Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — xogħol lil kumpaniji

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-kumpaniji li ngħataw xogħol li jaqbeż l-€10,000 mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtha matul is-sena 2010 sal-lum? F'kull każ, tista' tgħid kemm huwa l-valur involut? Tista' tgħid ukoll għal kull każ jekk hux kuntratt jew direct orders? Meta ngħata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kamra tal-banju li trid tinbidel

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata l-għajnuna neċessarja biex il-kamra tal-banju li għandha li hi qadima tinbidel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna msemmija kienet ibbenefikat minn skema ‘I’ maħruġa fis-sena 1995 tal-Awtorità tad-Djar, sabiex tixtri l-post tar-residenza tagħha bi prezz issussidjat, liema post kien mikri mingħand il-gvern. Persuna li tkun ibbenefikat minn xi skema jew għajnuna biex issir sid ta’ darha ma tistax terġa’ tibbenefika minn sussidju fuq xogħlijiet ta’ irranġar u titjib fid-dar ta’ abitazzjoni tagħha.

Skola Primarja tal-Kulleġġ Santa Klara — uniformijiet

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-ilment ta' għadd ta’ ġenituri li jibagħtu lil uliedhom fl-iskola Primarja tal-Kulleġġ Santa Klara, f'San Ġwann dwar il-kwistjoni tal-uniformijiet ta’ uliedhom peress li wara li dawn irċevew ittra mill-iskola ta' uliedhom subien biex jaraw l-uniformijiet il-ġodda fuq il website tal-kulleġġ, ħafna bdew jieħdu passi immedjati biex jixtru qomos bojod u qliezet griżi skont kif talbet l-ittra u wara ftit huma ġew mgħarrfa mill-Prinċipal tal-Iskola li kellhom jixtru wkoll qomos bl-istriples vjola u bojod għax skont ma qalu s-suppliers tal-iskola dawk kien qed ibiegħ u dawn it-tip ta’ qomos jiswew aktar minn erba' darbiet aktar mill-qomos l-oħra (E13 b’paragun ma' E4)? Tista' tinvestiga l-ilment ta' madwar mitejn ġenitur, peress li l-ġenituri jħossu li jekk sar xi żball min-naħa amministrattiva tal-iskola m'għandhomx ikunu huma li jħallsu u jagħmlu tajjeb għal dan, peress li l-ġenituri ġew mgħarrfa minn uliedhom li se jiġu kkastigati ladarba ma jkollhomx il-qomos vjola u lanqas jibdew jitħallew jattendu ħarġiet tal-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-ġenituri qatt ma rċevew bil-miktub li l-qmis hija bajda. Huwa minnu li fuq il-websajt ir-rigi vjola ma jidhrux. Però anke l-kulur seta’ jkun ieħor (eż: Kafe latte, griż ċar). Il-ġenituri ingħataw l-informazzjoni dwar min kien qed jipprovdi l-uniformi wara li l-kuntrattur rebaħ is-sejħa għall-applikazzjoni biex juri nteress biex jipprovdi. Infurmata li fl-ittra li ntbagħtet mill-Prinċipal issemma l-isem ta’ min kien ħa t- tender, u allura s- supplier tal-uniformi. Kull min mar għandu jistaqsi għall-uniformi tal-iskejjel ta’ Santa Klara dejjem ingħata l-qmis striped li tifforma parti mill-uniformi. Il-qomos bojod ma ssemmew qatt u min kellu diffikultà dejjem seta’ jċempel l-uffiċċju tal-Kulleġġ, jibgħat e-mail jew jikteb. L-istudenti jridu jmorru l-iskola bl-uniformi approvata mid-direttorat, f’dan il-każ bil-qmis striped .

PBS — Audited Accounts - bejgħ tal-air time u tal-advertising

Question

B'referenza għall-accounts li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29262, tista' l-Ministru tgħid b'referenza għar-revenue attribwit għall-bejgħ tal-air time u għall-advertising, kemm minn din ir-revenue kull sena ġie mill-bejgħ tal-air time u kemm mill-bejgħ tar-riklami (advertising)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minħabba raġunijiet kummerċjali, il-Public Broadcasting Services tippubblika biss tagħrif li hija obbligata tagħmel skont kif mitlub mill-kumpaniji mill-Malta Financial Services Authority.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — spezzjonijiet f'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol f'Għawdex minn spetturi tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fl-2008, fl-2009 u fl-2010? Kemm nies instabu ħatja ta' ksur tar-regolamenti u x'passi ttieħdu kontrihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kuntratti tal-prinċipali tal-kulleġġi

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta skada l-kuntratt tal-prinċipali tal-kulleġġi u x'se jiġri dwar il-kuntratti l-ġodda? Se jkun hemm reklutaġġ ġdid? Se jiġu konfermati dawk eżistenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-kuntratt ta’ 7 prinċipali skada fl-1 ta’ Frar 2011. Il-pjan huwa li terġa’ toħroġ is-sejħa.

Direttorat tal-Edukazzjoni — Post vakanti tad-direttur

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jimtela l-post vakanti li ħalla l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, meta spiċċa minn direttur biż-żmien mid-Direttorat tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li se toħroġ is-sejħa għall-applikazzjoni ta’ dan il-post vakanti ta’ direttur. Qed tiġi ffinalizzata is-sejħa u b’hekk jibda l-proċess biex toħroġ.

Direttorat tal-Edukazzjoni — direttur li rtira - post vakanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jimtela post li tbattal mill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, meta rtira biż-żmien mid-direttur fid-Direttorat tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed tiġi ffinalizzata s-sejħa tal-applikazzjoni sabiex jibda l-proċess biex jimtela l-post ta’direttur li rtira biż-żmien.

Direttorat tal-Edukazzjoni — kuntratti ta' diretturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm diretturi fid-Direttorat tal-Edukazzjoni li skadielhom il-kuntratt u x'se jiġri dwarhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm erba’ Diretturi li għalqilhom il-kuntratt ta’ Diretturi fiż-żewġ Direttorati tal-Edukazzjoni. Il-pożizzjonijiet huma: Direttur għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani. Direttur għall-Servizzi tal-Istudent. Direttur għall-Immaniġjar tar-Riżorsi fl-Iskejjel. Direttur tal-Kurrikulu u eLearning. Se toħroġ sejħa għal dawn il-pożizzjonijiet.

Direttorat tal-Edukazzjoni — service managers u assistenti diretturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm service managers u assistenti diretturi fid-Direttorat tal-Edukazzjoni li skadielhom il-kuntratt? X'se jiġri dwarhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi hemm 3 (tliet) Service Managers li skadilhom il-kuntratt fit-30 ta’ Settembru 2011. Se terġa’ toħroġ is-sejħa għall-applikazzjoni. M’hemmx assistenti diretturi f’dan id-direttorat. Id-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni m’għandux Service Managers u l-perjodu tal-ħatra tal-assistenti diretturi għadu validu.

Direttorat tal-Edukazzjoni — staff klerikali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm staff klerikali li spiċċa minn mad-Direttorat tal-Edukazzjoni u fl-iskejjel f'dawn l-aħħar tliet snin? Kemm ġew reklutati minflokhom? Kemm fadal postijiet battala? Kemm minn dawn il-postijiet ġew aboliti mid-deployment exercise?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’staff klerikali li spiċċaw hu ta’ 36. In numru reklutat hu ta’ 32. Bħalissa għaddej eżerċizzju sħih biex jkun identifikat in-numru ta’ postijiet klerikali battala jew li se jitbattlu sa l-aħħar tas-sena biex jkun hemm ir-reklutaġġ meħtieġ. Dan l-eżerċizzju mistenni jintemm fil-ġimgħat li ġejjin.

pjan għal persuni b'diżabilità li jmutulhom il-ġeneturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet għandu l-gvern dwar x'se jiġri minn persuni b'diżabilità wara l-mewt tal-ġenituri tagħhom u/jew carers oħra tagħhom? B'liema mod il-gvern se jindirizza din il-problema li ilha s-snin tqum għad-diskussjoni fil-fora tad-diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għan tal-Aġenzija SAPPORT huwa li taħdem ma’ persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom sabiex tassigura li jkollhom il-mezzi, opportunitajiet u servizzi sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod komplet fil-ħajja fil-komunità. B’dan il-għan l-aġenzija toffri servizzi ta’ sapport fil-komunità li jinkludu assistenza personali, interventi soċjali, servizzi ta’ riżorsi u servizzi ta’ ħidma soċjali. L-Aġenzija għandha wkoll residenzi fil-komunità li joffru akkomodazzjoni permanenti għall-persuni b’diżabilità. Dawn jinkludu r-residenza Vajrita f'Marsaskala, Villino Maria fl-Imtarfa, id-djar residenzjali fil-Fgura u f’Ħal Kirkop, u Dar Andrew ġo Bormla li kienet l-aħħar residenza li nfetħet. Apparti minn dawn ir-residenzi, l-aġenzija tamministra wkoll postijiet residenzjali mħallsa minn fondi pubbliċi ġewwa Dar Arka, Għawdex, Dar Il-Wens u Dar Pirotta f’Birkirkara. L-għan hu li b’mod gradwali dawn ir-residenzi jkomplu jiżdiedu. Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilità tagħti importanza kbira lil għixien Indipendenti għall-persuni b’diżabilita u din is-sena qed isir proċess ta’ konsultazzjoni u riċerka dwar dan is-suggett.

ITS — spejjeż biex isir gym

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża biex isir il-gym il-ġdid fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li tinkludi kemm tibdil strutturali u kemm l-apparat tal-fitness? X'tip ta' apparat hemm u kemm ġiet tiswa kull biċċa? Xi proċedura intużat biex inxtara? Kif qed jintuża l-gym mill-istudenti? F'liema korsijiet ġie integrat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — studenti

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tan-numru tal-istudenti kollha fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, imqassmin sena b'sena fl-aħħar tliet snin u mqassmin skont il-livell tal-kors fil-Malta Qualifications Framework għal kull sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — suġġetti mgħallma

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema lingwi qed ikunu mgħallma fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? F’liema korsijiet? F’liema livelli bħala sillabu? Lil liema studenti? Kemm sigħat b’kollox qed ikun hemm għal kull kors? Kemm ingħataw eżenzjonijiet u b’liema kriterji? Kemm mill-għalliema huma full-time u kemm part-time? Hemm għalliema tal-lingwa neqsin? Jekk iva, ta’ liema lingwa? X’qed isir biex dan in-nuqqas ma jibqax?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għall-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 29846 seduta 404. Ingħataw 194 eżenzjoni għax għandhom l-O level. Hemm 3 għalliema full-time 4 fuq service contracts . Hemm għalliem/a wieħed tal-lingwa Ġermaniża li huwa nieqes. Dan il-modulu se jerġa' jingħata fis-semestru li jmiss.

probelma ta' ilma f'appartament tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-problema ta' din il-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix f'appartament tal-gvern u qed ikollha influss ta' ilma fil-proprjetà li qed jikkawżalha ħafna ħsarat fid-dar tagħha meta dan mhux ġej min-naħa tagħha? Tista' tgħid x'ġara mill-każ wara li diversi uffiċjali tal-Awtorità tad-Djar marru anke fuq il-post biex jaraw x'inhi l-problema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar qatt ma rċeviet talba mingħand l-inkwilina msemmija. Il-fond sejjer jiġi spezzjonat minn uffiċjali tal-Awtorità fil-jiem li ġejjin.

Ħal Farruġ — Qasam tad-Djar fi stat diżastruż

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex is-sitwazzjoni tal-Qasam tad-Djar f’Ħal Farruġ tħalliet fi stat diżastruż għal dawn is-snin kollha? Tista’ tgħid għaliex xogħlijiet fil-partijiet komuni tal-appartamenti qatt ma ġew finished mill-Awtorità tad-Djar fejn illum hemm sitwazzjoni ta’ telqa b’dannu għall-familji li jgħixu hemmhekk?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-partijiet komuni tal-appartamenti ġew finished bejn l-1996 u l-1997 mid-Dipartiment tat-Tiswija u l-Bini tad-Djar. Ser jibdew xogħlijiet f’dan il-Qasam tad-Djar mill-Kunsill Lokali fil-ġimgħat li ġejjin permezz ta’ skema offruta mill-Awtorità tad-Djar. Il-partijiet komuni ta’ Blokk H u I se jiddaħħlu fl-iskema Il-Binja Tiegħi, id-Dar Tiegħi, fejn se jsiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni bl-għajnuna tal-kunsill lokali. Il-binjiet l-oħra huma kollha mibjugħin u ma jaqgħux taħt ir-responsabiltà tal-Awtorità tad-Djar.

Awtorità tad-Djar — ħaddiema bit-teleworking

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fil-prezent jekk hemmx ħaddiema li jaħdmu bit-teleworking fl-Awtorità tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent m'hemmx ħaddiema li jaħdmu bit-teleworking fl-Awtorità tad-Djar.

każ ta' individwu li ma rċeviex l-injury benefits

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li weġġa' fl-10 ta' Settembru 2011 u li huwa self employed, sal-lum ma irċieva l-ebda injury benefits?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

talba għall-blue sticker

Question

Tista' l-Ministru tara fejn waslet it-talba għall-blue sticker tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-appuntament mat-tabib tal-persuna msemmija sar nhar is-7 ta’ Novembru 2011.