liema oqsma huma dawn il-listi u kemm pazjenti jistennew għall-interventi fuqhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

St. James Hospital — servizz ta' emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jikkwantifika l-benefiċċju li qed jinkiseb mis-servizz ta' emerġenza li qed jingħata mis-St. James Hospital matul il-weekend u jekk dan verament hux qed iwassal kif allegat minn xi uħud għall-thinning out tal-istaff mediku li jkun irid ilaħħaq maż-żewġt ibnadi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li min meta gie ffirmat il-kuntratt, jiġifieri mit-3 ta’ Mejju 2012 sa l-ewwel ġimgħa t’Ottubru 2012 marru total ta’ 2298 pazjent fl-isptarijiet St James Capua tas-Sliema u Haż-Żabbar. Minn stħarriġ li sar mid-Direttorat għall-Provvediment ta’ Fondi dwar is- Servizzi tas-Saħħa, jirriżulta li aktar minn 80 fil-mija tal-pazjenti li użaw dan is-servizz iħossuhom sodisfatti mill-kwalita` tas-Servizz mogħti. Fir-rigward il-kwistjoni tat- thinning out tal-istaff mediku li jkun irid ilaħħaq maż-żewġt ibnadi, ninforma lill-Onorevoli Interpellat illi fil-kuntratt hemm key performance indicators li huma applikabbli għaż-żewġt ibnadi ( St. James Capua u St. James Zabbar ) u li dawn qed jiġu moniterati kontinwament. Il-kuntratt jistipula li jrid ikun hemm tabib preżenti kemm f’ St. James Capua u St. James Zabbar.

Sptar Mater Dei — servizz ta' twelid fl-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Isptar Mater Dei ma joffrix servizz ta' water babies – twelid fl-ilma?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li sal-llum, m’hemm l-ebda studju li jikkonferma li t-twelid fl-ilma huwa iżjed vantaġġjuż għat-tarbija minn metodi ta’ twelid izjed tradizzjonali. Barra minn hekk, rapporti ta’ riżultati mhux mixtieqa fit-twelid tat-tarbija, għalkemm rari u xi drabi anneddotali, jitlob kawtela mill-lat pedjatriku. Skont l-informazzjoni medika disponibbli sal-llum, u n-nuqqas ta’ studji mfassla b’mod xjentifikament rigoruż li jikkonfermaw is-superjorita’ tat-twelid fl-ilma kontra t-twelid tradizzjonali, ma jagħtix lok sabiex it-tim ostetriku tagħna jippjana l-introduzzjoni ta’ dan il-metodu ta’ twelid fl-Isptar Mater Dei.

akkwist ta' oqbra ġodda

Question

Billi ftit qabel l-elezzjoni tas-sena 2008, il-Gvern Malti kien ħareġ sejħa għal talbiet dwar l-akkwist ta’ oqbra ġodda, hekk kif kien ġie mħabbar lejn tmiem is-sena li kienet għadha kif għaddiet qabilha, u li fiha kien tħabbar li l-progett kien se jinkludi l-bini ta’ 2,782 qabar ġdid, li 2500 minnhom kienu se jiġu allokati u mibjugħa lill-pubbliku, filwaqt li l-kumplament kienu se jinżammu mill-gvern għall-użu komuni, u billi nhar l-4 ta' Frar 2008 l-amminsitratur tat-Taqsima Amministrazzjoni tad-Dfin, Ċimiterju Santa Marija Addolorata kien saħansitra kiteb lill-applikanti biex jikkonfermaw l-interess tagħhom u anki kien stabbilixxa li l-informazzjoni mitluba kienet meħtieġa minn dan l-Uffiċċju fi żmien qasir stipulat, sabiex ikunu jistgħu jiġu ppreparati d-dokumenti u l-formoli relatati mat-trasferiment tal-qabar fuq isem l-applikant/a għall-prezz ta’ €3,494.06 (Lm1,500), jista' l-Ministru jikkonferma jekk dawn l-applikazzjonijiet għadhomx validi? Jekk le, meta l-applikanti ġew mgħarrfin li waqgħu u jista' jikkonferma wkoll li l-prezz se jibqa' l-istess meta ssir is-sejħa l-ġdida li hu ħabbar waqt konferenza stampa qrib iċ-Ċimiterju tal-Addolorata nnifsu ftit tal-jiem ilu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ittri li ntbagħtu fl-2008 mit-Taqsima Amministrazzjoni tad-Dfin m’għadhomx validi peress li il-proġett ta’ estensjoni tac-cimiterju minn dak iż-żmien ġie ridimensjonat. L-applikanti kollha li qegħdin fil ‘ waiting list’ għall-akkwist ta’ qabar fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata fi ftit żmien ser jiġu nfurmati bil-kundizzjonijiet ġodda għal akkwist ta’ qabar skont l-Avviż Legali 327 tal-2012. Jekk l-applikanti ikkoncernati juru x-xewqa li għadhom interessati fl-akkwist ta’ qabar, jibda il-proċess għall-akkwist tal-qabar skont kif inhu indikat fl-istess Avviż Legali. Il-prezz għall-akkwist ta’ qabar huwa ta’ €5,000.u konvenju għall-akkwist isir minnufih wara li tingħata it-tender għall-bini tal-istess oqbra, liema tender bħalissa qed tiġi iġġudikata.

Ftuħ ta' spiżeriji ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jeżistu applikazzjonijiet għal ftuħ ta' spiżeriji ġodda? Għal liema lokalitajiet huma l-applikazzjonijiet? F'liema lokalitajiet hemm il-possibilità li jingħata permess għal ftuħ ta' spiżerija? X'inhu l-kriterju li jintuża sabiex jiġi deċiż jingħatax il-permess jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gżira Home — għeluq tad-dar residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux se tingħalaq id-dar residenzjali tal-anzjani fil-Gżira - il-Gżira Home? F'każ li se tingħalaq, jista' jagħti r-raġunijiet għala se tingħalaq? Jista' jgħid fejn se jmorru l-anzjani li hemm sal-lum f’din id-dar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li eventwalment, id-dar residenzjali tal-anzjani fil-Gżira se tingħalaq peress li din id-dar għandha bżonn xogħlijiet estensivi. Ir-residenti kollha ta’ din id-dar qed jiġu offruti postijiet alternattivi fi djar oħra.

Home tal-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hemm anzjani jistennew biex jidħlu f'home tal-anzjani tal-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Waiting list tal-Anzjani tammonta għall-1,165 għad-djar tal-anzjani u 716 għal San Vinċenz. Ta’ min jgħid li f’din il-leġiżlatura il-Gvern żied is-sodod tal-anzjani b’madwar 900 sodda ġdida.