B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22861, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet f’Bighi, fil-Kalkara?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija fil-mistoqsijiet preċedenti PQ 7948, PQ 11305, PQ 12938 u PQ 22861 dwar dan is-suġġett. Dan ix-xogħol qed isir minn Infrastructure Malta permezz ta’ kuntrattur imqabbad minnhom.
Minħabba tibdil fil-pjanijiet oriġinali tas-sit u t-tisħiħ tal-ħitan u l-blat taħt il-wiċċ, id-disinji – inkluż dawk relatati mal-moll li għandu jinbena minn Infrastructure Malta – kellhom jiġu riveduti. Dan ix-xogħol qed isir b’mod parallel max-xogħol ieħor ta’ Infrastructure Malta fuq il-bqija tal-ħitan ta’ barra, li jibdew min-naħa tal-Esplora u jdawwaru sa fejn seħħ il-kollass imsemmi.
Għaldaqstant, il-fażi preliminari tal-istudji issa waslet fi tmiemha, sabiex ix-xogħol fuq il-moll ikun jista’ jibda ladarba l-iskavi fis-sit ikunu kważi lesti. Id-disinji ġew riveduti mill-ġdid biex jiġu definiti l-iskavi meħtieġa, sabiex ix-xogħol fuq il-moll ikun jista’ jibda min-naħa tal-art.
Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar minn Heritage Malta, jew mill-Ministeru fuq is-siti storiċi li jaqgħu taħt il-Ministeru fl-inħawi tal-Imġarr, matul l-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid ukoll x'kien ix-xogħol li sar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li s-siti li tamministra Heritage Malta fl-Imġarr huma Ta’ Ħaġrat u Skorba.
Ix-xogħol kollu jitwettaq internament mill-impjegati tal-aġenzija u, għaldaqstant, ma jistax jiġi kkwantifikat, peress li l-ispiża tiegħu tiġi assorbita mill-pagi tal-ħaddiema.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-investimenti f’Ta’ Ħaġrat u Skorba matul dawn l-aħħar ħames kif mgħoddija lili mill-Heritage Malta.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25362, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan għal xi tip ta' interventi mill-kunsill responsabbli sabiex il-culverts f'Ħal Millieri, limiti taż-Żurrieq ma jibqgħux jinstaddu ma’ kull ftit xita li tagħmel? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' interventi ser isiru, meta ser jibdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser ikunu lesti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq ma rċeviex ilmenti li f’Ħal Millieri hemm xi culverts miżdudin. Il-kunsill ser ikun qed jinvestiga u jara x'intervent jista' jagħmel.
Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq – Korrispondenza bejn kunsilli lokali u Infrastructure Malta
Question
Jista' l-Ministru jippreżenta l-aħħar korrispondenza mibgħuta mill-kunsilli lokali ta' Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq lil Infrastructure Malta dwar il-prijoritajiet fuq il-lista ta’ toroq fil-lokalitajiet tagħhom li jinħtieġu li jsiru mill-ġdid u r-risposta ta' Infrastructure Malta għal kull waħda mill-korrispondenzi ta' kull kunsill lokali li tindika liema ser ikunu t-toroq li ser isiru u/jew il-prijorità f'kull lokalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Infrastructure Malta diġà tat l-informazzjoni mitluba permezz tal-mistoqsijiet parlamentari 24207, 24208, 24209, 24210, 24211, 24212 u 24696.
Burmarrad — Kappella ta’ San Pawl Milqi - Xogħol ta’ restawr
Question
Jista’ l-Ministru jassigura li l-Kappella ta’ San Pawl Milqi ġewwa Burmarrad, f’San Pawl il-Baħar isir fiha x-xogħol ta’ restawr li hu meħtieġ u dan biex l-istess kappella tingħata dehra iktar nadifa u pulita minn ġewwa, kif ukoll titnaqqas il-possibbiltà li ssir ħsara fil-binja tal-kappella?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-kappella u s-sagristija ta’ San Pawl Milqi ġew irrestawrati minn barra fl-2020 u jsir xogħol ta’ manutenzjoni u tindif regolarment. Bħalissa għaddej ukoll xogħol sabiex jerġa’ jingħaqad l-artal oriġinali tal-kappella, li kien ġie żarmat mill-Missjoni Taljana minħabba l-iskavi tas-snin sittin.
Kunsill Lokali Santa Venera — Permessi ta’ No Parking
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess ta’ No Parking inħareg mill-Kunsill Lokali Santa Venera fis-sena 2024 u jaqsam tali ammonti skont it-toroq rispettivi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-kunsill joħroġ permessi għal attivitajiet li jeħtieġu permess li uħud ikunu akkumpanjati b’tabelli biex ma jsirx ipparkjar. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-permessi għal attivitajiet maħruġa mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25039, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser idum isir ix-xogħol fi Triq San Ġwann, fil-Belt Valletta u kemm ser jiġi jiswa?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Fid-dawl li ħafna persuni jużaw il-Librerija Nazzjonali tal-Belt, Valletta fejn l-uniku aċċess għaliha huwa bit-taraġ, jista’ l-Minsitru jindika f’liema xahar jew sena ser jiġi installat il-lift li ilu jissemma għal dawn l-aħħar tnax-il sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-lift tal-Bibljoteka huwa kważi lest. Huwa mistenni li fi ftit ġimgħat oħra, il-lift ser ikun jista' jintuża mill-ewwel sular tal-Bibjoteka. Dan sakemm titlesta it-tieni fażi tal-proġett fejn ser ikun hemm ukoll step-free entrance min-naħa ta' Triq it-Teatru l-Antik.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-iskannjar 3D matul l-iffilmjar tal-films Gladiator 2, Napolean u Last Voyage of Dementor f’pajjiżna? Fid-dawl li r-riproduzzjoni, wirja, trasmissjoni, xandir u sfruttament tal-immaġni tagħhom jistgħu jwasslu għall-implikazzjonijiet serji ta’ sfruttament tal-ħaddiema f’din l-industrija, jista’ jgħid ukoll:
a. x’ser jiġri mid-data taċ-ċittadini li qegħdin jiġu skennjati?
b. x’ser isir fuq il-ħaddiema minħabba dan l-iskenjar u jekk xogħolhom hux ser jiġi sfruttat?
Response (BONNICI, OWEN)
L-ebda entità li taqa' fir-responsabbilità politika tiegħi ma wettqet dak indikat mill-Onor. Interpellanta.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24073 u jispjega r-raġunijiet legali u/jew proċedurali għad-deċiżjoni li l-Kunsill Lokali tax-Xewkija waqqa’ l-każ kontra terzi persuni dwar l-allegat ħtif ta’ art pubblika fix-Xewkija Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Waqt li bħala Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali (u allura entitajiet awtonomi skont il-prinċipji tad-devoluzzjoni u s-sussidjarjeta') ma inħossx li nista' nassumi fuqi l-oneru li nispjega raġunijiet legali jew proċeduri ta' deċiżjonijiet meħuda mill-Gvernijiet Lokali, ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li l-Kunsill preċedenti ħa d-deċiżjoni li jirtira il-kawża kontra terzi persuni dwar art pubblika fix-Xewkija peress li l-art taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-Awtorità tal-Artijiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25306 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: Wara l-inċident li seħħ fuq il-Monti ta’ Ħaż-Żabbar f’Diċembru li għadda, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ infurzar ittieħdu iktar milli kien hemm sa dakinhar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u Transport Malta għaddejjin b’taħditiet biex ikunu ta’ sapport għall-kunsilli li fihom jintrama s-suq.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25309 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jikkonferma li l-bus shelter li kien hemm fi Triq Wied il-Għajn, Ħaż-Żabbar tressaq minn postu? Jista’ jgħid ukoll jekk dan tressaqx temporanjament jew le? U jekk le, x'inhi r-raġuni għalfejn tressaq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar ma ressaqx Bus shelters fi Triq Wied il-Għajn.
50 sena mill-kisba tar-Repubblika — Ċelebrazzjonijiet - Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24559 u jagħti break down, item item, tan-nefqa kollha biex kien iċċelebrat il-50 sena mill-kisba tar-Repubblika? Jista’ jgħid ukoll jekk inħarġux tenders għal dawn l-attivitajiet u jekk iva, meta u min kienu?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif diġà spjegat fit-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24119 u 25115, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali permezz ta’ Festivals Malta ħarġet Design Contest skont il-proċedura uffiċjali li għaddiet mid-Dipartiment tal-Kuntratti, b’rabta mal-avveniment nazzjonali prinċipali biex jimmarkja il-50 anniversarju minn meta Malta saret Repubblika u kwalunkwe akkwist pubbliku ieħor sar skont il-parametri tar-Regolamenti tal-Akkwist Pubbliku.
San Pawl il-Baħar — Siti amministrati minn Heritage Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-siti li huma amministrati minn Heritage Malta jew taħt il-kontroll tagħha, fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar? Għal kull wieħed minn dawn is-siti, jista’ jgħid ukoll:
i. x’investiment sar matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena;
ii. liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku;
iii. kif wieħed jista’ jidħol f’kull wieħed minn dawn is-siti; u
iv. xi ħlas irid isir għal kull sit jekk hu l-każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-uniku sit amministrat minn Heritage Malta fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar huwa s-sit ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad. Fl-2020 saret l-aħħar fażi tar-restawr tal-faċċati esterni tal-kappella. L-aħħar fażi ta’ dan l-investiment swiet madwar €2,850 f’materjal. Barra minn hekk, isir xogħol ta’ manutenzjoni regolari, li sena b’sena ammonta għal dawn l-ispejjeż f’materjal:
2020 – €622
2021 – €594
2022 – €217
2023 – €430
Dan ix-xogħol ta’ restawr u manutenzjoni jitwettaq mill-impjegati ta’ Heritage Malta, u għalhekk l-ispejjeż relatati mal-mano d'opera jiġu assorbiti mill-pagi tal-ħaddiema tal-aġenzija. L-ispejjeż indikati hawn fuq ikopru l-materjal meħtieġ għal dan ir-restawr u l-manutenzjoni.
San Pawl Milqi huwa aċċessibbli waqt open days organizzati minn Heritage Malta jew meta l-viżitaturi jibbukkjaw tour apposta b’appuntament. Il-ħlas f’każijiet bħal dawn huwa ta’ €5 għall-adulti, €3.50 għall-istudenti u l-anzjani, u €2.50 għat-tfal. Id-dħul huwa mingħajr ħlas għal dawk li għandhom il-passaport tat-tfal jew tal-anzjani ta’ Heritage Malta.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-siti li huma amministrati minn Heritage Malta jew taħt il-kontroll tagħha, fil-konfini tan-Naxxar? Għal kull wieħed minn dawn is-siti, jista’ jgħid ukoll:
i. x’investiment sar matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena;
ii. liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku;
iii. kif wieħed jista’ jidħol f’kull wieħed minn dawn is-siti; u
iv. xi ħlas irid isir għal kull sit jekk hu l-każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-uniku sit li tamministra Heritage Malta fl-inħawi tan-Naxxar huwa l-katakombi tas-Salini. Dawn jinfetħu għall-pubbliku b’appuntament.
F’każ ta’ appuntament, il-prezz tad-dħul huwa:
€5 għall-adulti
€3.50 għall-istudenti u l-anzjani
€2.50 għat-tfal
Id-dħul ikun mingħajr ħlas f’każ ta’ attività organizzata għal dawk li għandhom il-passaport tat-tfal jew tal-anzjani ta’ Heritage Malta.
Matul dawn l-aħħar ħames snin, sar xogħol regolari ta’ tindif u manutenzjoni ġenerali. Tali xogħol ma jistax jiġi kwantifikat, peress li jsir fuq bażi regolari mill-istess impjegati tal-aġenzija.
Fl-2022, inħoloq tour virtwali ta’ 360°, li eventwalment se jitella’ fuq il-website sabiex is-sit ikun aċċessibbli wkoll b’mod virtwali. Dan it-tour virtwali ġie żviluppat internament mill-impjegati tal-aġenzija stess.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex il-bandli li kienu tneħħew f’St Peter’s f’Ħaż-Żabbar, jerġgħu jitwaħħlu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar li hemm pjanijiet u qed issir ħidma biex il-proġett tal-bandli f’St. Peter’s Area jitwettaq fl-iqsar żmien possibli.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-ħidma fuq il-proġett pilota ta' underground refuse collection u metodi innovattivi kif jinġabar l-iskart? Jista’ wkoll jipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li inbeda xogħol inizjali ta’ riċerka dwar dan il-proġett pilota. S’issa ma kienx hemm nefqa fuqu.
Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jagħti tagħrif dwar il-ħidma fuq il-proġett pilota ta' underground refuse collection u metodi innovattivi kif jinġabar l-iskart? Jista’ wkoll jipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?