Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31941 u 32206 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid jekk teżistix definizzjoni legali ta’ ‘homelessness’?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet ir-rata ta’ serq f'pajjiżna matul is-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll kif titqabbel ma’ snin preċedenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-informazzjoni mitluba hekk kif tidher fit-tabella hawn taħt, turi li Malta kellha l-inqas rata ta’ serq is-sena li għaddiet, liema rata hi iktar sinjifikattiva meta wieħed iħares lejn iż-żieda fl-attività ekonomika u t-turiżmu. Jekk wiehed iqabbel is-sena li ghaddiet mas-sena 2012 jara r-rata ta' serq f'pajjizna naqset bin-nofs. Ir-rata tas-sena 2025 hija wkoll anqas minn dik ta' żmien il-Covid. Dawn il-figuri jinkludi kull tip ta' rapport ta' serq u cioe' anke dawk ta' valur baxx.
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li Malta tpoġġiet ukoll mal-iktar 12-il pajjiż sigur fid-dinja fil-World Justice Project Rule of Law Index. Dan ma jfissirx li nistgħu nistrieħu fuq il-ħidma li saret, anke għaliex illum jeżistu realtajiet ġodda li rridu nindirizzaw bi strateġiji ċari fuq quddiem nett dawk ta’ prevenzjoni.
Sena
Ammont totali ta’ serq
1998
7984
1999
9096
2000
10366
2001
9694
2002
10376
2003
10870
2004
11333
2005
11238
2006
10005
2007
8982
2008
8127
2009
6859
2010
7827
2011
8547
2012
8721
2013
8495
2014
8236
2015
8691
2016
8834
2017
8272
2018
6551
2019
6626
2020
4578
2021
4458
2022
4599
2023
4715
2024
5206
2025
4405
Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi - Skrivani tal-Parole
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm skrivani tal-parole
ai termini
tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi (Kap. 516 tal-Liġijiet ta’ Malta) matul l-2025?
Il-Marsa - Triq Garibaldi - Nirien fl-iscrapyard - Spiża totali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi stmata l-ispiża totali li ġarrab il-pajjiż, b’mod partikolari f’termini ta’ riżorsi umani, riżorsi materjali bħall-ilma, kif ukoll interruzzjonijiet, biex l-awtoritajiet kompetenti setgħu jikkontrollaw u jitfu n-nirien li ħakmu scrapyard fi Triq Garibaldi, il-Marsa, nhar il-21 ta’ Novembru, 2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-ewwel stimi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili juru li din l-operazzjoni swiet madwar €166,000.
Investigazzjonijiet tal-Pulizija – mistoqsijiet lil persuni minorenni waqt li jkunu l-iskola
Question
F'każ ta' bżonn u għall-għajnuna waqt investigazzjoni tal-Pulizija, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-passi li jittieħdu mill-Pulizija biex jagħmlu mistoqsijiet lil persuna minorenni waqt il-ħinijiet tal-iskola u meta tkun l-iskola, biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-minorenni? Jista' jgħid ukoll min ikun preżenti mal-minorenni f'dawn iċ-ċirkostanzi?
Investigazzjonijiet tal-Pulizija – mistoqsijiet lil persuni minorenni
Question
F'każ ta' bżonn u waqt investigazzjoni tal-Pulizija, jista' l-Ministru jgħid, x'inhi l-proċedura addottata u x'inhuma l-passi li jittieħdu biex il-Pulizija tagħmel mistoqsijiet lill-persuna minorenni biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-minorenni? Jista' jgħid ukoll min ikun preżenti f'dawn iċ-ċirkostanzi mal-minorenni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li dan isir skont is-sezzjoni VII tal-Kodiċi Kriminali, kif trasposta mid-direttiva 2016/800 tal-Unjoni Ewropea.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33030 dwar kemm qed tiswa lill-Gvern biex tingħalaq il-Pjazza tal-Mosta, fejn ġie mwieġeb li “l-Awtorità għat-Trasport tassisti biss permezz tal-provvista ta’ uffiċjali tal-infurzar sabiex ikun jista’ jitwettaq l-għeluq tal-Pjazza tal-Mosta”, jista’ l-Ministru jgħid kemm qed tiġi tiswa l-provvista ta’ uffiċjali tal-infurzar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30742 u jgħid kemm hawn armi tan-nar li l-liċenzja tagħhom ma ġietx imġedda u għalhekk hija skaduta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-proċess ta’ tiġdid ta’ liċenzjar għas-sena l-ġdida se jibda dalwaqt, u hekk kif dan il-proċess ikun mexa sew tali informazzjoni tkun tista’ tingħata aħjar.
Skejjel - Għeluq ta’ toroq - Preżenza ta’ uffiċjali tal-infurzar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema skejjel f’Malta u Għawdex, kemm tal-Gvern, privat u anke tal-Knisja għandhom uffiċjal tal-infurzar assenjat fil-ħinijiet tal-ħruġ tat-tfal, u kemm minnhom tingħalaq it-triq?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi hemm tmenin (80) skola tal-Gvern fejn ikun hemm uffiċjali tal-Pulizija assenjati fil-ħinijiet ta’dħul u tal-ħruġ tat-tfal, li f’disgħa u sebgħin minnhom tingħalaq it-triq, waqt dawn il-ħinijiet. Il-Pulizija ma tkoprix skejjel oħra apparti dawk tal-gvern, u tiġi gwidata mit-Taqsima tas-servizzi tat-Trasport fid-Dipartiment tal-
Edukazzjoni dwar skejjel li tkopri.
Skejjel tal-Knisja - Għeluq ta’ toroq - Preżenza ta’ uffiċjali tal-infurzar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk skejjel tal-Knisja humiex intitolati għall-preżenza ta’ uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija jew xi uffiċjal tal-infurzar ieħor, sabiex ikun jista’ jgħasses l-għeluq tat-triq tal-iskola fil-ħin tal-ġbir tal-istudenti wara l-ħin tal-iskola?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal tweġiba parlamentari 33115.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk skejjel tal-Knisja humiex intitolati għall-għeluq tat-triq fil-ħin tal-ġbir tal-istudenti wara l-ħin tal-iskola? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-proċess sabiex isir tali għeluq tat-triq u liema policy tirregola dan?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Korp tal-Pulizija joffru dan is-servizz ta’ kull filgħodu u wara nofs inhar mat-tmenin skola tal-gvern madwar Malta u Għawdex. Biex tassisti bi preżenza ta’ uffiċċjali waqt dħul u ħruġ ta’ tfal minn skejjel, il-Pulizija tiġi gwidata mill-uffiċċju tas- Servizzi tat-Trasport fil-Ministeru tal-Edukazzjoni. Dan minkejja dak li jiprovdi l-artikolu 33 (1) (d) ta’ l-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap.363).
B’referenza għar-Reserve Police Constables (Musicians) ingaġġati mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari għadhom ma tħallsux għall-ħidma li saret matul ix-xahar ta’ Ottubru u Novembru 2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fil-mument qed isiru verifiki dwar il-ħlasijiet ta’ Ottubru u kif ikunu lesti jsir il-ħlas. B'differenza minn ta' qablu dan il-Gvern dejjem iħallas lil l-Pulizija ta' xogħlhom.
Iktar minn hekk infurmat li mill-1 ta’ Novembru 2025 ġiet installata sistema diġitali ta’ attendenza (Digital Attendance Device) fil-post fejn isiru l-provi tal-Banda tal-Pulizija, li tirreġistra l-attendenza. Din ser tassigura iżjed trasparenza, effiċjenza u tnaqqas ir-riskju ta’ żbalji jew nuqqasijiet relatati mas-sistema manwali preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid lill-Kamra fiex waslet l-investigazzjoni dwar inċident li seħħ fis-26 ta’ Lulju 2025 ġewwa Pembroke fejn individwu li kien qiegħed isuq mutur tilef ħajtu wara li ntlaqat minn karozza? Jista’ jgħid jekk ix-xhieda kollha kinux intervistati mill-pulizija, u jekk le, għaliex dan ma sarx? Jista’ jgħid ukoll jekk is-sewwieq tal-karozza involuta fil-ħabta għadux f’pajjiżna u x’miżuri qed jittieħdu biex jibqa’ fil-pajjiż?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u/jew ta' Inkjesti Maġisterjali huma għal kollox indipendenti mill-politiku.
To ask the Minister how many military planes have transited through Malta’s airspace and/or used our airports or have been serviced at Malta’s airports since October 2023? Were any of these military planes, and also were there any civilian planes carrying weapons/military material and destined to Israel?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ impjiegi li skont l-estimi tal-Gvern, mistennija jiġu spostati (displaced) minħabba l-introduzzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali u/jew teknoloġiji ġodda? Jista’ jgħid ukoll:
i. f’liema setturi se jseħħ dan l-impatt;
ii. x’inhi l-pjanifikazzjoni tal-Gvern biex dawn il-ħaddiema jiġu re-skilled għal impjiegi ta’ valur miżjud u
iii. f’liema settur ser jiġu re-trained?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat, u għalhekk ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant, li proprju fl-20 ta’ Novembru l-Gvern nieda dokument ta’ konsultazzjoni dwar l-aġġornament tal-istrateġija għall-intelliġenza artifiċjali. Fost il-miżuri proposti u msemmija hemm dawk marbuta mal-moniteraġġ ta’ ċaċliq anke fis-suq tax-xogħol minħabba l-intelliġenza artifiċjali. Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) qal ukoll fi studju minn tiegħu li madwar 30% tas-suq tax-xogħol f’Malta jista’ jkun hemm spostament fih.
Il-Gvern minn naħa tiegħu qed jara opportunità kbira fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali u kien għalhekk li fil-budget għas-sena d-dieħla ta inċentivi b’saħħithom biex jiżdied l-investiment fl-intelliġenza artifiċjali anke mis-settur privat. Dwar it-taħriġ u l-iskilling hemm diversi inizjattivi mifruxa, li ma jaqgħux biss taħt dan il-Ministeru.
Pajjiżna llum ma jidħolx għal din ir-realtà bil-biża’ li jista’ jintilef ix-xogħol, iżda jidħol għaliha billi jara opportunità f’oqsma fejn l-intelliġenza artifiċjali tista’ tikkumplimenta l-work force tagħna u għalhekk nkomplu t-tranżizzjoni diġitali. Dan nistgħu nagħmluh b’ottimiżmu għax illum għandna l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kellna u l-enfasi hija kif se nżidu l-kwalità fl-oqsma diversi, anke permezz tal-Envision 2050.
Ħtiġijiet ta’ Ħiliet u previżjoni tas-suq tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ ħaddiema u ħiliet meħtieġa (skills needs) kif identifikati fil-valutazzjonijiet u fl-anticipation tal-Gvern għall-2026, 2027 u 2028, u f’liema setturi qed jiġi antiċipat dan il-bżonn skont l-analiżi tal-Gvern jew tal-aġenziji tal-Gvern li huma rilevanti biex tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellanti li dawn il-skills forecasts huma aċċessibbli għall-pubbliku u jsiru fuq livell tal-Unjoni Ewropea minn CEDEFOP.
Skont l-aħħar aġġornament ta’ dan il-forecast, jidher li l-aktar okkupazzjoni li Malta se jkollha bżonn fuq għaxar snin li ġejjin hija dik tal-Personal Care Workers, segwita minn Sales Workers u Science and Engineering Professionals.
Fost is-setturi li skont il-previżjonijiet huma mistennija jesperjenzaw żieda fil-ħaddiema hemm is-settur tas-saħħa.
Huwa mbassar ukoll li kważi nofs l-opportunitajiet ta’ xogħol li huma mistennija jinħolqu f’Malta se jirrikjedu livell ta’ kwalifika medju, filwaqt li aktar minn nofs se jkollhom bżonn kwalifiki ogħla.
Dawn il-kunsiderazzjonijiet qed jgħinu biex ifasslu l-politika tal-Gvern. Fil-fatt, il-Malta Labour Migration Policy tagħti prijorità kbira lis-settur tas-saħħa, il-kura tal-anzjani, u l-persuni b’diżabilità, peress – kif ukoll juru dawn il-previżjonijiet – il-bżonn għal ħaddiema f’dawn is-setturi essenzjali huwa mistenni li jkompli jikber.
Parallela ma’ dan, ġiet ukoll maħluqa Skilled Occupation List, li tiffoka fuq okkupazzjonijiet li jirrikjedu ħiliet medji u għoljin, u li hija allinjata ma’ dawn il-previżjonijiet.
Fl-istess ħin, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet bħalissa qed iwettaq xogħol intensiv fuq Strateġija Nazzjonali tal-Ħiliet.
Peress li f'dawn l-aħħar ġranet ġie mħabbar li hemm il-ħsieb li fil-futur qarib terġa’ tibda topera u tiffunzjona l-pitkalija ġewwa x-Xewkija, u peress li s-sit biswitha huwa żgħir ħafna, jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din il-Leġiżlatura hemmx ħsieb li jinstab post ġdid u li tinbena fire station sabiex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jlaħħaq mal-ħtiġijiet preżenti u futuri tal-gżira Għawdxija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Illum id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma jintarafx minn kif kien ftit taż-żmien ilu. Ħaddiema b'kundizzjonijiet li jixraqilhom, imħarrġa kif suppost u investiment massiċċ fl-għodda, għax żmien is-second hand spiċċa. Infurmat li l-ħsieb u l-pjanijiet huma li d-Dipartiment tal-Protezzjoni ċivili jkollu stazzjon tat-tifi tan-nar modern f’Għawdex.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – Direct orders ta’ inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 matul Novembru 2025, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
B’referenza għas-sejħa li saret mal-Volunteer Reserve Force tal-Forzi Armati ta’ Malta fejn kien hemm is-sejħa għall-applikazzjonijiet bejn Novembru u Diċembru 2024, kien hemm l-għażla u l-intervista bejn Jannar u Mejju 2025 u l-kuntratti ġew iffirmati f’Lulju 2025, jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar minn Lulju 2025 sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, peress li dawn il-persuni għadhom ma ġewx infurmati b’aktar avvanzi? Jista’ jgħid ukoll meta se jissejħu biex jibdew is-servizz?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-proċess li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant issa wasal fil-fażi konklużiva tiegħu, u l-applikanti li temmew b’suċċess dan il-proċess ser ikunu imsejjħa fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'Jobsplus jew f'xi entità oħra li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jinżammux rekords uffiċjali dwar il-ħiliet, kwalifiki u okkupazzjonijiet ta’:
ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs);
ċittadini tal-Unjoni Ewropea mhux Maltin u
ċittadini Maltin?
Jekk iva, jista’ jippreżentahom f’tabella seperata b’numri u kategoriji ta’ ħiliet u okkupazzjonijiet identifikati li għandu l-Gvern?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li Jobsplus iżżomm informazzjoni dwar l-okkupazzjonijiet tal-ħaddiema skont il-Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Okkupazzjonijiet (ISCO). Din l-informazzjoni hija provduta fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.