Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Fontana - bozoz maħruqa fi Sqaq il-Lunzjata

Question

Peress li hemm diversi bozoz fi Sqaq il-Lunzjata, Fontana Għawdex li huma maħruqa u allura r-residenti qed ibatu minn inkonvenjent, jista' l-Ministru jara li dawn il-bozoz jiġu mibdula?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab illi l-isqaq in kwestjoni huwa proprjeta' privata u għaldaqstant ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tal-Kunsill Lokali tal-Fontana.

Awtoritajiet tal-Arċidjoċesi ta' Malta — festi esterni

Question

Peress li fil-21 ta’ Diċembru 2011 ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtoritajiet tal-Arċidjocesi ta' Malta u l-Għaqda Każini tal-Banda dwar iċ-Ċelebrazzjonijiet Esterni Tal-Festi Reliġjużi u peress li fil-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali tal-Għaqda Każini tal-Banda nhar l-24 ta' Frar, b'deċiżjoni unanima tal-maġġoranza tal-każini tal-banda (50 preżenti mis-67 mistiedna), dan l-istess ftehim ġie rinunzjat għaliex ma kienx jirrifletti l-pożizzjoni attwali li dawn l-istess każini kellhom fir-rigward ta' dan il-qbil u dan għaliex il-festi esterni m'għandhom ikunu qatt responsabilità esklussiva tal-Knisja iżda, li l-Għaqdiet Mużikali, dawk tan-Nar kif ukoll dawk tal-Armar, kollettivament mal-Knisja jew separatament minnha, għandhom id-dritt li jkunu huma responsabbli għall-organizzazzjoni tal-festi esterni hekk kif tipprovdi l-liġi ċivili, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jippermetti li l-Knisja terġa tibda tiddetta esklussivament u mingħajr konsultazzjoni mal-partijiet l-oħra kkonċernati xi jsir fil-festi esterni, bħalma kien jiġri snin ilu? Dan il-ftehim li skont l-Awtorità tal-Knisja għandu jibda jseħħ wara it-8 ta' April, se jorbot l-għaqdiet kkonċernati minkejja li dawn qatt m' approvawh? Jista' jiċċara jekk is-sehem tal-għaqdiet kkonċernati u l-mod kif jagħtu dan is-sehem inbidilx jew hux se jinbidel, u fuq liema bażi legali se jsir dan il-bdil jekk se jsir?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Bħal ma żgur taf l-Onorevoli Membru, il-ftehim li għalih qed tagħmel referenza sar bejn partijiet li bl-ebda mod ma kienu jinkludu lill-Gvern. Kif u jekk hux se jitħaddem hija responsabbilta tal-partijiet li ffirmawh.

Mosta — Triq il-Għasel - patching

Question

Jista' l-Ministru jgħid ta' min hi r-responsabbilità li jsir patching f'Triq il-Għasel fiż-żona ta' Santa Margerita fil-Mosta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi r-responsabbilità li jsir patching fi Triq il-Għasel fiż-żona ta’ Santa Margerita fil-Mosta, hija tal-Kunsill Lokali tal-Mosta.

Mosta — Triq il-Qalbiena Mostin - spralli

Question

Jista' l-Ministru jgħid ta' min hi r-responsabilità ta' tiswijja tal-spralli li hemm f'Triq Il-Qalbiena Mostin fiż-żona ta' Santa Margerita fil-Mosta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi r-responsabbilità ta’ tiswija tal-ispralli li hemm fi Triq il-Qalbiena Mostin fiż-żona ta’ Santa Margerita fil-Mosta hija tal-Kunsill Lokali tal-Mosta.

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tiegħu, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi minn dan il-Ministeru u mill-Entitajiet li jifformaw parti minnu, ma jirriżultax illi ingħata xi ħlas lill-persuna u lill-kumpanija li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant.

Liċenzja tal-gwardjani lokali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fiex waslet it-tneħħija tal-obbligu li gwardjan lokali jkollu jġedded il-liċenzja tiegħu kull sena meta skont ir-riforma kellhom jiddaħħlu liċenzji permanenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-obbligu tal-ħlas ta' ħdax-il euro u ħamsa u sittin ċenteżmu kull sena mat-tiġdid ta' liċenzja ta' Gwardjan Lokali, tneħħa permezz tal-Avviż Legali 402 tal-2011.

Emendi fil-liġijiet kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex hekk kif qiegħdin jiġu emendati l-liġijiet kriminali sabiex offiżi ta` vjolenza kontra pulizija jkunu mħarxa, ma ġewx imħarxa wkoll il-pieni fil-liġijiet kontra l-vjolenza fuq gwardjani lokali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-Abbozz numru 97, permezz ta’ l-artikoli 16,17,18 u 19 jipprovdi għal-pieni aktar ħorox għal vjolenza jew attakki kontra uffiċċjali pubbliċi. Skont l-Artikolu 92 tal-Kodiċi Kriminali, li jiddefinixxi min hu Uffiċjal Pubbliku u kif ukoll ritenut minn sentenzi mogħtija mill-Qrati Kriminali, gie dejjem ritenut li Gwardjan Lokali huwa meqjus bħala Uffiċjal Pubbliku. Għalhekk l-emendi proposti fl-abbozz numru 97 japplikaw ukoll għal-Gwardjani Lokali.

Gwardjani privati b'aktar minn liċenzja waħda

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif se jaħdem il-proċess ta' aktar minn liċenzja waħda għall-gwardjani privati u jekk hux mistenni li gwardjan privat iħallas ta' iżjed minn liċenzja waħda? Il-gvern qiegħed jaħseb sabiex il-ħaddiema iħalsu biss liċenzja waħda?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħsieb wara l-introduzzjoni ta’ kategoriji ġodda fil-kuntest tal-Gwardjani Privati, jiġifieri Gwardjani Privati Speċjalizzati (mhux tas-sewqan), Gwardjani Privati Speċjalizzati (tas-sewqan) u Gwardjani Privati fuq Post tad-Divertiment kien li jkun hemm speċjalizazzjoni u titjib fis-settur. Fil-fatt, hekk kif jiskadu il-perjodi ta’ tranżizzjoni ta’ Artikoli 11(3) u (4) tar-Regolamenti dwar Gwardjani Privati, xogħol speċjalizzat li jappartjeni lil waħda mill-kategoriji ġodda jkun jista jsir biss minn detenturi tal-liċenzja speċjalizzata konċernata, hekk kif stabbilit f’Artikoli 11(1) u (2) tal-istess Regolamenti. F’dan ir-rigward ta’ min wieħed ifakkar li ma sarux emendi għar-Regolamenti dwar Gwardjani Privati f’dak li jirrigwarda ħlas tal-liċenzji. Kull Gwardjan Privat, irrispettivament mill-kategorija jew kategoriji li jinsab fihom, għandu biss iħallas għal liċenzja waħda skont Artikolu 7(2) tar-Regolamenti imsemmija. L-unika differenza minn kif kienu jsiru l-affarijiet qabel hija li l-liċenzja għandha tindika l-kategorija li għaliha jappartjeni d-detentur, hekk kif stabbilit minn Artikolu 7(3) tal-istess Regolamenti.

AWAS — tender mogħti

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex l-AWAS aġġudikat tender bil-€5 fis-siegħa (eskluż il-VAT) għall-proviżjoni ta' security guards meta huwa smat li fl-2012 impjegat ingaġġat bil-kundizzjonijiet minimi tal-liġi jiġi jiswa lil min iħaddem iżjed minn €5 fis-siegħa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-kuntratt li għalih qed jagħmel referenza l-Onorevoli Interpellant ingħata mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

tindif tal-bajjiet u xtut

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32930 u jgħid kemm hija n-nefqa ta’ kull kunsill lokali f’dawn l-aħħar ħames snin għat-tindif tal-bajjiet/xtut u jekk ix-xogħol huwiex isir minn ħaddiema tal-gvern jew kuntrattur privat ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tindif tax-xtut u l-bajjiet per se huwa responsabbli għalih id-Direttorat għall-Indafa Pubblika fil-Ministeru għall-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali. Fil-każ tax-xtut u l-bajjiet Għawdxin dan ix-xogħol isir minn taqsima apposta fil-Ministeru għal Għawdex. Madankollu bosta Kunsilli Lokali jieħdu ħsieb xogħol extra ta’ tindif fil-bajjiet u x-xtut fil-konfini tal-lokalitajiet tagħhom. Oħrajn, bħal ma huwa l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, immodifika l-kuntratti li kellu tat-tindif tax-xtut sabiex iżid il-frekwenza tat-tindif fiż-żoni u t-toroq li jinsabu immedjatament qrib ix-xtut. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika l-ħlasijiet li jħallsu dawn il-Kunsilli Lokali għal dawn is-servizzi.

Mosta — Triq Kurat Calleja - ilment fuq storbju fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jara li l-pulizija jieħdu l-passi meħtieġa dwar l-ilment li dwaru qed titressaq il-petitzzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata bl-inkonvenjent li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, hija ħadet il-passi meħtieġa immedjatament.

Kunsilli Lokali — field officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk field officers tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali għadhomx jagħmlu spezzjonijiet fil-lokalitajiet kollha biex fost oħrajn jassiguraw li l-kunsilli lokali qed jaqdu l-funzjonijiet tagħhom kif stipulat u jekk fl-affarmattiv kull meta dawn qed isiru, meta saru l-aħħar u x'kienu l-marki mogħtija lil kull kunsill lokali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ma għadx għandu mpjegati miegħu bħala Field Officers. Ninfurmah ukoll li s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali, bħala l-Kap Amministrattiv u Finanzjarju tal-Kunsill Lokali hu obbligat li jirrapporta lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali kull nuqqas li jirriżultalu jew li jasal għal-informazzjoni tiegħu. Min-naħa tiegħu d-Dipartiment għall-Gvern Lokali jsegwi kull ilment li jirċievi dwar nuqqasijiet minn Kunsilli Lokali.

Kunsill lokali — kontijiet tat-telefon

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ammont tal-kontijiet tat-telefon, linja linja, li kull kunsill lokali għandu għas-sena 2010, 2011 u sa 31 ta' Marzu 2012? Jista' jippreżenta l-istess informazzjoni għax-xahar ta' Marzu 2012?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Gvern Lokali qed jiġbor l-informazzjoni rikjesta mill-Onorevoli Interpellant permezz ta' Memo 18/2012 li nħareġ mill-istess Dipartiment. Hekk kif dan l-eżerċizzju jkun komplut, l-informazzjoni tkun ppreżentata fil-Parlament.

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — remunerazzjonijiet ta' chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — Xogħlijiet lill-Kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2004 sal-lum kemm ingħataw xogħlijiet lill-kumpaniji li isimhom qed jintbgħat separatament? Jista’ jagħti d-data u l-ammonti u jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet ingħatawx b’tender jew direct order ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ma jirriżultax li ingħataw xogħlijiet lill-Kumpaniji li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant.

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — tnaqqis tal-Vot fil-Budget 2012

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun qed jonqos il-vot fil-Budget 2012 dedikat għall-Ospitalità u mill-vot għall-Konsulenzi li jaqgħu taħt id-dekasteru li tiegħu huwa responsabbli? Kemm kienu dawn l-ammonti għas sena 2011 u kemm kienu skont l-budget oriġinali għall-2012?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Filwaqt li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant, nixtieq niġbed l-attenzjoni li l-Ministeru m'għandux vot għall-konsulenza, iżda tali spiża titħallas minn item ieħor li jaqa' taħt il-Vot tal-Ministeru.

Każijiet ta' Hate Crimes — recordings

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tal-Pulizija minn rajh jew fuq talba tal-Gvern bediex proċeduri biex jittieħdu passi kontra id-diversi każijiet ta’ ‘Hate Crimes’ (Politiċi) li recordings dwarhom nstemgħu pubblikament f’diversi mezzi tax-xandir dan l-aħħar minn esponenti pubbliċi, f’ċerti każijiet fejn kien hemm min anki xtaq il-mewt jew attakki tal-qalb fuq terzi? Fin-nuqqas ta’ dan, kif jinkawdra dan kollu mad-dikjarazzjoni tal-Gvern li saħansitra jsaħħaħ liġijiet eżistenti dwar materji simili li jistgħu jiżirgħu l-mibgħeda minħabba għadd ta’ phobias varji li mhumiex neċessarjament marbutin biss mal-qasam politiku?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli illi filwaqt li l-Liġijiet ta’ Malta u ċioe’ il-Kodiċi Kriminali ma jipprovdux għal mibegħda politika, nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku sabiex tkun tista’ tingħata risposta.

persuni li għandhom skorta tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom skorta tal-pulizija? Jista' jgħid jekk din hux 24 siegħa jew inkella għal xi ħinijiet biss? Jista' jgħid ukoll jekk dawn l-istess persuni jew inkella oħrajn għandhomx għassa mar-residenza tagħhom jew ma' xi post ieħor? Hemm xi persuni li għandhom skorta wkoll meta jkunu barra mill-pajjiż? Dawn l-istess persuni kemm ilhom bl-iskorta tal-pulizija? Kemm huwa stmat li tqum kull skorta? Kemm kienet l-ispiża, sena b'sena, fis-snin 2010, 2011 u matul din is-sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Bħal ma diġa' kelli l-okkażjoni ngħid, mhix il-prassi li tingħata informazzjoni dwar miżuri ta' sigurta' li jittieħdu mill-Awtoritajiet kkonċernati meta u fejn ikun meħtieġ.

Ftehim bejn l-Assoċjazjoni Kunsill Lokali u Faces Ltd

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li kien saru bejn l-Assoċjazjoni Kunsill Lokali u Faces Ltd dwar stallazzjoni, manutenzjoni u reklamar ta' bus shelters?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hija entita' mhux Governattiva u hija awtonoma mill-Gvern Ċentrali skont ir-Regolamenti pubblikati taħt il-Kap 363 tal-Liġijiet ta' Malta.

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, matul l-2011 kemm ħarġu applikazzjonijiet għal impjieg fid-dekasteru responsabbli mill-Ministru u kemm ġew impjegati, kemm abbażi ta' kuntratt definit jew indefinit? F'kull każ x'kien il-grad/nomenklatura ta' impjieg li ġew imħaddma fih?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.