Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied iż-Żurrieq — multi-level parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir multi-level parking fil-parkeġġ eżistenti ta' Wied iż-Żurrieq peress li l-ispazju preżentement riservat għall-parkeġġ fil-maġġor parti tiegħu qiegħed ikun riservat għal coaches? Jista’ fil-frattemp jiġu identifikati żoni oħra f'Wied iż-Żurrieq stess li fihom jiġi pprovdut tali parkeġġi biex fin-nuqqas ta' turisti li ġejjin minn barra l-pajjiż, aktar Maltin iżuru dan il-post turistiku sakemm isir dan il-multi-level parking?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx pjan li jsir multi-level parking ġewwa Wied iż-Żurrieq. Fil-passat, il-Ministeru kien esplora l-fattibilità għal dan il-proġett, fejn kien irriżulta li minħabba raġunijiet ambjentali, dawn it-tip ta’ interventi ma setgħux isuru f’din il-lokalità. Infakkar li matul is-sajf li għadda, tnieda servizz ċirkolari b’vetturi tat-trasport pubbliku minn u lejn din iż-żona popolari fin-Nofsinhar tal-pajjiż, biex tiġi evitata konġestjoni fil-parkeġġ imsemmi. Is-servizz intuża minn eluf ta’ ċittadini u turisti.

Proġetti fuq in-naħa t'isfel ta' Malta

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4748, jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti hemm ippjanati għan-naħa t'isfel ta' Malta, b'mod speċjali fiż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba, Ħal Safi, Ħal Kirkop, Birżebbuġa u Ħal Luqa biex jattiraw aktar turisti lejn din in-naħa ta' Malta? Peress li fir-risposta tiegħu l-Ministru kien qal li l-Gvern kien qiegħed jaħdem fuq numru ta’ proġetti turistiċi fin-naħa t’isfel ta’ Malta fosthom ir-riġenerazzjonji ta’ Birżebbuġa, Marsaxlokk u Wied iż-Żurrieq, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu dawn il-proġetti u kemm hu l-baġit ippjanat li jintefaq fuq kull proġett u meta hemm il-ħsieb li ser jibda (f'każ ta' proġetti li għadhom ma bdewx) u jispiċċa x-xogħol fuq kull proġett?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa, il-Ministeru qiegħed iwettaq żewġ proġetti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni fil-lokalità ta’ Bir¿ebbuġa li jikkumplimentaw lil xulxin. Dawn il-proġetti huma r-riġenerazzjoni tal-promenade fi triq San Patrizju, kif ukoll l-iżvilupp tal-Istazzjon ta’ Trasmissjoni ta’ Bengħajsa sabiex dan tal-aħħar jinbidel f’park għall-familja. Iż-żewġ proġetti jinsabu f’fażi avvanzata tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. Rigward il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk, tajjeb jingħad li diġà’ twettqu numru ta’ proġetti fil-lokalita’ fosthom il-kostruzzjoni ta’ parkeġġ ġdid biswit il-grawnd tal-futbol u t-titjib ta’ diversi toroq fir-raħal. Barra minn hekk, ġie wkoll organizzat il-Monti ta’ nhar ta’ Ħadd li jarma f’Xatt is-Sajjieda. Fil-preżent, għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ f’Xatt is-Sajjieda, fil-parti magħrufa bħala Tal-Magħluq. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jkunu lesti sal-aħħar ta’ din is-sena. Hemm ukoll il-pjan li jinbena pitch tal- waterpolo ġdid. Il-permess għal dan il- pitch ħareġ dan ix-xahar u l-pass li jmiss huwa li jiġi fformulat u ppubblikat it-tender relatat. F’Wied iż-Żurrieq diġà sar xogħol ta’ embellishment fejn twaħħlu bankijiet u railings ġodda, manutenzjoni ta’ bankijiet u mwejjed eżistenti, kif ukoll tibdil ta’ bozoz maqtugħa li jdawwlu l-bankina. Sar ukoll xogħol ta’ tiswija fir-rampa tal-moll sabiex ikun hemm aċċess iktar sigur għas-sajjieda, kif ukoll ġiet installata sistema ġdida tal-elettriku fejn jinħażnu d-dgħajjes tat-turisti.

MCCAA – rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dwar tariffi tal-banek kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'għamlet l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur wara r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dwar it-tariffi tal-banek kummerċjali tat-28 ta' Lulju 2015? Xi progress ġie reġistrat sabiex ikun hemm aktar trasparenza fit-tariffi tal-banek kummerċjali u imgħaxijiet fuq self ikunu aktar in linea mal-medja Ewropea? Jista’ jiddikjara jekk hux sodisfatt bil-progress li ġie reġistrat s'issa sabiex l-imgħaxijiet fuq is-self ikunu skont il-medja Ewropea u x'beħsiebu jagħmel sabiex dan il-għan jintlaħaq?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kien ħareġ ir-rapport dwar it-tariffi tal-banek kummerċjali fit-28 ta' Lulju 2015 huwa kien ssorvelja biex jara li r-rakkomandazzjonijiet li għamel fir-rapport li kellhom bħala l-għan it-tisħiħ fit- trasparenza fit-tariffi tal-banek kummerċjali u imgħaxijiet fuq self, jiġu fill-fatt implementati mill-banek. Fl-2016 kien saru wkoll diversi laqgħat mal-banek individwalment għal dan il-għan. Minkejja li l-Uffiċċju m’għandux il-poter li jinforza r-rakkomandazzjonjiet, b’riżultat ta’ inkjesta settorjali l-Uffiċċju ħadem biex jirreġistra progress pożittiv fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Hawnhekk nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li nagħtat għal-mistoqsija parlamentari 30477. Waħda mir-rakkomondazzjonjiet tal-Uffiċċju kienet proprju illi meta jkun hemm skemi finanzjarji maħluqa mill-Gvern jew b’riżultat ta’ fondi Ewropej li jkollhom l-għan li joffru self aktar vantaġġjuż lil-SMEs, kellu jkun hemm aktar minn operatur wieħed li jipprovdi self lill-intrapriżi f’Malta. Ta’ min jirrimarka illi mid-data tar-rapport ’l hawn kien hemm aktar minn bank kummerċjali wieħed li qed joffri forom ta’ għajnuna ta’ finanzjament lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju biex jiiffaċilitaw l-aċċess għal-finanzi għall-SMEs u biex inaqqsu l-obbligi kollaterali flimkien ma' tnaqqis fir-rata tal-imgħax.

MTA – żieda fin-nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex skont l-Estimi Supplimentari għas-sena 2020 fil-vot 6794 intefqu €21 miljun iżjed milli kien previst? Jista' jagħti dettalji eżatti fiex intefqu dawn il-€21 miljun iżjed mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, matul is-sena 2020?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-somma addizzjonali ta’ €21 miljun, li qed jirreferi għaliha, kienet intalbet bil-għan li l-Ministeru jkun jista’ jimitiga bl-aħjar mod iċ-ċirkostanzi bla preċedent li żviluppaw fuq l-industrija turistika kollha kemm hi b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19. Minkejja dan, grazzi għall-għaqal fit-tmexxija u anke peress li l-pandemija twalet, u allura saru savings oħra minn inizjattivi li ma setgħux jimmaterjalizzaw, il-flus riservati ma kienx hemm bżonn li jiskattaw. Dawn jistgħu jerġgħu jkunu għad-dispożizzjoni tal-Awtorità sabiex jintużaw b’mod effettiv bil-għan li l-industrija tiġi mgħejjuna tqum fuq saqajha kemm jista’ jkun malajr, u biex pajjiżna jkun marketed b’mod aggressiv, fi żminijiet aktar opportuni. Infakkar li l-ekonomija nazzjonali tiddependi ħafna fuq din l-industrija, waqt li minnha jaqilgħu l-għajxien tagħhom eluf kbar ta’ familji Maltin u Għawdxin, kemm b’mod dirett kif ukoll indirettament.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Vot ‘Rent’ — talba għal aktar fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-vot 24 'Rent' taħt il-Ministru għat-Turiżmu għas-sena 2020 kien ta' €242,000 u fil-fatt intalbu €400,000 oħra għal dan il-vot (skont l-Estimi Supplimentari għas-sena 2020)? Jista' jagħti break down fuq xiex tħallas l-ammont ta' €642,000 f'kirjiet mill-Ministeru tiegħu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-somma addizzjonali ta’ €400,000, li qed jirreferi għaliha, kienet intalbet biex tkopri l-ispejjeż tal-ħlas tal-kera relatata mal-fond tal-Ministeru stess fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Dan kien neċessarju wara li d-Dipartiment tal-Artijiet ħareġ fattura u dikjarazzjoni b’lura biex ikopri d-drittijiet tal-kera peress li kien għad hemm pendenzi passati li setgħu jiġu pproċessati biss meta l-proċess ġie iffinalizzat.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Vot ‘Professional Services’ — talba għal aktar fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-vot 31 tal-Ministeru tiegħu għal 'Professional Services' kien ta' żewġ miljuni u fil-fatt intalbu €600,000 oħra (skont l-Estimi supplimentari għas-sena 2020)? Jista' jagħti break down fiex intefqu dawn iż-żewġ miljuni u sitt mitt elf euro fi Professional Services u jgħid għal kull min tħallas minn taħt dan il-vot fis-sena 2020, min kien, kemm tħallas b'mod globali matul l-istess sena, u jekk dan ix-xogħol ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-somma addizzjonali ta’ €600,000, li qed jirreferi għaliha, kienet mitluba minħabba li l-ħlasijiet tal-grievances fl-Air Malta, li ammontaw għal madwar €850,000, għaddew kollha minn dan il-vot. Kienet wegħda elettorali minn Gvern Laburista li jissewwew l-inġustizzji u l-vendikazzjonijiet li twettqu minn amministrazzzjonijiet preċedenti anke fil-linja nazzjonali tal-ajru, għax għandu għal qalbu l-ħaddiem Malti u Għawdxi.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – konsulenzi legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-natura tal-konsulenza legali li ngħatat mill-kumpaniji jew persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament lill-Ministeru tat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur bejn Jannar u Ġunju 2020?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel kumpanija msemmija pprovdiet servizzi legali marbutin ma’ diversi oqsma, fosthom il-Package Travel Regulations, konċessjonijiet, u implikazzjonijiet legali relatati mal-Brexit fost l-oħrajn. It-tieni kumpanija msemmija pprovdiet servizzi legali relatati mal-avjazzjoni. L-individwu msemmi pprovda numru ta’ servizzi legali, fosthom marbutin mar-reviżjoni ta’ leġislazzjonijiet u assistenza legali fuq materji relatati ma’ procurement . Tajjeb jingħad ukoll li, minkejja li dawn is-servizzi ġew ippubblikati fil-Gażżetta tal-Gvern għal perjodu Jannar sa Ġunju 2020, parti kbira minnhom huma marbuta ma’ servizzi li ingħataw fl-2019, u dan għaliex l-ammonti jiġu ippublikati biss wara li tingħata l-approvazzjoni definittiva mill-Ministeru għall-Finanzi u wara li l-ammont finali jsir magħruf.

Kompetizzjoni fis-suq tad-diesel u tal-LPG

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17396, jista' l-Ministru, permezz tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni jgħid kif stabbilixxa li l-uniformità tal-prezz ipprattikat mill-pompi tad-diesel u tal-LPG għall-karozzi u mill-bejjiegħa ta' ċilindri tal-gass hu r-riżultat ta' conscious parallelism u mhux ta' prattiċi antikompettivi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmat li l-prezzijiet li jinbiegħu mill-pompi tal-karburant u mill-bejjiegħa taċ-ċilindri tal-gass huwa l-istess li jitħabbru mill-kumpaniji ewlenin li jissuplixxu l-prodott partikolari u l-prezzijiet fis-suq jiġu segwiti mill-bejjiegħa il-mument li titħabbar xi bidla fil-prezz minn dawn kumpaniji. Dan ifisser illi l-bejjiegħa tal-pompi tal-karburant jew l-operaturi li jbiegħu ċ-cilindri tal-gass isegwu l-prezzijiet imħabbra u mhux jiftehmu bejniethom il-prezz li jinbiegħ lil-konsumatur.

Persuni li ma għandhomx liċenzja ta’ gwida turistika

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk fil-leġiżlatura kurrenti kienx hemm persuni li nqabdu jagħtu servizz ta' gwida turistika bla ma kellhom liċenzja u f'każ li iva, kemm minnhom inqabdu f'Malta u kemm f'Għawdex u x'passi ttieħdu kontra tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2019 kien hemm persuna waħda li inqabdet tagħti servizz ta’ gwida turistika f’Malta mingħajr ma kellha liċenzja. Il-każ ġie riferut lill-Pulizija.

Individwu – membru ta’ kumitat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux membru ta' xi kumitat fil-Ministeru għat-Turiżmu? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra jekk il-Ministeru ħax xi passi fir-rigward tiegħu fid-dawl tad-dettalji li ħarġu fil-Public Accounts Committee?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li l-persuna msemmija ma jifforma parti mill-ebda kumitat fi ħdan il-Ministeru. Ma hemm l-ebda bażi jew raġuni li jimmeritaw xi forma ta’ passi kontra l-individwu in kwistjoni. Anzi l-Awtorità tħares ’il quddiem lejn aktar ħidma fil-qasam tal-Events biex nassiguraw li Malta tibqa’ destinazzjoni mill-aktar imfittxija, ġaladarba s-swieq turistiċi jerġgħu jiftħu.

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni – suq ta’ proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi ħa jew qed jieħu l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni sabiex jassigura li s-suq tas-sensara tal-proprjetà ma jsofriex minn prattiċi li jnaqqsu l-kompetizzjoni?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni m’għandu l-ebda tagħrif li hemm xi prattika antikompettitiva li qed tfixxkel il-kompetizzjoni fis-suq imsemmi. B’danakollu, nistiednu biex jgħaddi, jekk għandu, kwalunke informazzjoni mod ieħor lill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni biex tiġi investigata, kif jixraq.

Proprjetà liċenzjati għall-kiri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17457 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il proprjetà hija liċenzjata biex tinkera lill-Maltin u/jew lill-barranin?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li n-numru ta’ propjetajiet li jinkrew lit-turisti liċenzjati mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) huwa ta’ 4,131 – 2,865 f’Malta u 1,266 f’Għawdex.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — Bordijiet - attendenza ta' membri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17516 u jagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tiegħu matul din il-leġiżlatura?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din il-leġiżlatura l-bordijiet taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru iltaqgħu b’kollox 158 darba. Tajjeb inżid li dejjem intlaħaq il-quorum meħtieġ.

Implimentazzjoni tar-regolament tal-Unjoni Ewropea 2017/2394

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn waslu l-miżuri leġiżlattivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri a tenur tar-Regolament tal-UE 2017/2394 u dan ukoll fir-rigward tad-direttivi u regolamenti kollha msemmija fl-anness tal-istess Regolament, dan tenut kont tal-fatt li dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar tal-2020?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-emendi proposti għall-leġiżlazzjoni li taqa’ taħt l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandhom jitressqu quddiem il-Parlament dalwaqt minħabba li kien hemm bżonn ta’ xi emendi ulterjuri abbażi tal-konsultazzjoni. Fil-każ tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur l-emendi proposti għall-leġiżlazzjoni li jaqgħu taħt l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur japplikaw ukoll għall-Kunsill.

Safe City Malta — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista’ ta’ konsulenti tal-passat u l-preżent ta’ Safe City Malta? Jista’ jgħid kemm tħallsu u għal liema tip ta’ xogħol? Kif u meta kienu ingaġġati u fuq liema bażi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Safe City Malta Ltd. għamlet użu mid-ditta ta’ konsulenza ThinkTechnic Limited abbażi tal-esperjenza twila fil-qasam tat-teknologija tal-informatika u kommunikazzjoni. Il-kumpanija tħallset €179,196 għas-servizzi tagħha bejn il-perjodu 2017-2020.

Bring-in Sites – kontrol u infurzar ta’ indafa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema entità hija responsabbli sabiex twettaq is-sorveljanza, kontrol u infurzar fuq l-istat nadif u skont ir-regoli tal-iġene tal-bring in-sites li għandna f’pajjiżna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għaqdiet tal-Konsumaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hawn għaqdiet tal-konsumaturi li huma reġistrati skont ir-rekwiżiti tal-Kap.378? Jekk hawn xi għaqdiet hekk reġistrati, qed tingħata xi forma ta’ għajnuna mill-Gvern lil dawn l-għaqdiet u jekk iva fiex tikkonsisti din l-għajnuna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat li hawn żewġ għaqdiet tal-konsumatur li huma reġistrati skont ir-rekwiżit tal-Kap 378. Min-naħa tal-Awtorità tingħata għajnuna lil waħda mill-għaqdiet permezz ta’ użu ta’ uffiċċju, servizz tal-internet u linja tat-telefon mingħajr ħlas kif ukoll il-ħlas ta’ servizzi ta’ dawl, ilma u indafa. L-għaqda l-oħra qatt ma għamlu xi tip ta’ talbiet għall-għajnuna.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16853, jista' l-Ministru jgħid jekk il-każijiet kinux direttament fil-Ministeru jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

B’referenza għall-figuri li tajna bi tweġiba għall-PQ16853, ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li ma kien hemm ħadd mill-Ministeru, imma kollha kienu mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru.

MTA — konsulenti

Question

Jista’ jgħid min huma l-konsulenti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA)? Kif inħatru? X’inhi r-remunerazzjoni tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Awtorità’ Maltija għat-Turiżmu qed tingħata konsulenza mingħand 11-il individwu/kumpanija. Dawn il-konsulenzi huma fuq diversi aspetti turistiċi fosthom opportunitajiet kummerċjali u żviluppi ta’ swieq turistiċi ġodda; u għajnuna fl-implimentazzjoni ta’ policies fost l-oħrajn. Il-ħlas totali tagħhom għal din is-sena, s’issa jammonta għal €278,028.

Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur – proċedimenti ġudizzjarji

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14005, jista’ l-Ministru jgħid sussegwenti għat-tweġiba mogħtija fis-seduta tat-13 ta’ Mejju 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, ittieħdux xi proċedimenti ġudizzjarji mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 12(5) tal-Kap. 378? Jekk ittieħdu, jista’ l-Ministru jgħid f’kull każ dwar liema materjal kien jittratta r-rikors magħmul mid-Direttur Ġenerali quddiem il-Qorti Ċivili? B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14005, jista’ l-Ministru jgħid sussegwenti għat-tweġiba mogħtija fis-seduta tat-13 ta’ Mejju 2020 sa meta tiġi mwiegba din il-mistoqsija kemm-il rikors sar mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 12E tal-Kap. 378 għall-ħruġ ta’ miżuri intermedji mill-Qorti? F’kull każ dwar liema materjal kien jittratta r-rikors magħmul mid-Direttur Ġenerali quddiem il-Qorti Ċivili f’dan ir-rigward?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14005 ma ġewx istitwiti proċeduri ġudizzjarji skont l-Artikolu 12(5) tal-Kap 378 u skont l-artikolu 12E tal-istess Kap. 378.