Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur — investigazzjoni rigward ix-xandir ta’ sports

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33659 u in vista tan-numru ta' ilmenti pendenti hekk kif indikat fil-mistoqsija parlamentari 33657, jista' l-Ministru jelenka dawk is-swieq li bħalissa qed jiġu investigati u huma meqjusa bħala prijorità quddiem l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur? X'inhuma il-prattiċi fis-suq li għaldaqstant bħalissa qed jiġu investigati inkluż indikazzjoni ta' dik il-provizjoni tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li allegatament qed tiġi miksura? Kemm-il darba dawn il-każijiet huma meqjusa bħala prijorità, x'inhu bħalissa l-impatt fuq il-konsumatur bħala konsegwenza ta' dawn il-prattiċi? Meta beħsiebu l-Uffiċċju jikkonkludi dawn l-investigazzjonijiet f'dawk is-swieq li bħalissa jgawdu prijorità quddiem l-Uffiċċju?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Liġi tal-Kompetizzjoni — ksur tal-liġi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33657, fejn fost oħrajn intqal li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur għamel ħafna xogħol fuq liġijiet, jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-liġi sussidjarja elenkata iktar 'l isfel ma ġietx aġġornata u jekk humiex se jiġu aġġornati peress li uħud minnhom jew għadhom jagħmlu referenza għal strutturi li kienu jeżistu qabel ma ġie emendat l-Att dwar il-Kompetizzjoni s-sena l-oħra jew skadew jew dalwaqt jiskadu? Sa meta beħsiebu l-Uffiċċju, jekk huwa l-każ, jaġġorna din il-liġi sussidjarja rigward: a) L.S. 379.02 - Regolamenti dwar Ftehim Vertikali u Prattiċi Miftiehma (Eżenzjonijiet Ġenerali); b) L.S. 379.04 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim Orizzontali (Eżenzjonijiet Ġenerali); ċ) L.S. 379.05 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar it-Trasferiment ta' Teknoloġija (Eżenzjoni Ġenerali); d) L.S. 379.06 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar Riċerka u Żvilupp (Eżenzjoni Ġenerali); u e) L.S. 379.07 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar l-Ispeċjalizzazzjoni (Eżenzjoni Ġenerali)?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Roħs tal-mediċini

Question

Jista' l-Ministru jippubblika l-prezzijiet tal-aħħar sett ta' mediċini li roħsu f'Malta (stqarrija DOI 812) fl-Italja, Ċipru, Spanja u l-Portugall?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija numru 33749 fejn fiha kienu inagħtaw il-prezzijiet ta’ l-imsemmi mediċini fi Spanja, l-Italja u l-Portugal. Qed inpoġġi l-informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ dawn il-medicini f’Ċipru fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min wieħed issemmi li jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn il-prezzijiet tal-mediċini fil-pajjiżi msemmija jkun irħas minħabba l-kobor u volum tas-suq. Fattur li Malta minħabba ċokon tagħha ma tkunx tista tipparagwa miegħu.

regolatur fuq prodotti importati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33489 u 32492 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jeżistix xi body-regulator li jirregola kemm importatur irid u għandu d-dritt li jagħmel profitt fuq il-prodotti li jimporta? Jista' jgħid jekk humiex l-istess regolamenti li jirregolaw lil dan il-body irrelevanti minn xi jkun qed jiġi impurtati?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Street venders ħdejn id-daħla tal-Qorti — Liċenzji meħtieġa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari 33685 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġiet riferuta lilu u, flimkien mal-pulizija, jara li l-istreet vendors li jkun hemm ħdejn id-daħla tal-Qorti u ħdejn id-daħla tal-ġenb tal-Konkatidral ta' San Ġwann humiex kollha qed joperaw bil-liċenzji meħtieġa?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-infurzar jaqa' direttament taħt il-pulizija u li ninsab infurmat li regolarment jiċċekjaw jekk entitajiet u individwi jkunux liċenzjati biex jagħmlu l-attivita' kummerċjali tagħhom. Madanakollu, uffiċjali mid-Dipartiment tal-Kummerċ marru jiċċekkjaw nhar il-Ġimgħa 10 ta' Mejju u t-Tnejn 14 ta' Mejju u sabu li ħlief għal żewġ persuni, dawk li kien hemm preżenti kollha kellhom il-liċenzja ta' busker. Dawk li ma kellhomx liċenzja ġew mitluba biex jitilqu minn fuq il-post.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — kawżi fuq awtoritajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' Awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika jew jispjega t-tifsira tal-kelma “kawżi”.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — rapport ta' ħidma

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' ħidma tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur għas-snin 2009, 2010 u 2011? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pariri u sottomissjonijiet magħmula mill-kunsill dwar id-diversi materji li jirrigwardjaw il-konsumatur għas-snin imsemmija?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport tal-ħidma tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur għas-snin 2008, 2009, 2010 u 2011 u li jinkorpora fih il-pariri li ngħataw u sottomissjonijiet li saru kemm bil-miktub kif ukoll waqt laqgħat dwar materji li jirrigwardaw lill-konsumatur.

Att dwar il-Kompetizzjoni — miżuri interim u miżuri intermedji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu miżuri interim taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni u miżuri intermedji taħt l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur matul is-sena 2011 u fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2012 u f'liema swieq? Fil-każ tal-Att dwar il-Kompetizzjoni kemm-il ordni ta' waqfien u ebda tkomplija jew ordni ta' konformità inħarġu taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fis-sena 2011 u fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2012 ma nħarġu l-ebda miżuri interim u ordni ta' waqfien u ebda tkomplija jew ordni ta' konformità taħt l-Att tal-Kompetizzjoni. L-Uffiċċju Għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur ħareġ Ordni ta’ Tħaris fis-suq tat-Telekomunikazzjoni fl-2011 u Dikjarazzjoni ta’ Avviż Pubbliku fis-settur tal-Kostruzzjoni matul l-ewwel xhur ta’ din is-sena.

Ftehim bejn il-gvern u l-importaturi tal-mediċinali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li hemm bejn il-gvern u l-importaturi tal-mediċinali li bħalissa qed jirregola r-roħs fil-prezzijiet f'għadd ta' mediċinali u li jiġu ppubblikati mill-gvern minn żmien għal żmien?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — remunerazzjonijiet ta' chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32884 u jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

art meħuda mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ fejn il-gvern ħa biċċa art 15-il sena ilu, kif jidher fil-pjanta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fejn kull ma ħadu il-proprjetarji kien ta' inqas minn kwart ta' kemm kienu xtrawha huma u dawn qatt ma ġew avżati li l-art se tittieħed? Jista' l-Ministru jindirizza l-każ u jara jekk din il-familja tistax tingħata kumpens?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi s-sidien ta’ l-art li dettalji tagħha ingħataw separatament, kienu ikkontestaw il-prezz offrut mid-Dipartiment biex il-Gvern ikun jista' jakkwista l-art in kwistjoni. Il-każ tagħhom ġie ittrattat quddiem il-Bord ta’ l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet fejn is-sidien kellhom ic-ċans kollu li jressqu il-pozizzjoni tagħhom. Id-Dipartiment ma kellu l-ebda għazla ħlief li jobdi d-deċiżjoni tal-Bord u għalhekk fid -9 ta’ Ottubru 1995 ġie iffirmat kuntratt fejn l-art għaddiet għand il-Gvern u ġie mħallas il-kumpens lis-sidien, hekk kif stabbilit mill-Bord. Għalhekk il-każ kollu ġie konkluż u d-Dipartiment ma jista jħallas ebda kumpens ieħor.

MEPA — żona indikata għall-iżvilupp - art esproprijata

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm-il biċċa art ġiet esproprijata matul l-aħħar għaxar snin sabiex tinfetaħ jew titwessa xi triq fiż-żona indikata għall-iżvilupp fejn tali triq tkun skemata mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? jista' jagħti l-isem tat-triq u l-lokalità għal kull biċċa art rispettiva? Jista' jgħid kemm tħallsu flus mill-gvern sabiex inxtrat kull biċċa minn dawn l-affarijiet?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Regolatur taċ-ċilindri tal-Gass — built-in excess-flow valve

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk skont ir-regolamenti relattivi, r-regolatur taċ-ċilindri tal-gass li jistgħu jinbiegħu f'Malta għandux ikollhom inkorporat fihom built-in excess-flow valve bħala prekawzjoni? Jekk le, għaliex?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi ma jezisti ebda obbligu legali illi regolaturi tal-gas għandhom ikollhom in-built excess flow valve; dan minħabba li taħt id-direttiva Ewropeja dwar apparat ta’ pressjoni, ir-regolaturi tal-gas huma ġeneralment meqjusa bħala pressure accessories (aċċessorji ta’ pressjoni) u mhux bħala safety accessory (aċċessorju ta’ sigurtà). Għaldaqstant min jinstalla sistema tal-gas għandu jara hu jekk hemmx bżonn li jiġi inkluż aċċessorju ta’ sigurtà, bħal excess flow valve, fis-sistema tal-gass.

Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur — Każijiet reġistrati mat-Tribunal

Question

B'referenza għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 34264, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-każijiet li ġew reġistrati mat-Tribunal ġew deċiżi mit-Tribunal għas-snin 2008, 2009, 2010, 2011 u l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Għas-snin imsemmija, kemm minn dawk id-deċiżjonijiet meħuda mit-tribunal ġew onorati mill-partijiet konċernati u x'għamel dak li kien id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u illum l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur biex jara li d-deċiżjonijiet meħuda minn dan it-tribunal jiġu osservati?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — allowances mħallsa lill-Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32872 u jgħid kemm tħallsu subsistence allowances, overseas service allowance, multiple allowances, allowance for wear and tear of clothing, qualification allowances u shift allowances f'din l-aħħar sena lill-impjegati fil-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-dekasteru tiegħu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Qawra — informazzjoni dwar il-barracks

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Barracks tal-Qawra humiex proprjetà tal-Gvern Ċentrali? Jekk iva, taħt liema Ministeru, Dipartiment jew Awtorità jaqgħu? Hemm xi kuntratti jew obligazzjonijiet pendenti?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jekk qed issir referenza għal dawk il-binjiet tal-eks-servizzi Ingliżi li jinstabu ħdejn is-Salini, dawn jaqaw taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern u huma kollha mikrijin. M'hemm l-ebda każ ta’ kirja li huwa pendenti.

kuntratt bejn il-konsorzju MIDI u l-gvern

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-estratt mill-kuntratt bejn il-konsorzju MIDI u l-gvern fejn jirrigwardja l-parti li l-konsorzju MIDI jobbliga ruħu li jibni l-faċilità sportiva tal-grawnd tal-futbol u l-pitch tal-Boċċi u li dawn jgħaddu għand il-Gżira United FC u Gżira Boċċi Club rispettivament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Schedule 20 annessa mal-kuntratt bejn il-Consortium MIDI u l-gvern li bih ingħatat il-konċessjoni emfitewtika. Din is-schedule titratta l-obligazzjonijiet tal-MIDI plc fejn jirrigwardja reallokazzjonijiet ta’ proprjetà. L-attachment 20C jagħti d-dettalji ta’ football pitch u boċċi pitch u clubhouse li riedu jinbnew f’Manoel Island. Għal kemm mhux speċifikat li dawn se jiġu trasferiti lill-Gżira United FC u lill-Gżira Boċċi Club rispettivament, hija l-intenzjoni tal-gvern li dawn jiġu trasferiti liż-żewġ clubs imsemmija.

Liġi tal-Kompetizzjoni — ksur tal-liġi

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 33657, apparti dawk id-deċiżjonijiet li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra li jikkonċernaw biss deċiżjonijiet meħuda taħt ir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta' Konċentrazzjonijiet, jista' l-Ministru jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja, anke mhux kunfidenzjali, tad-deċiżjonijiet meħuda u rapporti mressqa quddiem il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust wara li jkunu ġew mressqa ilmenti dwar xi allegat ksur ta' Artikolu 5 jew Artikolu 9, jew it-tnejn, tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, li milli nifhem skont it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari riferuta aktar kmieni fil-każ ta' dak li kien id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni kienu sitt deċiżjonijiet u kien hemm żewġ rapporti li ġew eżebiti quddiem il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust filwaqt fil-każ tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur kien hemm ħames deċiżjonijiet?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta — żieda fil-press tal-ħalib

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjoni li kellha ssir minn dak li kien l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta, illum Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur, mitluba mill-gvern f'Jannar tas-sena l-oħra wara li kien żdied il-prezz tal-ħalib, ġietx konkluża? Jista' jgħid x'kienet il-konklużjoni tal-Uffiċċju dwar jekk iż-żieda fil-prezzijiet kenitx ġustifikata jew le? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali ta' din id-deċiżjoni?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.