B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 37479, fejn qed jingħad li l-MITA se tippubblika hi d-direttorju tas-servizzi tat-telefon, jista'l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif l-istess MITA se tiffinanzja l-pubblikazzjoni tad-diretorju?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li deċiżjoni bħal din tittieħed wara li ssir konsultazzjoni mall-Ministeru tal-Finanz,i meta jintemm l-eżerċizzju preżenti biex tiġi determinata l-metodoloġija tal-ġbir tal-informazzjoni u l-istejjem tal-ispejjeż tal-produzzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36904 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36319, jista' l-Ministru jara li d-dipartiment li ta r-risposta jivverifika l-informazzjoni li ngħatat f'dik ir-risposta la darba fir-realtà ta' ċirkostanzi li dwarhom saret il-mistoqsija, wieħed jista' jara li fit-triq imsemmija ma baqa' l-ebda biċċa art li għad trid tiġi żviluppata? Jista' jara li r-risposta tal-mistoqsija tiġi aġġornata? Fil-każ attwali fejn l-art fit-triq imsemmija hija kollha żviluppata, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li ssir sabiex t-triq imsemmija tinfetaħ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36919 u cioè:Ġaladarba l-klinka tal-gvern tal-Mosta ġiet magħluqa sabiex ikun mibnija mill-ġdid u issa dawk li kienu jinqdew minn din il-klinika sar ikun meħtieġ li jinqdew mill-klinika ta' Birkirkara, jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li r-rotta 31 temenda r-rotta tagħha sabiex ikun jista' jsir dak li kien isir b'rotta preċedneti 58 li kienet iddur mar-roundabout ta' fejn hemm it-triq biex tieħu għall-klinika ta' Birkirkara? Jaf il-Ministru li biex persuni jkunu jridu jinqdew mill-klinika ta' Birkirkara, ikollhom jaqsmu triq li hija arterja prinċipali li tista' tkun ta' periklu għal dawk li jkunu jridu jaqmsu din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li preżentament, dawk il-passiġġieri li jagħmlu użu mir-rotta 31 jistgħu jieqfu l-Isptar Mater Dei u minn hemm jirkbu mar-rotta 106 li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta u li twaqqaf lill-passiġġieri eżatt ħdejn il-klinika ta’ Birkirkara.
Infurmat ukoll li r-Rotta 106 tgħaddi wkoll minn Triq in-Naxxar ġewwa Birkirkara u għaldaqstant persuna li trid tattendi l-klinika ta’ Birkirkara u tkun gejja ma’ xi rotta oħra li tgħaddi minn din it-triq, tista tieqaf fi Triq in-Naxxar u tirkeb ir-Rotta 106.
Sewwieqa tal-Arriva — xuffiera li ġew agrediti, insultati, mhedda u msawta
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti intavolati minn sewwieqa tal-Arriva fejn irrappurtaw każijiet fejn huma ġew agrediti, insultati, mhedda u anke msawta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Transport Malta — servizz tal-Arriva - rotta li tidħol f'Popeye's Village
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-Transport Malta li fost it-rotot ta' Malta permezz tal-Arriva, tiddaħħal Popeye's Village bħala post minn fejn tgħaddi l-Arriva, speċjalment meta dan il-post huwa destinazzjoni turistika?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Bormla — knisja ta' San Ġwann t'Għuxa - upgrading tal-inħawi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li quddiem il-knisja ta' San Ġwann t'Għuxa, Bormla eżatt ħdejn il-garaxxijiet li jiġu qrib is-sur tiġi rranġata t-triq u ikun hemm upgrading ta' dawk l-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Peress li jirriżulta ċar li s-sevizz tal-Arriva għal Ħal Kirkop permezz tar-rotta 71 mhuwiex ikopri il-bżonnijiet ta' dan ir-raħal, jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li r-rotta 73 li titlaq minn Nigret, iż-Żurrieq minflok tgħaddi minn barra r-raħal (triq l-Industrija) tgħaddi minn Triq ir-Ramlija, sabiex tiġbor il-ħafna nies li qed jibqgħu l-art? Jista' jara li r-rotta 72 li titlaq mill-Qrendi tgħaddi minn Triq ir-Ramlija ukoll, minflok minn triq l-Industrija? Jista' jara li din tissolva immedjatament peress li aktar ma tidhol ix-xitwa aktar il-problema qed taggrava għax triq l-Industrija hija wisq il-boghod miċ-Ċentru tar-Raħal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Transport Malta — Traffic Impact Assessment fuq Kappara Junction
Question
ista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36952 u 36758 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji kollha ambjentali u dawk ħolistiċi fuq traffic impact assessments li saru jew ġew ikkumissjonati minn Transport Malta qabel għamlet l-għażliet rakkmandati tagħha dwar l-iżviluppi proposti dwar Kappara Junction? Meta saru dawn l-istudji? Minn min saru, u meta ġew ikkummissjonati? Id-deċiżjonijiet ta' Transport Malta dwar din l-issue, fuq liema livell ittieħdu u jekk qabel sar dan kienx hemm konsultazzjoni ma Ministeri u entitajiet governattivi oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-istudji li saru rigward dan il-proġett huma aċċessibbli mill-website tal-Malta Environment and Planning Authority (MEPA) u dawn jinkludu diversi studji ambjentali hekk kif speċifikati mill-MEPA stess u studji ta’ Cost Benefit Analysis li jinkorporaw fihom traffic modelling tat-tip ta’ junctions proposti. Minbarra dawn l-istudji, ġew ikkummissjonati wkoll Health and Safety Plan, Geotechnical Investigation, Acoustic Studies li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra permezz ta’ CD. Ġie kkummissjonat ukoll studju dwar performance specifications ta’ strutturi iżda dan għadu mhux finalizzat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll, lista ta’ l-istudji li għadni kif irreferejt għalihom flimkien mad-dettalji dwar meta saru, minn min u meta ġew ikkummissjonati. Dwar kif ittieħdu d-deċiżjonijiet u l-konsultazzjoni li saret, jien infurmat li kien hemm diversi diskussjonijiet dwar dan il-proġett fil-livelli tas-Senior Management ta’ Transport Malta tul l-andament tal-istudji u anke wara. Tul dawn id-diskussjonijiet saru konsultazzjonijiet ma’ diversi residenti tal-inħawi, rappreżentanti ta’ Kunsilli Lokali, il-MEPA, kumpaniji ta’ servizzi bħal GO, Melita, Enemalta, Water Services Corporation, Planning and Priorities Coordination Department, Superintendence of Cultural Heritage u l-MRRA. Minbarra hekk, saret ukoll konsultazzjoni pubblika li għaliha attendew diversi residenti tal-inħawi. F’din il-laqgħa kienu spjegati l-alternattivi li qed jiġu kkunsidrati mal-MEPA biex l-istess MEPA tieħu deċiżjoni dwar dan il-Proġett. Kien ġie diskuss illi ż-żewġ alternattivi huma proġetti tajbin li jtaffu il-konġestjoni fl-inħawi u waħda minnhom kellha potenzjal li timpatta inqas fuq il-flow tat-traffiku waqt il-kostruzzjoni. Bħalissa qed isiru wkoll preparamenti għal studji oħrajn biex ikompli l-proċess ħalli tinstab soluzzjoni li ttaffi l-konġestjoni f’din il-junction bl-inqas impatt fuq l-ambjent tal-madwar u biex ikunu kkunsidrati s-sottomissjonijiet li Transport Malta rċeviet bħalha parti mill-konsultazzjoni msemmija.
San Pawl il-Baħar u Mellieħa — Titjir ta' ajruplani
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ħadd 14 t'Ottubru għal ħabta tat-7:45 kien hemm tliet ajruplani jittajru f'altezza għoja waqt li jħallu trail ta' exhaust qawwija warajhom b'linja twila li jibqa' għal ħin twil fl-arja li dehru fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar u Mellieħa kif ukoll kien hemm episodju ieħor fl-10:00am u fil-11:30am? Jista' jagħti idenfikazzjoni ta' dawn l-ajruplani u ta' liema għamla huma li qed jittajru fl-ispazju tal-arja ta' Malta u jekk dan it-trail tal-exhaust huwiex ta' detriment għat-tniġġis tal-arja u jekk hux qed isir xi moniteraġġ tagħhom mill-avjazzjoni ċivili?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ajruplani li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kienu ajruplani tal-passiġġieri li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru ta' Malta u l-linja li jħallu warajhom hija riżultat tad-differenza fit-temperatura meta l-gassijiet mill-makni tal-ajruplani joħorġu fl-atmosfera kiesħa u jifforma linja li jidher qisu sħab. Dan huwa magħmul minn ilma u mhuwiex ta' detriment għat-tniggiż tal-arja.
Belt Valletta — Pavimentar - miżuri biex ma jitebbax biż-żejt
Question
Jista' l-Ministru jara x'miżuri jistgħu jittieħdu biex il-pavimentar ġdid li qiegħed isir fil-Belt ma jibqax jiġi mtebba' biż-żejt tal-vetturi li jgħaddi minn fuqu?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha Transport Malta mingħajr Administration Department liema dipartiment huwa integrat fid-Direttorat tal-Corporate Services?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-rwol tal-Administration Department kien integrat fid-Direttorat tal-Corporate Services tal-Awtorita’ mat-twaqqif tagħha fl-2010.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36548, ġaladarba l-informazzjoni tinżamm mal-istatistika ta' xogħlijiet oħra, jista' l-Ministru jipprovdi din l-istatistika flimkien mal-lista tal-kuntrattur/i u jindika dawk il-postijiet ta' fejn ġie stallat ix-xogħol imsemmi? Jista' jgħid jekk kienx hemm direct order fuq dawn ix-xogħlijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ġbir ta' informazzjoni sabiex titwieġeb din il-mistoqsija jirrikjedi ammont sproporzjonat ta' ħin u riżorsi u sakemm l-Onor. Interpellant ma' jispjegax ir-raġuni għaliex għandu bżonn din l-informazzjoni, ma' jidhirlix li jkun utli li naħlu riżorsi finanzjarji u umani biex dan isir.
Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex anzjani li soltu jagħmlu użu miċ-ċentru tas-saħħa fil-Mosta u li issa dawn is-servizzi imxew għaċ-ċentru tas-saħħa ta' Birkirkara bid-differenza li issa dawn l-anzjani li jaqbdu l-karozza tal-linja biex jagħmlu dan ikollhom jinżlu fil-bypass ta' Birkirkara jaqsmu l-bypass u jinżlu niżla? Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex Transport Malta tbiddel temporanjament ir-rotta tagħha u jkun hemm karozza tal-linja li tgħaddi apposta minn ħdejn il-klinika tas-saħħa ta' Birkirkara ħalli dawn l-anzjani u persuni bi problemi ta' mobiltà jkunu jistgħu jagħmlu użu minnha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibilità hemm li l-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li għandu reserved parking bay ikollu n-numru tal-karozza tiegħu mmarkat mal-art?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol marbut ma' Triq is-Simar f'San Pawl il-Baħar?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 36028 u 37042, ninsab infurmat li sabiex tipprova ittaffi l-inkonvenjent f’din it-triq, Transport Malta ħarġet sejħa għall-offerti għall-engineering consultancy biex isir studju fuq il-materjal li jinstab f’din it-triq. Din is-sejħa bħalissa qegħdha tiġi evalwata. Se jsiru wkoll jersey barriers f’parti ta’ din it-triq sabiex jitneħħa l-periklu li hemm.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36854 u jgħid kemm u f'liema karigi ġew ingaġġati nies ma' Transport Malta xahar b'xahar mill-bidu tas-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36723 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal reserved parking minn persuni d'diżabilità, skont it-tip ta' diżabilità f'dawn l-aħħar sentejn, kemm minnhom ġew milqugħa, kemm minnhom ġew appellati u kemm minnhom ġew milqugħa wara li sar l-appell?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li, minn riċerka li saret fl-arkivji ta' Transport Malta, irriżulta li f'dawn l-aħħar sentejn l-Awtorita' rċeviet 1,827 applikazzjoni għal Parkeġġ Riżervat għal Persuni b'Diżabbilta' fejn 325 ġew approvati għal sena li tiġġedded, 6 ġew approvati għall-erba’ xhur tas-sajf, waħda ġiet approvata għal tlett xhur, tnejn ġew approvati għal sitt xhur u 52 ġew approvati għal metru u nofs (1.5m) KEEP CLEAR. Kien hemm 117-il applikazzjoni ta' appell fejn 17-il każ minnhom ġew approvati fl-appell mir-Review Panel. Hemm 38 applikazzjoni li għadhom iridu jiġu eżaminati mill-Bord għal Parkeġġ Riżervat għal Persuni b'Diżabbilta'. L-Awtorita' ma żżommx statistika li tirrigwarda t-tip ta' diżabbilta'.