Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — Konsulenzi minn ditta legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-ditta legali li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ħaditx konsulenzi mill-Gvern jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fil-perjodu bejn is-sena 1998-2003? X’kienu dawn il-konsulenzi? Liema entità tat dawn il-konsulenzi? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv ħalli dawn jittieħdu? Jista’ jgħid ukoll kemm kull konsulenza kienet tinvolvi bħala flus?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn żewġ entitajiet, il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatat xogħol b’ direct order għall-valur ta’ €30,009.11 (Tletin elf u disgħa ewro u ħdax-il ċenteżmu).

Għawdex – Żona Ex-Heliport – ilma lill-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sorsi ta’ ilma qed joffri l-Gvern lill-bdiewa fiż-żona tal-ex-heliport ġewwa Għawdex? Jista’ jispjega jekk dawn is-sorsi hux qed jiffunzjonaw tajjeb? F’każ li mhumiex, jista’ jgħid x’inhi l-problema u x’soluzzjonijiet ser jimplimenta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li fiż-żona tal-ex heliport ġie nstallat dispenser tal-ilma riċiklat magħruf bħala New Water. Dan il-mekkaniżmu qiegħed jaħdem tajjeb wara interuzzjonijiet fil-provvista tal-ilma minħabba problemi li ġew solvuti u qed ikollna supply konsistenti ta’ New Water.

Birkirkara – Triq Notabile – tiswija ta’ bozoz tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-bozoz tal-dawl fuq arbli żgħar fi Triq Notabile bejn Triq Ħal Qormi u Triq Carmel Brincat, wara l-Akkwedott f'Birkirkara, jisewwew?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment imressaq ġie mgħoddi lill-entità konċernata.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — contract of service u contract for service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il contract of service u contract for service ngħata minn kull Dipartiment u entità li jaqgħu taħtu mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena u l-valur ta’ kull wieħed u lil min ingħata?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex it-tagħrif jibda jinġabar.

Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Water Services Corporation tieħu l-passi meħtieġa sabiex ikun iffinalizzat il-proċess mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kemm jista’ jkun fl-inqas żmien possibbli ladarba dan l-individwu huwa bla paga?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment imressaq ġie mgħoddi lill-entità konċernata.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — għarfien fuq traffikar ta' persuni

Question

B'referenza ghar-rapport “Trafficking in Persons Report” maħruġa mill-US State Department 2019, jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix jew hemmx pjan li tinħoloq, kollaborazzjoni interministerjali bejn il-Ministeru tiegħu u Ministeri oħra? Jista' jindika liema huma dawn il-Ministeri?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-funzjoni tinqeda permezz tal-Human Trafficking Stakeholders’ Taskforce fi ħdan il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Bdil ta’ Mains tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10599 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbiddlu mains tal-ilma fl-2018 u fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena 2019? Kemm kienet l-ispiża u f’liema lokalitajiet inbiddlu?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 10599.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — għarfien fuq traffikar ta' persuni

Question

B'referenza għar-rapport “Trafficking in Persons Report” maħruġ mill-US State Department 2019 jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex iżid l-għarfien fuq it-traffikar ta' persuni f'pajjiżna?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10649.

Il-Mosta – Kappella tal-Isperanza – xogħol ta’ manutenzjoni fuq tappiera

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Water Services jieħdu l-passi meħtieġa sabiex tappiera ta’ drenaġġ quddiem il-Kappella tal-Isperanza fil-Mosta, isirilha xogħol ta’ manutenzjoni sabiex il-konkos imkisser madwarha jkun irranġat għaliex fil-preżent qed jinħoloq periklu għal min isuq mutur jew rota?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-tappiera tad-drenaġġ ġiet imsewwija fil-25 ta’ Ġunju. Manutenzjoni ulterjuri u bidla sħiħa tat-tappiera għandhom isiru fil-jiem li ġejjin.

Għawdex – bdil ta’ mains tal-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn inbidlu mains tal-ilma ġewwa Għawdex mit-3 ta’ Ġunju 2017 sal-lum? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża globali u x’pjanijiet hemm għall-bdil ta’ mains tal-ilma ġewwa Għawdex sal-aħħar tas-sena 2019?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min jgħid li t-total ta’ metri ta’ pipes tal-ilma mibdula huwa ta’ 6691 metru b’valur ta’ €165,550.00.

L-Għarb, Għawdex – Triq Franġisk Portelli – tieni kisja ta’ tarmak

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7806, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet li Triq Franġisk Portelli ma ngħatatx it-tieni kisja ta’ tarmak? Jista’ jgħid jekk din it-triq hux ħa tingħata l-aħħar kisja tarmak sal-aħħar ta’ Ġunju 2019?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt lill-entità konċernata biex ix-xogħol pendenti isir fl-iqsar żmien possibbli.

Għawdex – second class water – ħruġ ta’ tenders

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7697, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma toħroġ it-tenders meħtieġa ħalli tkun tista’ tikber il-firxa tan-network tas-Second Class Water ġewwa Għawdex sabiex jinqdew iżjed bdiewa? Jista’ jgħid f'liema xahar u sena huma ppjanati li joħorġu t-tenders għal dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-tender qiegħed fl-aħħar fażijiet ta’ preparazzjoni u mistenni li jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.

Kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed deċiżjoni sabiex kontijiet pendenti li qed jintbagħtu lill-proprjetarji ta’ proprjetà li tkun mibjugħa b’kuntratt uffiċjali, il-proċedura ma tibqax li l-propretarji oriġinali jibqgħu jirċievu l-kontijiet tad-dawl u ilma bħalma qed jiġri fuq il-kont li qed jintbagħat separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala proċedura, meta jinbiegħ post, il-persuna li tkun ser tbiegħ għandha timla formoli apposta skont il-każ, senjatament formula ta’ trasferiment tas-servizzi jew formula ta’ tneħħija tas-servizzi jew formula ta’ tibdil tal-indirizz. Dawn il-formoli jistgħu jinġabru mill-uffiċini tal-kumpanija ARMS ltd jew titniżżel mis-sit uffiċjali tal-kumpanija. Nfakkar ukoll li s-servizzi huma abbinati mal-applikant, u għaldaqstant hu l-applikant/konsumatur innifsu li jrid jinforma lill-ARMS ltd permezz tal-imsemmija formoli b’kull tibdil relatat mal-kont.

Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma — kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma d-diretturi, azzjonisti (shareholders) u l-ultimate beneficial owners (UBOs) tal-kumpanija li hija rreġistrata f'Dubai u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistqosija parlamentari 7828.

Port il-Kbir — Enerġija shore-to-ship

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Enemalta ser tibda tipprovdi enerġija elettrika shore-to-ship lill-vapuri li jidħlu u jankraw fil-Port il-Kbir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta hija ppreparata biex tipprovdi tali servizz.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — aċċessibilità għal persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu (inkluż il-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra) huma fiżikament aċċessibbli għal persuni b'diżabilità? Jista’ jikkonferma li dawn il-postijiet huma fil-fatt ċertifikati li huma aċċessibbli mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari 2026 u 9557.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq reklami u avviżi fuq kull mezz, inkluż social media, minn kull entità li hija fid-dekasteru tiegħu fix-xahar t’April u Mejju 2019?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija skont is-segwenti tabella. Entità Ammont (esklż. VAT) WSC €14,135.79 EWA €18,889.00 ARMS €1,943.34 Enemed €7,000.00 Fir-rigward tal-Enemalta, l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għal kumpanija. Minħabba f’hekk, l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.

Birkirkara — Triq Dun Karm Psaila - tnixxija tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-azzjoni meħtieġa biex tieqaf it-tnixxija ta’ ilma fi Triq Dun Karm Psaila Birkirkara viċin it-traffic lights f'salib it-toroq ma' Triq Wignacourt u Triq Wajter, qrib il-ħwienet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Jista' jikkonferma jekk din it-tnixxija ta’ ilma fit-triq hiex kkontaminata bid-drenaġġ u allura tista' tkun ta' periklu għas-saħħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-tnixxija ta’ ilma fi Triq Dun Karm Psaila, Birkirkara viċin it-traffic lights f’salib it-toroq ma’ Triq Wignacourt u Triq Wajter, qrib il-ħwienet ġejja minn drains privati tad-drenaġġ fi Triq Sant’ Antnin.