Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni f’kull entità/dipartiment/aġenzija/korporazzjoni/kumpanija li jaqgħu taħtu, xahar b’xahar, minn Jannar 2017 ‘il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont l-entità u jagħti l-informazzjoni grad bi grad (mingħajr ma jagħti l-ismijiet tal-persuni)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2017 ‘il hawn ġew impjegati fil- Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali 25 persuna (fl-2017), 12-il persuna (fl-2018), 31 persuna (fl-2019) u 7 persuni (bejn Jannar u Mejju 2020). Fi Transport Malta ġew impjegati 153 persuna (fl-2017), 69 persuna (fl-2018), 59 persuna (fl-2019) u 16 -il persuna (bejn Jannar u Mejju 2020). F’Infrastructure Malta ġew impjegati 3 persuni (fl-2018) u 15 -il persuna (fl-2019) waqt li fis-snin 2017 u 2020 ma ġie mpjegat ħadd. Fil-Lands Authority ġew impjegati 78 persuna (fl-2017), 46 persuna (fl-2018), 16 -il persuna (fl-2019) u 4 persuni (bejn Jannar u Mejju 2020). Fil-Building Industry Consultative Council ġew impjegati persuna waħda (fl-2017), 2 persuni (fl-2018), persuna waħda (fl-2019), waqt li bejn Jannar u Mejju 2020 ma ġie mpjegat ħadd. Fil-Building & Construction Agency ġew impjegati 4 persuni bejn Jannar u Mejju 2020 biss. Fi Property Malta ġew impjegati persuna waħda (fl-2017), persuna waħda (fl-2018), 8 persun1 (fl-2019) u 5 persuni (bejn Jannar u Mejju 2020). Fil-Joint Office u fil-Bureau of Air Accident Investigation ma ġew impjegati l-ebda persuni bejn l-2017 u Mejju 2020. Fil-Grand Harbour Regeneration Corporation ġew impjegati 3 persuni (fl-2017), 3 persuni (fl-2018), 3 persuni (fl-2019), waqt li bejn Jannar u Mejju 2020 ma ġie mpjegat ħadd. Fi Projects Malta ġew impjegati 9 persuni (fl-2017), 5 persuni (fl-2018), persuna waħda (fl-2019) u persuna waħda (bejn Jannar u Mejju 2020). Fi Projects Plus ġew impjegati 10 persuni (fl-2017), 3 persuni (fl-2018), waqt li fl-2019 u minn Jannar sa Mejju 2020 ma ġie impjegat ħadd. F’Yachting Malta Ltd. ġew impjegati persuna waħda (fl-2017) u persuna waħda (fl-2019), waqt li fl-2018 u minn Jannar sa Mejju 2020 ma ġie mpjegat ħadd. F’Malta Marittima ġew impjegati persuna waħda (fl-2017), 3 persuni (fl-2018), persuna waħda (fl-2019), waqt li bejn Jannar u Mejju 2020 ma ġie mpjegat ħadd. F’MATS ġew impjegati 11 -il persuna (fl-2017), 8 persuni (fl-2018), 21 persuna (fl-2019) waqt li bejn Jannar u Mejju 2020 ma ġie impjegat ħadd.

Is-Siġġiewi — restawr tal-kanċell taċ-Ċimiterju ta' San Teodoru

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jippjana restawr tal-kanċell taċ-Ċimiterju ta' San Teodoru (magħruf bħala Ta' San Dawdar) fis-Siġġiewi? Jista' jindika x'inhuma x-xogħlijiet pjanati f'dan is-sit u meta hu pjanat li jitlestew?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-kanċell in kwistjoni inqala’ minn postu u qiegħed fil-proċess li jkun iggalvanizzat u miżbugħ. Qabel jerġa’ jitqiegħed lura f’postu ser isir xogħol ta’ restawr fuq il-pilastri tal-ġebel li jżommu dan il-kanċell. Huwa maħsub li dan ix-xogħol jitlesta sal-aħħar ta’ Awwissu li ġej.

Għalqa – ħajt

Question

Jista’ l-Ministru jara li jittella’ ħajt f'għalqa li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, minħabba li din l-għalqa qiegħda tkun ta' aċċess biex xi persuni jitfgħu skart u li qed ikun ta' eyesore u ta' detriment għall-ġirien?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jipprovdi site plan li fuqha jkun hemm immarkata l-għalqa msemmija sabiex ikun jista’ jsir l-istħarriġ neċessarju fuq dan il-każ

Bastiment — Ekwipaġġ

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14201, peress li ma staqsejtux in-numru ta’membri tal-ekwipaġġ iżda biex jagħti l-lista tagħhom, jista’ l-Ministru issa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-ekwipaġġ tal-Europa 11?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-awtoritajiet kompetenti tal-bandiera, jirregolaw in-numru tal-ekwipaġġ u l-kompetenzi tal-ekwipaġġ skont il-Kodiċi tan-Non Convention Vessels. Huwa l-obbligu tal-operatur li abbord ikun hemm in-numru ta’ ekwipaġġ u l-kompetenzi neċċessarji abbord. Il-lista ta’ ekwipaġġ tingħata lil awtoritajiet konċernati (TM, Immigration Police, Customs, Port Health) għal skopijiet ta’ informazzjoni u sigurta’. Dawn huma persuni impjegati mill-operator tal-bastiment u għandhom drittijiet għal privatezza anke skont l-obbligi ta’ Data Protection. Għal dawn ir-raġunijiet il-lista ta’ ekwipaġġ mhux se tiġi preżentata.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrasturttura u Proġetti Kapitali – karozzi mixtrija/mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija jew mixtrija li jintużaw mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu u f’liema sena ġew mixtrija jew mikrija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karozzi mixtrija jew mikrija mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Is-Siġġiewi – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jindika fiex waslu x-xogħlijiet fit-toroq rurali tas-Siġġiewi b'fondi tal-Unjoni Ewropea li xi wħud kien applika għalihom il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi? Jista' jindika kemm saru minn dawn it-toroq, liema huma u għaliex qed ikun hemm dewmien fix-xogħlijiet?

Response (BORG, IAN)

It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġà qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali u rurali mibnijin mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Bħala toroq residenzjali fil-lokalità tas-Siġġiewi, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq Nikola Azzopardi u fix-xhur li ġejjin se jsiru Triq ta' Brandin, Triq l-Imdina, Triq Guzepp Delia u Triq it-Tiġrija. Fejn jidħlu toroq rurali saru Triq ix-Xagħra tal-Gżira u ta’ Għar Lapsi, Triq il-Vitikulturisti, triq bla isem fir-runway l-antika fl-inħawi ta’ San Niklaw, triq bla isem fl-inħawi tal-Mitħna ta’ Laroka, triq bla isem li tmiss ma’ Trejqa tal-Providenza, triq bla isem fil-limiti ta’ Wied Ħesri, triq bla isem li tmiss ma’ Triq Inżul ix-Xemx, triq bla isem li tmiss ma’ Triq San Lawrenz tal-Għolja, triq bla isem li tmiss ma’ Triq is-Siġġiewi, triq bla isem li tmiss ma’ Triq Bur ix-Xewk, triq bla isem li tmiss ma’ Triq San Niklaw, triq bla isem oħra fl-inħawi ta’ San Niklaw, triq bla isem fil-limiti tal-Buskett, triq bla isem fl-inħawi tal-Ħofra u Tal-Lenza, Triq Wied Xkora u Triq ta’ Bur ix-xewk. Fix-xhur li ġejjin se jsiru Sqaq tan-Nadur, l-aħħar parti ta’ Triq il-Fawwara (li tingħaqad ma’ Triq Bur il-Kbir), Triq ta’ Bellu u Triq ta’ Għar Lapsi. Ix-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid tat-toroq jiġu kkordinati b’konsultazzjoni mal-entitajiet u l-organizzazzjonijiet kollha konċernati sabiex jitwettqu b’mod gradwali bl-inqas inkonvenjent lir-resident u dawk kollha fl-inħawi. Din il-ħidma ta’ titjib fit-toroq tagħna se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta.

Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi – Park ta’ Lapsi — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika meta nbdew ix-xogħlijiet mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-Park ta' Lapsi u jekk dawn humiex kollha kompluti? Jista' jindika wkoll kemm huwa l-investiment li sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi f'dan il-Park?

Response (BORG, IAN)

Ix-xogħlijiet inbdew fi Frar 2019 u ġew kompluti. L-ispiża totali tal-investiment li sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tammonta għal €201,766.

Transport Malta – kirja tal-gabbani fid-daħla tal-Belt

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra li Transport Malta teżenta lill-kerrejja tal-gabbani fid-daħla tal-Belt mill-kirja għall-perjodu tal-COVID-19 hekk kif dawn kienu sfurzati jagħlqu minħabba li l-bejgħ waqaf għal kollox? Jikkunsidrax ukoll li japplika l-istess, għall-gabbani l-oħra li ffaċċjaw l-istess diffikultajiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq San Bastjan - pavimentar

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15097 li titkellem speċifikament dwar kwistjoni ta’ periklu għas-saħħa u sigurtà fit-toroq tagħna (f’dan il-każ partikolari f’San Bastjan quddiem il-bank HSBC u l-knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan), jista’ l-Ministru jgħid liema hija l-awtorità tat-toroq, jekk mhux Transport Malta, li tista’ tispezzjona jekk ix-xogħol sarx skont is-sengħa u l-arti u li tista’ titlob li jittieħdu passi biex jieqaf il-periklu immedjatament? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux infurmat li l-parti msemmija f’Triq San Bastjan speċjalment fix-xita, imma mhux biss, qed tiżloq ħafna b’periklu kemm għas-sewwieqa kif ukoll għar-residenti li jkunu mexjin fl-akkwati? X’passi ħa jieħu l-Ministru biex jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti ta’ Ħal Qormi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onoerevoli Interpellant li kuntratturi imqabbdin mil-Kunsill Lokali sabiex jesegwixxu kull tip ta’ xogħlijiet fit-toroq, iridu jkunu reġistrati ma’ Transport Malta. Apparti dan, l-istess kuntratturi, flimkien mal-Kunsill Lokali li jkun qiegħed jikkummisjona ix-xogħlijiet, għandhom jimxu mal-kodiċi tal-prattika li jinħarġu mill-Awtorita’, fosthom l-iStandard Traffic Management Plans (STMPs). Ir-rekwiżiti u miżuri dwar il-kwalita’ tax-xogħlijiet u konformita’ mal-ispeċifikazzjoni għal-xogħlijiet fit-toroq (inklużi rigward fatturi relatati ma’ anti-skid) huma miġbura taħt il-Volumi 1 sa 7 kif imsemmija fil-Ligi Sussidjarja 499.57. Spezzjonijiet dwar saħħa u sigurta’ matul ix-xogħlijiet isiru mill-uffiċjali ta’ Transport Malta, iżda ma jeskludux ir-responsabbilita’ tal-kuntratttur u l-kummisjonanta tax-xogħlijiet sabiex jinżammu l-għola livelli ta’ sigurta’ waqt ix-xogħlijiet. Wara li jitlestew it-tali xogħlijiet, il-kuntrattur flimkien mal-kummisjonanta tax-xogħlijiet huma obbligati li jippreżentaw rapport ta’ konformita’ kif mitlub mill-Awtorita’ fejn jinkludi ċertifikazzjoni ta’ konformita’ mill-perit responsabbli tal-proġett.

Trasport Malta – persuni b’diżabilità – miżuri kontra l-virus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu kontra l-virus, fi ħdan Transport Malta għal persuni b’diżabilità u vulnerabbli? Dawn il-miżuri huma skont kif miftiehma mal-union?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għat-Trasport f’Malta sejħet lura l-impjegati tagħha biex jirrapportaw lura għax-xogħol nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju 2020, skont iċ-ċirkolari OPM Circular 12/2020. L-Awtorità tara li tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-impjegati tagħha, inkluż persuni b’diżabilità, u l-familji tagħhom u fejn kien ġustifikat it-teleworking ġie estiż sal-aħħar ta’ Ġunju 2020. L-Awtorità tqis kull każ fuq bażi individwali.

Ħaż-Żabbar — Triq Mariano Gerada - traffic calming measures

Question

Billi diversi residenti li joqogħdu fi Triq Mariano Gerada Ħaż-Żabbar qed jesprimu tħassib dwar l-eċċess ta’ veloċità minn xi vetturi fit-triq tagħhom, jista’ l-Ministru jitkellem mal-awtoritajiet ikkonċernati biex isiru traffic calming measures f’din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Trasnport Malta ser tkun qiegħda ssegwi s-sitwazzjoni fit-triq msemmija f’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrasturttura u Proġetti Kapitali – impjieg ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandhiex xi impjieg jew kuntratt ta’ xi forma mal-Ministeru tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond ir-records tal-Financial Management Directorate fi ħdan il-Ministeru tat-Trasport, Infrastruttura u Progetti Kapitali u ta' kull entita’, awtorita’ jew dipartiment li jaqaw taħt ir-responsabilita tiegħi , qed nikkonferma li, mill-2013 sal-lum, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament qatt ma kellha impjieg u qatt ma ngħatat ħlas għal xi kuntratt jew xi kwalunkwe ħlas ieħor minn dan il-Ministeru.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrasturttura u Proġetti Kapitali – ħlas lil persuna

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kull ħlas li qatt sar mill-baġit tal-Ministeru tiegħu lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sal-lum? Jista’ jagħti t-total għal kull sena bir-raġun għall-ħlas?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond ir-records tal-Financial Management Directorate fi ħdan il-Ministeru tat-Trasport, Infrastruttura u Progetti Kapitali u ta’ kull entita’, awtorita’ jew dipartiment li jaqaw taħt responsabilita tiegħi , qed nikkonferma li, mill-2013 sal-lum, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament qatt ma kellha impjieg u qatt ma ngħatat ħlas għal xi kuntratt jew xi kwalunkwe ħlas ieħor minn dan il-Ministeru.

Projects Malta – financial statements

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14307, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda dettaljata tal-ispejjeż li jikkonsistu fil-line items Direct Operating Expenses (Eur 1,093,165) u Administrative Expenses (Eur 956,497)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Riġenerazzjoni tal-Menqa tal-Marsa – rendikont tal-proġett

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' fiex wasal il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Menqa tal-Marsa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-gvern qed jistudja diversi modi kif dawn il-facilitajiet li huma mitluba permess ta' Ligi Internazzjonali jkunu f’posthom filwaqt li wieħed irrid jevalwa konċessjoniet eżitenti u għaldaqstant it-taħdidiet għadhom għaddejin.

Ir-Rabat Għawdex – Triq ir-Repubblika — parkeġġi

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14178, fejn il-Ministru wieġeb li minn 68 parkeġġ li hemm fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat Għawdex, 28 minnhom huma parkeġġi riservati, jista’ l-Ministru jgħid: 1) jekk għalih li f'din it-triq prinċipali ta' Għawdex li kważi nofs il-parkeġġi huma riservati, huwiex aċċettabbli? u 2) fir-risposta tiegħu indika li hemm parkeġġ riservat għall-Ministeru. Kif jispjega li hemm parkeġġ riservat għall-Ministeru, meta l-Ministeru għal Għawdex jinsab fi Pjazza San Franġisk?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li d-29 parkeġġ riservat li hemm fi Triq ir-Repubblika ġew kollha assenjati skond l-policies ta’ Transport Malta u li dawn ilhom hemm ghal snin twal. (mil-amministrazzjoni preċedenti qabel 2013) Riċentament ġie assenjat parkeġġ riservat lil Ministeru ta’ l-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali in vista li nfetah uffiċċju ta’ l-istess Ministeru fil-viċin u mhux lil Ministeru għal Għawdex.

Il-Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – qisien tal-bike lane u tal-karreġġjati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15066 u jagħti l-qisien preċiżi aġġornati ta’ kemm se tkun wiesa’ il-bike lane u l-wiesgħa tal-karreġġjati tal-Bypass tal-Mellieħa (Triq Lewis Wettinger) wara li ftit tal-ġimgħat ilu suppost saru l-culverts fuq l-istess triq?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15154 tas-Seduta 340.

Il-Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – ċertifikazzjoni relatati ma’ culverts

Question

Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15067 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċertifikazzjoni tal-periti jew nies oħra tekniċi tax-xogħlijiet li saru fl-aħħar ġimgħa relatati ma’ culverts fil-Bypass tal-Mellieha (Triq Lewis Wettinger)?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 15154 tas-Seduta 340.

Pont tal-Mistra — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15068 u jikkonferma jew le jekk fl-aħħar jiem fuq/taħt il-Pont tal-Mistra hux qed jerġa’ jsir xi xogħol ta’ tiswija/manutenzjoni? Jekk iva, jista’ jindika x’tip ta’ xogħol qed isir u kemm ser ikun ġie jiswa dan ix-xogħol li qed isir?

Response (BORG, IAN)

Bħalissa, Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma ta’ manutenzjoni ta’ parti mit-triq rurali li twassal għall-Bajja tal-Mistra, u li kien ilha ma jsirulha tiswijiet jew xogħol ieħor ta’ titjib snin twal. Għalkemm dawn it-toroq jinsabu biswit il-pont indikat, m’ghandhom x’jaqsmu xejn miegħu. Filwaqt li Infrastructure Malta wettqet tiswijiet strutturali estensivi tal-Pont tal-Mistra u t-triq ewlenija (Triq il-Mistra) li għaddejja minn fuqu (li tgħaqqad ix-Xemxija mal-Mellieħa) fis-snin li għaddew, dawn ix-xogħlijiet ma kienux jestendu għat-triq rurali indikata. Għalhekk m’huwiex ċar eżattament għaliex l-Onorevoli Interpellant qed jimplika li x-xogħol li għaddej bħalissa huwa xi xogħol li diġa kien sar. Fil-parti mit-triq rurali li twassal għall-Mistra Infrastructure Malta qed tirranġa xi kanali antiki tal-ilma tax-xita, li għal snin twal tħallew imkissrin u imblukkati b’ħama u skart ieħor, u ser tibdel il-wiċċ e¿istenti tat-triq b’asfalt ġdid. Dawn ix-xogħlijiet huma stmati li ser jiswew madwar €140,000.