Aġenzija Appoġġ — assistenza minħabba abbuż fuq it-tfal
Question
Billi skont l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali hemm 138 tifel u tifla li għadhom jistennew assistenza mill-Aġenzija Appoġġ minħabba l-allegati abbużi fuqhom, jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom dawn it-tfal jistennew biex jingħataw din l-assistenza?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tkun qed tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11625 bid-data tal-21 ta’ Ottubru, 2019, jista’ l-Ministru jindika meta se jibda x-xogħol bżonnjuż ħafna tal-Proġett Vajrita speċjalment meta hemm lista twila ta’ stennija ta’ 291 persuna li jixtiequ s-servizz tad-Djar Residenzjali u aktar minn 159 persuna li jixtiequ jagħmlu użu mis-Servizzi ta ’ Matul il-Jum?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tkun qed tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn tfal fostered mill-2015 sal-lum u kemm minnhom kienu tfal barranin?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interperlant li, t-tagħrif mitlub minnu jinstab fil-tabella t’hawn taħt.
Sena
Ammont ta’ tfal
fostered
fi placements ġodda kull sena
Ammont totali ta’ tfal
fostered
kull sena
Ammont ta’ tfal barranin li gew
fostered
kull sena
2015
16
216
0
2016
7
211
4
2017
26
234
2
2018
50
244
4
2019
39
251
5
Jan-Apr 2020
7
254
0
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Direct Orders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12950 u 12600 u jgħid kemm-il direct order ingħatat kull sena matul l-2017, 2018 u 2019 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 13753.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — teleworking
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal teleworking minn ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u fi ħdan l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu min-nhar l-20 ta' Frar 2020 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jindika l-grad u l-kariga li jokkupa kull wieħed mill-imsemmija ħaddiema? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, Direttiva 13 tisħaq li, f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ COVID-19, xogħol li jista’ jsir b’mod remot isir b’dan il-mod. Din mhix kwistjoni ta’ talbiet formali, imma ta’ arranġament biex titrażżan l-imxija msemmija.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14056 u ċjoe: In vista tal-aħbar sabiħa li vittmi ta’ vjolenza domestika se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna legali, jista’ l-Ministru jispjega jekk saritx konsultazzjoni mal-Aġenzija jew mal-avukati tal-għajnuna legali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, kellha diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza, dwar din l-inizjattiva ġdida li qed jistaqsi dwarha l-Onor. Interpellant.
Nista’ nikkonferma wkoll li l-modalitajiet ta’ kif qed jitħaddem dan is-servizz ġdid (li jien infurmat mhux se jkun limitat biss għall-perjodu tal-pandemija) ġew miftehma bejn id-Direttur tal-Aġenzija Appoġġ u s-Senior Manager tas-Servizz tal-Għajnuna Legali.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, s'issa għadha ma waslitlux iż-żieda fil-pensjoni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellent li, l-pensjoni tal-individwu msemmi fil-fatt kienet ġiet riveduta u bis-saħħa ta’ hekk għandu jirċievi pensjoni b’rata miżjuda u bl-arretrati dovuta mal-pagament tal-pensjoni li jmissu jirċievi fis-16 ta’ Mejju li ġej.
Dar tal-Anzjani — ħaddiema li ma setgħux jaħdmu mid-dar - għajnuna finanzjarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex persuni li jaħdmu mal-Gvern f'Dar tal-Anzjani, meta kellhom jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb lill-uliedhom, u għax ħadu l-unpaid leave issa spiċċaw bla għajnuna biex jieħdu l-wage suppliment u peress li dawn il-persuni talbu l-għajnuna iżda ħadd ma offra soluzzjoni, jista' l-Ministru jara kif dawn il-ħaddiema li mix-xogħol tagħhom ma setgħux jagħmluh mid-dar u għalhekk spiċċaw jaħdmu mid-dar bħala ommijiet ma uliedhom u ma għandhom l-ebda għajnuna finanzjarja? Jista' jieħu l-passi neċessarji sabiex inaqqas din l-inġustizzja u jgħid kif se tinsta soluzzjoni għal din il-problema ta' dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija se tkun qed tingħata waqt seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jirċievu s-servizz tal-Home Help? Kemm hemm anzjani li għadhom jistennew biex jirċievu dan is-servizz? Hemm xi postijiet vakanti sabiex persuni jkunu jistgħu japplikaw biex jagħmlu dan is-servizz tant importanti għall-anzjani?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ anzjani li qed jibbenefikaw mis-servizz tal-Home Help huwa ta’ 3945. In-numru ta’ anzjani li għadhom qed jistennew biex jirċievu dan is-servizz huwa ta’ 158.
Minħabba is-sitwazzjoni tal-Covid-19 is-servizz tal-Home Help temporanjament jinsab wieqaf, iżda minflok qed jiġi pprovdut servizz ta’ emerġenza, xiri u ġbir ta’ mediċini lil klijenti kollha tal-Home Help, inklużi dawk li qed jistennew is-servizz. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, permezz tal-
Helpline
qed jinqdew ukoll anzjani li mhumiex klijenti tas-Servizz tal-Home Help.
Is-servizz tal-Home Help jingħata permezz ta’ ħaddiema ngaġġati mill-kuntrattur b’hekk l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandiex postijiet vakanti maħruġa direttament f’isimha biex jingħata dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il telefonata saret fuq il-1772 mit-twaqqif tagħha?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-total ta’ sejħiet fuq il-linja 1772 minn meta ħabbarna li twaqqaf dan il-helpline, fis-27 ta’ Marzu 2020, sa nhar it-Tlieta, 5 ta’ Mejju, 2020 kien ta’ 2,472 telefonata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm anzjani hemm fuq il-waiting list jistennew biex jidħlu fi djar tal-anzjani tal-gvern jew li jużaw sodod mixtrija mill-Gvern f'residenzi privati?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ anzjani fuq il-waiting list jistennew biex jdħlu fi djar tal-anzjani jew li jużaw sodod mixtrija mill-Gvern f’residenzi privati jammonta għal 2197.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni li rċevew il-Benefiċċju għal Diżabilità Severa sal-aħħar tas-sena 2019 u kemm tħallsu komplessivament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ammont ta’ persuni li kienu jirċievu l-benefiċċju msejjaħ Assistenza għal Diżabiltà Severa (SDA) fl-aħħar tas-sena 2019 kien ta’ 3132. Matul is-sena 2019, l-ispiża fuq il-benefiċċju SDA kienet ta’ €17,205,226.55
B’referenza għas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ġimgħa, 27 ta’ Marzu 2020 (Nru 17: Rikors nru 69/17 LSO) fejn l-Istat instab ħati li naqas milli jipproteġi vittma ta’ vjolenza domestika (u lil uliedha) u fejn ħareġ ċar li fis-sistema hemm nuqqasijiet lampanti fil-proċeduri tal-pulizija fejn tidħol il-vjolenza domestika u fejn il-Qorti Kostituzzjonali qablet mas-sentenza tal-ewwel Qorti għaliex il-provi wrew li l-vittma “sofriet trawmi psikoloġiċi ta’ ċertu severità, mhux biss minħabba l-aġir ta’ żewġha, imma wkoll minħabba l-fatt li żewġha baqa’ jaġixxi b’impunità minkejja l-ordnijiet maħruġa kontrih”, u li n-nuqqasijiet tal-pulizija “... kumulattivament jammontaw għall-ksur tal-obbligazzjonijiet pożittivi tal-Istat li jassigura r-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tar-rikorrenti”, jista’ l-Ministru jgħid, x’passi se jkun qed jieħu l-Gvern sabiex konkretament jipproteġi (kif għandu l-obbligu li jagħmel) vittmi ta’ Vjolenza Domestika? X’emendi leġiżlattivi se jkun qed jieħu l-Gvern biex jassigura li nuqqasijiet bħal dawn min-naħa tal-Istat jieqfu immedjatament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċenat.
Dan billi s-sentenza tal-Qorti li qed tirrefri għaliha l-Onor Interpellanta hija indirizzata lill-Pulizija.
COVID-19 – għajnuna lil vittmi ta’ vjolenza domestika
Question
Għalkemm ir-residenti kollha ta’ Malta u Għawdex għandhom id-dmir li josservaw id-direttivi maħruġa mill-Gvern u mill-awtoritajiet rilevanti fl-interess tas-saħħa pubblika speċjalment dawk maħruġa biex jevitaw it-trasmissjoni tal-virus COVID-19, però, għal ħafna nies li huma vittmi tal-vjolenza domestika, li l-maġġorparti tagħhom huma nisa u tfal, miżuri ta’ kwarantina jew iżolament qed ipoġġuhom f’riskju akbar mis-soltu tant illi dawn qed jispiċċaw priġunieri f’darhom stess, għaldaqstant, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti hux qiegħed jikkunsidra li s-servizzi nazzjonali u dawk tal-Għaqdiet mhux Governattivi li joffru assistenza lil nies f’din is-sitwazzjoni jqishom bħala ‘servizzi essenzjali’ sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jsibu l-għajnuna meħtieġa? Xi pjanijiet għandu l-Gvern biex jipprovdi residenzi alternattivi fil-każ li ċerti individwi ma jkomplux jgħixu fir-residenzi legali tagħhom f’dan il-perjodu għar-raġunijiet imsemmija?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghall-Avviżi Legali Nru. 149 tal-2020 fejn, bis-saħħa tal-Att dwar l-Istandards tal-Ħarsien Soċjali (SOCIAL CARE STANDARDS AUTHORITY ACT (CAP. 582) - Continuation of Essential Social Welfare Services in Exceptional Circumstances Regulations, 2020, liema avviż legali ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern Nru 20,391 tal-21 ta’ April li għadda, is-servizzi residenzjali li joffru kenn għall-vittmi ta’ vjolenza domestika ġew ikklasifikati bħala servizzi essenzjali.
Lil hinn minn hekk, ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, sa fejn jirrigwarda s-servizzi tal- Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, il-management ħa ħsieb li jassigura li dawn is-servizz jibqgħu jingħataw waqt li jkunu mħarsa s-saħħa u sigurtà kemm tal-impjegati u kemm tal-vittmi, kif fil-fatt qed isir. Bl-istess mod il-management tal- Fondazzjoni (FSWS), diġa’ ħa ħsieb li jkun hemm aktar provvista ta’ postijiet jekk tinqala’ l-ħtieġa, għal vittmi tal-vjolenza domestika.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12950 u 12600, u jgħid kemm-il direct order ingħatat kull sena matul l-2017, 2018 u 2019 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-informazzjoni mitluba minnha tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kif qed jinħadem u jiġi kkalkulat il-benefiċċju msejjaħ “Diżabilità Severa” u ċjoè jekk u x’mezzi qegħdin jittieħdu inkonsiderazzjoni billi jidher li numru ta’ benefiċjarji qed jirċievu ammonti li ma jippermettilhomx li jgħixu b’dinjità iktar u iktar minħabba l-fatt li ma jistgħux jaħdmu xejn?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, saret riforma fejn jidħlu benefiċċji tad-Di\abilita’ fejn minflok benefiċċju wieħed, issa sar hemm 3 benefiċċji maqsuma kif ġej:
· Assistenza Miżjuda għal–Diżabilita’ Severa (ISDA) – benefiċċju li beda jingħata fl-2017. Din tingħata lil persuni illi jikkwalifikaw għal Assistenza għal Diżabilita’ Severa kif stipulat fil-liġi tas-Sigurta’ Soċjali imma li assolutament ma jistgħux jaħdmu skont kriterji stabbiliti ukoll fl-istess liġi. Din l-Assistenza m’hijiex
means tested
u titħallas bl-ammont ta’ Paga Minima Nazzjonali netta;
· Assistenza għal Diżabilta’ Severa (SDA) – liema benefiċċju kien aħjar mgħaruf bħala Handicapped Pension, qabel l-2017 flimkien mal-Assistenza għal dawk nieqsa mid-Dawl (BLD) li qabel l-2017 kienet tissejjaħ Blind Pension. Persuna li tirċievi dawn l-Assistenzi tista taħdem mingħajr ma jitnaqqsilha xejn mill-benefiċċju; liema dħul ma jiġix ikkalkulat. Kapital investit ukoll ma jiġix ikkalkulat imma jiġi ikkalkulat id-dħul li jkollu minnu l-benefiċjarju biss, kif inhu stipulat fl-istess liġi tas-Sigurta’ Soċjali (Kap 318). L-ammont li jitħallas f’Assistenza jista’ jkun sa massimu ta’ €107.18 fil-ġimgħa.
· Assistenza għal-Diżabilita (DA) - li ukoll huwa benefiċċju li beda jingħata fl-2017, hija Assistenza għal min għandu amputazzjoni jew parali¿i totali ta’ driegħ jew riġel wieħed. Qabel l-2017 sabiex persuna tieħu l-Handicapped Pension kif kienet aħjar magħrufa, ried ikollu amputazzjoni ta’ żewġ riġlejn jew dirgħin, jew ikun totalment paralizzat. Minn din is-sena, iddaħħlu ukoll jikkwalifikaw għal din l-Assistenza dawk li huma torox jew muti. Qabel l-2017 sabiex persuna tieħu dak li kien jissejjaħ Handicapped Pension ried ikun mutu u trux fl-istess waqt. Hawnhekk ukoll, il-benefiċċjarji ukoll jistgħu jaħdmu u jaqilgħu kemm iridu mingħajr ,ma jitnaqqas xejn mill-Assistenza li tingħata. Kapital investit ma jiġix ikkalkulat imma jiġi ikkalkulat id-dħul li jkollu minnu l-benefiċjarju biss kif inhu stipulat fl-istess liġi tas-Sigurta’ Soċjali (Kap 318). L-ammont li jitħallas f’Assistenza jista jkun sa massimu ta’ €81.65 fil-ġimgħa.