Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — Kuntratti ta’ fiduċja

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma l-entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid ukoll min huma l-persuni li ngħataw kuntratti ta’ fiduċja u/jew li ġew impjegati f'dawn l-entitajiet, xi rwol ingħataw u x'kienet il-kwalifika li ddistingwithom biex intgħażlu għal dan l-irwol, minn wara li laħaq Ministru hu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-lista aġġornata tal-entitajiet għadha ma ġietx ippubblikata.

Rapporti ta' suwiċidju/attentat ta' suwiċidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport ta' suwiċidju/attentat ta' suwiċidju daħal fis-sena 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2023 ġew irreġistrati sebgħa u għoxrin (27) rapport ta' suwiċidju u mija u sitta u għoxrin (126) rapport ta’ attentat ta' suwiċidju, mal-Pulizija.

Paceville u San Ġiljan – Persuni taħt l-età legali li nqabdu jixorbu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ persuni taħt l-età legali li nqabdu jixorbu ġewwa Paceville u San Ġiljan minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kien hemm tnax-il każ fejn żgħażagħ taħt l-età legali nqabdu jixorbu alkoħol jew spirti ġewwa Paceville/San Ġiljan, mill-bidu ta’ Ottubru 2023.

Persuni li nqabdu jixorbu l-alkoħol fil-pubbliku minn kontenituri tal-ħġieġ

Question

Fid-dawl tal-bye-law li ma tħallix persuni jixorbu minn kontenituri tal-ħġieġ, jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni nqabdu jixorbu l-alkoħol fil-pubbliku minn kontenituri tal-ħġieġ minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2023 kien hemm 612-il persuna, filwaqt li bejn Ottubru 2023 u l-11 ta’ Jannar 2024 kien hemm mija u sebgħa u għoxrin (127) persuna li nqabdu jixorbu l-alkoħol fil-pubbliku f’postijiet fejn ma kienx permissibbli jew kellhom fil-pussess tagħhom alkoħol f’kontenituri li ma kinux issiġġillati, inkluż f’kontenituri tal-ħġieġ.

Il-Belt Valletta u Paceville – Tipjip tal-kannabis fil-pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni nqabdu jpejpu l-kannabis fil-pubbliku ġewwa l-Belt Valletta u ġewwa Paceville minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi minn Ottubru 2023 sad-9 ta’Jannar 2024 inqabdu tliet (3) persuni jpejpu l-kannabis fil-pubbliku ġewwa l-Belt Valletta.

Paceville — Skwadra speċjali tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Pulizija ser tagħmel l-iskwadra speċjali għal Paceville kif kien imwiegħed diversi drabi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kontra għal dak li kien jiġri qabel l-2013, dan il-Gvern huwa kommess li jimplimenta l-wegħdiet tal-manifest elettorali tiegħu. Il-Korp tal-Pulizija fl-aħħar snin alloka iżjed riżorsi u kif ukoll qed jopera b’modus operandi differenti msejjaħ ‘intelligence-led policing’ fiż-żoni l-aktar iffrekwentati bħalma hu Paceville. Fil-fatt skont l-aħħar rapport ippubblikat, kien hemm tnaqqis sinifikanti ta’ kriminalità marbuta ma’ ġrieħi f’San Ġiljan. Fil-fatt ir-rata kienet l-anqas f’25 sena (teskludi s-snin tal-pandemija – 2020 u 2021). Investiment importanti li ser ikun qed isaħħaħ is-sigurtà f’dawn iż-żoni u kif ukoll jgħin lill-Korp tal-Pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom hu dak imħabbar fil-baġit għal din is-sena, hekk kif il-LESA se tkun qed tinvesti fi proġetti teknoloġiċi, inkluż kameras tas-sigurtà mqabbdin mal-kamra tal-kontroll tal-LESA u l-Pulizija, sabiex iservu bħala detterent u kif ukoll permezz tagħhom tkun tista’ tittieħed azzjoni kontra kull tip ta’ kriminalità. Dan ser ikun l-ewwel pass lejn skwadra speċjaliżżata ta' Paceville, li topera b'informazzjoni u intelliġenza kontinwa.

Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi – Ħlas għas-servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti jew persuni ingaġġati b'kuntratt ta' servizz (contract of service) mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u f'kull każ jgħid x'inhu l-ħlas tagħhom u s-servizz li jipprovdu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tat kuntratt ta’ servizz lil dawn il-persuni / kumpaniji, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Inċident

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li għal ħabta ta' nofs l-2022, Spettur fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ta daqqa fiżika lis-Surġent Maġġur? Jista' jgħid ukoll jekk kinux ittieħdu passi dwar dan l-inċident? Jekk le, jista' jgħid jekk huwiex ser jittieħdu xi forma ta' passi jew azzjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11797.

Uffiċjali Korrettivi — Passi dixxiplinarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittieħdu passi dixxiplinarji fuq uffiċjali korrettivi, minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u f'kull każ jgħid x'kien il-ksur u x'azzjoni dixxiplinari ttieħdet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha qed titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari ttieħdu 39 pass ta’ dixxiplina. Dawn ivarjaw minn uffiċjali li ma jsegwux ordnijiet li jingħataw, parteċipazzjoni bl-uniformi ta’ affarijiet li jmorru kontra l-proċeduri stabiliti, u proċeduri legali.

Uffiċjali Korrettivi — Testijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittieħdu testijiet tal-awrina fuq uffiċjali korrettivi, minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm kien hemm testijiet li rriżultaw fil-pożittiv u f'kull każ x'azzjoni ttieħdet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tieħu bis-serjetà kwalunkwe abbuż ta' droga mhux biss minn dawk li nkunu qed jiskontaw sentenza iżda wkoll il-ħaddiema, fejn isiru testijiet kontinwi kontra l-abbuż ta' droga. Infurmat li minn Jannar 2022 saru 382 test fuq uffiċjali korrettivi fejn żewġ każijiet biss instabu pożittivi. Il-persuni involuti m'għadhomx impjegati tal-Aġenzija.

Uffiċjali Korrettivi — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tkeċċew uffiċjali korrettivi u kemm irriżenjaw uffiċjali korrettivi minn Jannar 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li riżenji kien hemm 5 persuni fis-sena 2020, 7 persuni fis-sena 2021, 11 -il persuna fis-sena 2022, u 8 persuni fis-sena 2023, filwaqt li fl-istess perjodu tkeċċa uffiċjal wieħed.

Pulizija — Proċedura dwar każijiet ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-proċedura stabbilita ta’ kif l-għases għandhom jittrattaw każijiet ta’ vjolenza domestika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferik għal-istqarrija maħruġa mill-Korp tal-Pulizija nhar id-9 ta’ Mejju 2023 li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin – Kuntrattur li jforni l-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li qed iforni l-ikel fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża għal dan is-servizz matul l-2023, maqsuma xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-kuntrattur huwa James Caterers Ltd. u matul is-sena 2023 dan is-servizz sewa 1,630,017.91.

Stone Marker – Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-passi tal-Pulizija fil-konfront tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll fejn instab li kellu fil-pussess tiegħu stone marker?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob l-Onor. Iterpellant biex jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12639.

Għassa ta’ San Ġwann — Ftuħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12589 jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiftaħ l-għassa tal-pulizija ġewwa San Ġwann issa li r-refurbishment huwa lest?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li xogħol ta’ rinnovazzjoni u manutenzjoni fl-għassa ta’ San Ġwann għadu għaddej.

Il-Gudja — Ġnien iż-Żgħażagħ - Sorveljanza

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir aktar sorveljanza ta' Ġnien iż-Żgħażagħ, il-Gudja, peress li dan il-ġnien jinsab fid-dlam u ta' spiss qed jinstabu numru ta' siringi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi sorveljanza mill-Pulizija fi Ġnien iż-Żgħażagħ il-Gudja diġa ssir, madankollu ser jittieħdu miżuri biex din tiżdied.

Agenzija għas-Servizzi Korrettivi — Organigramma tal-istruttura tat-tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi organigramma li juri kif inhi mqassma l-istruttura tat-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u jgħid x'inhuma l-iskali f'kull livell?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi għaddej il-proċess sabiex l-organigramma tiġi approvata.

Vjolenza Domestika – Każijiet irrappurtati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ vjolenza domestika fis-snin 2020, 2021 u 2022 rispettivament? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew imwaqqa’?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi d-data ta’ każi relatati ma’ vjolenza domestika ġew ċentralizzati f’Ottubru 2020 u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru, miġbura mill-Gender Based & Domestic Violence Unit “GBDVU” u l-Pulizija fid-Distrett Għawdex, tkopri l-perjodu mis-sena 2021 sal-aħħar ta’ Novembru ta’ din is-sena. F’dan il-perjodu n-numru ta’ każijiet irrappurtati kien kif jidher fit-tabella hawn taħt. Infurmat illi minħabba li skont il-provedimenti tal-artikolu 543(e) tal-Kodiċi Kriminali, Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, vittma allegata ta’ reat li jinvolvi vjolenza domestika titlob lill-qorti li twaqqaf il-proċeduri kontra l-awtur allegat, ikun aħjar illi l-informazzjoni mitluba dwar każi li ġew imwaqqa’, tintalab mill-Ministeru kkonċernat.