Legislature:
Category:
Reset
Active:

Irmiġġi għad-dgħajjes – Allokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx audit intern jew investigazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ rmiġġi matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma ġie sottomess l-ebda rapport, ilment jew informazzjoni lill-Awtorità f’Malta li kienet tiġġustifika l-ftuħ ta’ audit intern jew investigazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ rmiġġi matul ix-xhur msemmija.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Revoka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew revokati rmiġġi matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 u għal liema raġuni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Frar u Mejju tas-sena 2026 ġew revokati erbgħa u erbgħin (44) permess ta’ rmiġġ. Dawn il-permessi ġew revokati minħabba ħlasijiet pendenti li baqgħu ma tħallsux.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Allokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jirrevedi s-sistema tal-waiting lists sabiex ikun hemm aktar trasparenza u ġustizzja fl-allokazzjoni tal-irmiġġi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità, flimkien mal-Ministeru, tevalwa u tirrevedi b’mod kontinwu l-proċessi amministrattivi tagħha, bil-għan li tkompli ssaħħaħ it-trasparenza, il-konsistenza u l-effiċjenza fis-servizzi offruti.

Binġemma – Frekwenza tas-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jara li s-servizz tal-karozzi tal-linja li jgħaddi minn Binġemma, fil-limiti tar-Rabat (Malta), jiżdied għal darba kull siegħa minflok darba kull sagħtejn sabiex ir-residenti ta’ din iż-żona jkollhom aċċess aħjar għat-trasport pubbliku?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ir-Rabat, Malta – Wied il-Qlejgħa – Lampi fuq il-pont

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isiru lampi fuq il-pont li jgħaddi minn fuq Wied il-Qlejgħa, fl-inħawi ta' Koronja, ir-Rabat, Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ m’għandiex talbiet sabiex isiru tali lampi.

Transport Malta – Konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1860 u jagħti dettalji, f'tabella, ta’ konsulenzi (inklużi periti, avukati u nutara) li tqabbdu jagħtu servizz lil Transport Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż dettalji tal-valur li tħallsu individwalment?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Blue Badges – Parkeġġi riżervati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1240, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta’ applikazzjonijiet għal parkeġġi blue badge riżervati minn Ġunju 2025 sa Ġunju 2026? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-applikazzjonijiet ġew milqugħa, kemm ma ntlaqgħux u kemm għadhom pendenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bejn Ġunju 2025 u Ġunju 2026, ġew sottomessi 1,169 applikazzjoni għal parkeġġi riżervati għal persuni li għandhom il-blue badge. Kull applikazzjoni li tasal għand Transport Malta tiġi riferuta lill-Bord Mediku tal-Aġenzija Sapport għall-evalwazzjoni. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-istess Bord, matul il-perjodu msemmi Transport Malta approvat 696 applikazzjoni.

Il-Gudja – Triq Bir Miftuħ – Miżuri ta’ mmaniġġjar tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal miżuri ta' mmaniġġjar tat-traffiku biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' over-speeding u sewqan perikoluż fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fit-22 ta’ Lulju 2026, l-Awtorità rċeviet talba għall-awtorizzazzjoni ta’ sinjali tat-traffiku relatati mal-limitu tal-veloċità fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja. Din it-talba bħalissa qiegħda tiġi evalwata mill-Awtorità. Matul is-snin ġew approvati diversi miżuri ta’ mmaniġġjar tat-traffiku f’din it-triq, inklużi road humps (fl-1996 u fl-2021), kif ukoll pedestrian crossing (fl-2021).

Servizzi tal-LPTS – Permessi ta’ żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 812 u 1192 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ permessi ta’ żvilupp maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-faċilitajiet tal-iggaraxxjar għas-servizzi tal-Light Passenger Transport System (LPTS), li huwa rekwiżit għal-liċenzja tal-operatur indikati minn operaturi li għandhom minn 30 vettura ‘l fuq u jindika l-indirizz tal-faċilitajiet tal-iggaraxxjar ta’ kull operatur?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Trasport Pubbliku – Rotta 31

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rotta 31 li sservi r-rotta tal-isptar, u li kienet qiegħda tgħaddi minn Triq it-Turisti, f’San Pawl il-Baħar, fil-perjodu meta kien hemm il-pjazza ta’ Buġibba magħluqa, hix ser tkompli taqdi l-inħawi ta’ Triq it-Turisti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, wara diversi suġġerimenti, inkluż dak mill-Kunsill Lokali rispettiv, sabiex ir-rotta 31 tkompli tgħaddi minn Triq it-Turisti, Transport Malta għamlet modifika fis-servizz ta’ din ir-rotta. Ir-rotta 31, li matul il-ħinijiet l-aktar impenjattivi topera bi frekwenza ta’ erba’ vjaġġi fis-siegħa, inqasmet f’żewġ rotot distinti: 31 u 31A. Ir-rotta 31 kompliet tgħaddi minn Triq Ġulju, filwaqt li r-rotta 31A bdiet tgħaddi minn Triq it-Turisti. Kull waħda minn dawn ir-rotot topera bi frekwenza ta’ żewġ vjaġġi fis-siegħa. Dan it-tibdil daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Awwissu 2026.

Is-Swieqi – Sinjali tat-traffiku mwaqqa’ jew bil-ħsara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hijiex infurmata dwar każijiet ta’ sinjali tat-traffiku mwaqqgħa jew bil-ħsara fil-lokalità tas-Swieqi? Jista' jgħid ukoll kemm-il rapport ġie rreġistrat u f’kull każ kemm damu biex jissewwew jew jiġu sostitwiti?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika għal liema perjodu qed tirreferi.

Trasport pubbliku – Sewwieqa tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sewwieqa tal-linja neqsin skont il-pjan approvat?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol ta’ Transport Malta, bħala r-regolatur, huwa li jiżgura li Malta Public Transport, bħala l-operatur, jipprovdi s-servizz skont it-termini u l-obbligi stabbiliti fil-kuntratt ta’ konċessjoni tal-2015.

Transport Malta u Malta Public Transport – Penali mħallsa lill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu penali lill-Gvern, mill-Malta Public Transport u kemm tħallsu penali lill-Malta Public Transport fl-aħħar ħames snin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Public Transport – Użu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, bħala medja,kemm persuni jużaw is-servizzi tal-Malta Public Transport kuljum u kemm kienet din iċ-ċifra għal kull sena mill-2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-medja ta’ vjaġġi tal-passiġġieri hija kif tidher fit-tabella segwenti: Sena Medja ta’ vjaġġi tal-passiġġieri kuljum 2019 157,286 2020 92,539 2021 96,458 2022 134,856 2023 184,224 2024 207,598 2025 227,245 Jannar -Ġunju 2026 234,673

Vetturi privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux mira uffiċjali biex inaqqas in-numru ta’ vetturi privati fit-toroq u x’inhi din il-mira?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi lir-rwol tal-Gvern huwa li permezz tal-awtoritajiet kompetenti, ikompli joffri, jsaħħaħ u jinċentiva lin-nies jużaw mezzi ta’ trasport differenti u alternattivi flok jibqgħu dipendenti fuq l-użu tal-vettura privata tagħhom. Dan il-Gvern jemmen iktar fil-politika tal-inċentiv milli tal-kastig u għalhekk jippreferi juża dan l-approċċ milli jimponi taxxi diretti fuq sidien ta’ vetturi privati.

Irmiġġi u żoni marittimi – Monitoraġġ u enforcement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali responsabbli mill-monitoraġġ u enforcement relatat mal-irmiġġi u ż-żoni marittimi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan Transport Malta hemm 6 uffiċjali fil-Port Inspectorate Unit, 13-il uffiċjal fil-Maritime Enforcement Unit u 8 uffiċjali fil-Port Security Control Centre li jwettqu xogħol ta’ spezzjoni u infurzar relatat ma’ materji marittimi. Barra minn hekk, il-Yachting and Mooring Unit, li tamministra l-irmiġġi pubbliċi f’Malta, għandha żewġ uffiċjali responsabbli mill-monitoraġġ amministrattiv u operazzjonali tal-irmiġġi.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Allokazzjoni lil persuni jew kumpaniji barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni barranin jew kumpaniji barranin li għandhom allokati lilhom irmiġġi pubbliċi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Policy jew regolamenti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy jew regolamenti attwali dwar l-allokazzjoni ta’ rmiġġi pubbliċi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qafas regolatorju applikabbli għall-irmiġġi pubbliċi jinsab fir-Regolamenti dwar l-Irmiġġar ta’ Bastimenti Żgħar u Dgħajjes, Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.11.