Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Indafa Pubblika — Impjegati fuq bażi full-time

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14791 u 18647 u jgħid kemm kien hemm persuni impjegati fuq bażi full-time, u f’liema grad, mad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika fl-1 ta' Jannar, 2024? Jista' jgħid ukoll kemm hemm persuni impjegati fuq bażi full-time fl-istess Dipartiment fil-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija u f'liema grad?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li n-numru ta’ impjegati fuq bażi full-time fid-Dipartiment tal-Indafa Pubblika huwa s-segwenti: Sezzjoni Numru ta’ ħaddiema Amministrazzjoni 32 Customer Care 9 Supervisory 95 Engineering / Technical 8 Health & Safety 1 Cleansing 377 Maintenance 30 Drivers (including Heavy Plant) 42 Security 5

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Artikli u opinjonijiet fuq gazzetti - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq artikli u opinjonijiet fuq gazzetti mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn l-artikli, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-gazzetti li l-Ministeru xtara artiklu? Jista' jindika wkoll liema minn dawn l-artikli kienu intervisti jew rapporti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-nefqa għall-ewwel tlett xhur tas-sena. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 3744 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 243 ta' nhar l-Erbgħa, 15 ta' Mejju 2024)

San Pawl il-Baħar – Żona Tal-Għażżenin — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm aċċess sigur lejn il-bajja fiż-żona magħrufa Tal-Għażżenin, f’San Pawl il-Baħar, hekk kif, fost affarijiet oħra, it-taraġ jenħtieġlu manutenzjoni?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Stabbilimenti li għandhom liċenzja ta’ lukanda

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk l-istabbilimenti li għandhom liċenzja ta’ lukanda f’Malta u f’Għawdex u għal kull liċenzja jagħti: i. L-isem tal-lukanda; ii. Il-lokalità li tinsab fiha; iii. In-numru ta’ kmamar/sodod liċenzjati; iv. Il-kategorija (i.e. numru ta’ stilel); v. Is-sena li fiha nħarġet il-liċenzja?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Awtorità Maltija għat-Turiżmu — Attivitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bars u stands li jittellgħu għal attivitajiet relatati mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) jintgħażlux permezz ta’ ħruġ ta’ tenders? Jekk le, għaliex u kif fil-fatt jintgħażlu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma talloka l-ebda “bars u stands” fl-avvenimenti tagħha jew dawk li tassisti.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul April 2024?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W91.

Direttivi tal-Unjoni Ewropea li ġew implimentati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fis-sena 2024 u għalhemm m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Artikli u opinjonijiet fuq online portals - Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq artikli u opinjonijiet fuq online portals mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn l-artikli, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-online portal li l-Ministeru xtara l-artiklu? Jista' jindika wkoll liema minn dawn kienu intervisti jew rapporti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni mitluba fuq artikli fuq online portals għall-perjodu 1 ta’ Jannar u 31 ta’ Marzu 2024.

Laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li attendejt għall-Laqgħa Informali tal-Ministri tat-Turiżmu fi Frar tal-2024. Ma hemm l-ebda laqgħat oħra ippjanati sa l-aħħar ta’ Ġunju 2024.

Paceville, Tas-Sliema u l-Gżira — Spezzjonijiet mill-MTA dwar ġbir ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Enforcement Unit tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fuq entitajiet kummerċjali li għandhom liċenzja ta’ bars/restoranti u li huma obbligati li jkollhom kuntrattur privat tal-iskart f’Paceville, Tas-Sliema u l-Gżira, maqsuma lokalità lokalità, mill-bidu tas-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu taċċerta ruħha li kull stabbiliment li jissottometti applikazzjoni ġdida jkollu kuntratt ma’ kuntrattur privat li għandu liċenzja jiġbor l-iswill. Dan il-kuntratt jintalab ukoll meta jsiru spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-ikel. Din is-sena l-uffiċjali tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu spezzjonaw 208-il stabbiliment f’Paceville, 214-il stabbiliment f’tas-Sliema u 139-il stabbiliment fil-Gżira.

Tas-Sliema, San Ġiljan, Paceville u l-Gżira — Amplified music - Permessi maħruġa mill-MTA

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa tal-postijiet li nħarġilhom permess mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għal amplified music f’entitajiet kummerċjali f’Tas-Sliema, San Ġiljan, Paceville u l-Gżira, maqsuma lokalità lokalità?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu mhijiex l-entita’ kompetenti li toħroġ permessi ta’ amplified music fuq barra ta’ entitajiet kummerċjali, ninfurmah li hemm 38 stabbiliment illi għandhom permess ta’ amplified music fuq ġewwa fil-lokalitajiet imsemmija.

Paceville, San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira – Spezzjonijiet mill-MTA dwar Amplified music

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Enforcement Unit fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) dwar amplified music minn stabbilimenti f’Paceville, San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira, mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma lokalità lokalità?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-MTA mhix l-Awtorità kompetenti li tirregola u tinforza l-inkonvenjent ta’ storbju, il-liġi konċernata tirrikjedi illi stabbiliment ikollu liċenzja biex idoqq mużika amplifikata internament wara l-ħdax ta’ filgħaxija. L-uffiċjali tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu spezzjonaw 33-il stabbiliment fis-sena 2023 u 12-il stabbiliment fis-sena 2024 fil-lokalitajiet hawn imsemmija.

Programm fuq stazzjon televiżiv Ingliz

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18269 u jgħid kemm hi l-ispiża totali tal-produzzjoni tal-programm li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li ntwera f’ħames partijiet waqt prime time (fil-ħin tal-ikel mit-Tnejn sal-Ġimgħa) fuq stazzjon televiżiv ġewwa r-Renju Unit? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu l-ispejjeż separatament fuq reklamar, ivjaġġar, akkomodazzjoni, editing tal-programm, l-ispiża tal-airtime ġewwa r-Renju Unit u anke l-fee tal-preżentatur fost oħrajn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża totali għal din il-produzzjoni ta’ ħames programmi li ntwerew fuq l-istazzjon televiżiv fir-Renju Unit, ITV1 waqt prime time tammonta għal kważi €265,000. L-istatistika li għandha f’idejha l-MTA turi li kull episodju rawh madwar 670,000 persuna, bl-ikbar udjenza tkun fit-tieni episodju fejn rawh iżjed minn 700,000. It-total għall-episodji kollha fuq TV live jammonta għal 3.6 miljun spettatur, li ma jinkludux dawk li raw l-episodji fuq ITVX (Streaming) jew fuq ITV Catch up. Dawn il-programmi ingħataw ukoll promozzjoni qawwija fuq il-midja soċjali ta’ Ainsley Harriott, fejn fuq META għandu udjenza ta’ 172,000 u 129,000 segwaċi fuq Instagram. Il-preżentatur ipparteċipa u rreklama l-programmi Taste of Malta fuq Radio X b’udjenza ta’ 2.1 miljun utent fil-ġimgħa, u fuq il-Breakfast Show ta’ ITV – This Morning. Il-valur f’termini ta’ spiża li kieku l-MTA kellha tħallas għal din l-attività b’reklamar fuq televiżjoni u midja soċjali, hi stmata li tilħaq il-€5 miljuni. Għaldaqstant b’investiment ta’ €265,000, l-MTA rnexxielha takkwista valur ta’ midja promozzjonali ta’ kważi €5 miljuni.

Coast Road – Tindif tas-cycle lanes

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika jgħid għaliex mhux qegħdin jiġu mnaddfa s-cycle lanes li hemm fil-Coast Road? Jista’ jgħid ukoll kull meta suppost jitnaddfu u meta kien l-aħħar darba li tnaddfu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lis-cycle lanes jiġu mnaddfa darbtejn fil-ġimgħa permezz ta’ tagħmir mekkanizzat. Mix-xahar ta’ Ġunju ’il quddiem, il-frekwenza ta’ tindif se tirdoppja għal erba’ darbiet fil-ġimgħa.

Coast Road – Tindif ta’ cycle lanes

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika jgħid jekk it-tindif tas-cycle lanes fil-Coast Road isirx minn kuntrattur privat? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda kuntrattur ingaġġat sabiex isir dan it-tip ta’ tindif.

Marsaxlokk- Pixxina tal-waterpolo — Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett tal-pixxina tal-waterpolo ġewwa Marsaxlokk għadux ser isir? Jekk fl-affermattiv, jista’ jindika xi tip ta' timeline għal dan il-proġett tant bżonnjuż mhux biss għax-Xlukkajri, iżda għan-naħa t'isfel kollha ta' Malta li tant hi nieqsa minn proġetti bħal dawn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Kiri ta’ umbrelel u/jew deckchairs ħdejn il-bajjiet — Liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12417 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10038, rigward operaturi li għandhom liċenzja biex jikru umbrelel u/jew deckchairs ħdejn il-bajjiet kollha, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi u kif jinħarġu dawn il-liċenzji, kull meta jiġu mħallsa u kif jiġi determinat l-ammont dovut għal din il-liċenzja?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-permess jibda b’applikazzjoni apposta għal dan it-tip ta’ operat li jista’ japplika għaliha biss stabbiliment li diġa’ huwa liċenzjat mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu. Dan il-permess jiġi mħallas kull sena mal-kont tal-liċenzja tal-istabbiliment u l-ammont huwa determinat skont il-leġislazzjoni sussidjarja.

Il-Manikata – Manutenzjoni u tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'manutenzjoni saret mill-Kunsill Lokali Mellieħa fiż-żona tal-Manikata, matul l-aħħar sena, minn xi entità, dipartiment, awtorità, eċċ li taqa' taħtu u minn min saret? Jista' jgħid ukoll x'tindif, knis u ġbir ta' skart isir fiż-żona tal-Manikata, Mellieħa minn xi entità, dipartiment, awtorità, eċċ li taqa' taħtu, u kull meta jsir dan ix-xogħol?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-TZRA b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa wettqu diversi xogħlijiet fiż-żona tal-Manikata fosthom: · manutenzjoni ta’ tagħmir u bankijiet fi Ġnien iż-Żernieq; · installazzjoni ta’ gates ġodda tal-azzar u fence mesh fi Ġnien iż-Żernieq; · sinjali biex ma jintremiex żibel fiż-żona; · installazzjoni ta’ ħames traffic mirrors għal sikurezza aħjar fi toroq; · tirqim ta’ siġar tal-bajtar tax-xewk fi Triq il-Mellieħa; · tindif biex jiġi evitat periklu ta’ nar fi Triq l-Għasafar. Matul ix-xaħar ta’ Marzu, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni intervjeniet f’manutenzjoni ta’ bankijiet kif ukoll tal-bandi fil-Manikata. Apparti minn hekk, peress li l-Manikata jifforma parti mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, isir tindif regolari minn ħaddiema tad-Diviżjoni skont l-arranġament mal-istess Kunsill.