Jista’ l-Ministru jgħid x’konsultazzjoni saret mas-sidien taż-żwiemel dwar possibbiltà ta’ ftuħ eventwali tal-koros?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sidien taż-żwiemel għandhom tliet rappreżentanti fil-Kunsill tal-Malta Racing Club filwaqt li ninsab infurmat li koros baqgħu miftuħa b’mod regulari.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-estensjoni tal-Gozo Campus tal-Università ġewwa x-Xewkija Għawdex? Jista’ jgħid ukoll liema xogħol ieħor hu ppjanat li jsir fl-istess campus u jagħti time frames dettaljati ta’ meta huma ppjanati li jitlestew dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid kemm ser jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-estensjoni tal-Kampus tal-Università ta' Għawdex wasal fl-istadju tal-kostruzzjoni. Dawn ix-xogħlijiet se jiġu segwiti bix-xogħlijiet elettriċi, mekkaniċi kif ukoll xogħol ta’ finitura. Huwa antiċipat li dawn ix-xogħlijiet jitlestew sa Ġunju 2021, bi spiża ta’ Eur 1.3 miljun.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il mobile classroom hemm ippjanati li jintużaw għas-sena skolastika l-ġdida u f’liema skola u lokalità? Jista’ jgħid kemm ħa jiswew lill-Gvern biex jiġu installati u attrezzati dawn il-mobile classrooms?
Response (BONNICI, OWEN)
Bħalissa fl-iskejjel tal-Istat hemm total ta' 29 temporary classrooms imqassmin f’ dawn l-iskejjel:
Kulleġġ San Tumas Moore, Skola Sekondarja, Żejtun
Kulleġġ Santa Theresa, Skola Sekondarja, Mrieħel
Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja, Ħ'Attard
Kulleġġ Maria Reġina, Skola Primarja, San Pawl il-Baħar
Għas-sena skolastika l-ġdida hu ppjanat li jintużaw 16-il temporary classroom oħra. Minn dawn, 8 ser ikunu fil-Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja A fir-Rabat, Malta, filwaqt li t-8 l-oħra se jkunu fil-Kulleġġ San Tumas More, Skola Sekondarja fiż-Żejtun. L-istima tal-ispiża biex jiġu installati u attrezzati dawn it-temporary classrooms il-ġodda hi ta' madwar €466,000.
It-temporary classrooms fil-Kulleġġ Maria Reġina, Skola Primarja f'San Pawl il-Baħar, mhumiex se jintużaw bħala klassijiet peress li sas-sena skolastika l-ġdida se tkun lesta l-Iskola Primarja l-ġdida fil-Qawra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji — tmexxija
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tal-entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u għal kull entità jgħid minn min hi komposta t-tmexxija tagħha (chairperson, diretturi, senior management) u x’inhuma l-karigi rispettivi tal-persuni fit-tmexxija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għaqdiet u Assoċjazzjonijiet/Federazzjonijiet/Klabbs sportivi — eżenti mill-ħlas ta' spejjeż relatati ma' kirjiet u kontijiet tad-dawl u l-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jkun qed jeżenta lill-Għaqdiet Mhux Governattivi f’pajjiżna, li jinkludu wkoll dawk l-Għaqdiet u Assoċjazzjonijiet/Federazzjonijiet/Klabbs Sportivi , milli jħallsu spejjeż relatati ma’ kirjiet (fuq binijiet jew faċilitajiet) kif ukoll fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma għaż-żmien ta’ kemm ilha li bdiet f’pajjiżna l-imxija tal-COVID 19?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li inizjattivi ta' dan it-tip jitħabbru mill-Gvern f'mument propizju, kif sar fil-każ tal-miżuri eċċezzjonali li ħabbar il-Gvern fl-aħħar ġimgħat minħabba l-kriżi tal-COVID-19.
Fid-dawl li x-xogħol fuq il-Korsa taż-Żwiemel fil-Marsa se jkun qed jieħu ftit żmien sakemm jinbeda, jista’ l-Ministru jara u jserraħ ras lis-sidien taż-żwiemel u lid-dilettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel li l-manutenzjoni li hemm bżonn issir fuq il-korsa attwali jsir bla telf ta’ żmien?
Università ta’ Malta – proposta mill-Grupp Universitarju Għawdxi rigward video conferencing mill-Gozo Campus
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14153, jista' l-Ministru jgħid hux favur l-idea li l-Università ta' Malta tagħti l-possibiltà lill-istudenti Għawdxin li jsegwu l-korsijiet mill-Gozo Campus permezz ta' video conferencing? Jista' jgħid ukoll meta ser jibda jiddiskuti u ma' min?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ministeru diġà kellu diskussjonijiet mal-Università fuq din il-kwistjoni. Kif diġà issemma fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari preċedenti rigward din it-tema, l-Università waqt li hi miftuħa għal suġġerimenti fuq tisħiħ ta' tagħlim online ma tħossx li jkun ta' ġid għall-istudenti Għawdxin li jinqatgħu kompletament mill-komunità studenteska u l-ħajja tant sabiħa ta' l-Università.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13868 u jindika liema kienu l-proġetti infrastrutturali sportivi li saru f'pajjiżna bejn l-2008 u l-2020 u kemm kien il-valur tagħhom b'mod individwali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ għajnuna finanzjarja offra l-Gvern tul l-imxija tal-COVID 19 lill-Assoċjazzjonijiet/Federazzjonijiet /Klabbs Sportivi f’pajjiżna (Malta u Għawdex) , anke peress li l-istess imxija ħalliet impatt mhux żgħir fl-operat ta’ dawn l-Assoċjazzjonijiet/Federazzjonijiet/Klabbs Sportivi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li s-settur sportiv ibbenefika mill-pakkett t’għajnuna finanzjarja mħabbra mill-gvern kif ukoll mill-iskema ta’ Fond ta’ Emerġenza għall-għaqdiet volontarji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-assoċjazzjonijiet/Federazzjonijiet /klabbs sportivi minn kemm ilha li bdiet l-imxija tal-COVID 19, anke sabiex il-Gvern jisma’ mingħand il-membri fi ħdan l-istess assoċjazzjonijiet/federazzjonijiet u klabbs dwar x’impatt ħalliet fuqhom din l-imxija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li qed isiru laqgħat ma’ Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet sportivi ta’ kuljum kemm minn SportMalta u mis-Segretarju Parlamentari nnifsu, li ma jistax jiġi kwantifikat f’numru.
Jista’ l-Ministru ġentilment ifisser kif se jiġi aċċertat li jekk tiftaħ Skolasajf, ikun hemm is-social distancing ta’ żewġ metri, speċjalment waqt il-logħob u fil-każ ta’ tfal żgħar?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Ministeru qiegħed jikkordina pjan ta' tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi. Dan qed isir mal-istituzzjonijiet inkluż l-FES, u qed issir konsultazzjoni mal-awtoritajiet konċernati tas-saħħa. It-tħejjijiet qed isiru għal xenarji varji li jista' jkun li nsibu wiċċna magħhom.
Ftuħ ta’ Skolasajf – konsultazzjoni mal-Awtoritajiet tas-Saħħa
Question
Jista’ l-Ministru jsemmi l-persuni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa li qed jikkonsulta magħhom fuq il-ftuħ ta’ Skolasajf? Billi l-frazi “Awtoritajiet tas-Saħħa” hi frażi vaga wisq jista’ jkun aktar speċifiku u jgħid speċifikament ma’ min qed jikksonsulta sabiex il-ġenituri jkollhom moħħhom aktar mistrieħ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) qed titħejja għal eventwalitajiet varji f’qafas ikkordinat fuq livell Ministerjali. Il-Ministeru qed isegwi u jikkonsulta lis-Suprentendenza tas-Saħħa.
COVID-19 — Għaqdiet Sportivi li se jibbenefikaw minn pakkett finanzjarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' għaqdiet sportivi (u liema kienu dawn l-għaqdiet) li bbenefikaw mill-hekk imsejjaħ pakkett finanzjarju li l-Gvern ħabbar b'rabta mal-imxija tal-COVID-19? Fl-istess risposta, jista ' jgħid kemm kien l-ammont fi flus li dawn l-istess għaqdiet ser ikunu qed jingħataw mill-Gvern?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-assoċjazzjonijiet/għaqdiet sportivi li qed jistennew li artijiet/faċilitajiet li huma għandhom interess fihom u li ser ikunu qed jitilgħu quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sussegwenti huma l-għaqdiet sportivi li urew interess f’artijiet/faċilitajiet u li qed jiġu proċessati skont il-liġi u qegħdin f’varji stadji tal-istess proċess biex jekk approvati, jgħaddu għand l-istess għaqdiet, jekk u wara li jiġu trasferiti għand SportMalta u l-kuntratt jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Parlament għall-iskrutinju:
Hibernians BC
Valletta FC
SK Victoria Wanderers
Senglea Regatta Club
Birżebbuġa Regatta Club
Attard FC
BMX Association
Bormla Boċċi Club
Dingli Swallows FC
Kirkop United FC
Luqa St. Andrews FC
Msida St. Joseph FC
Żurrieq FC
Mġarr United FC
Mqabba FC
San Ġwann FC
Marsaxlokk FC
Sirens ASC
Canoe Racing Club
Birżebbuġa Aquatic Sports Club
Naxxar Lions FC
Victoria Hotspurs FC
Elite Airsoft Gunners
Floriana Basketball Club
Għajnsielem Redcoats
Racing Pigeons Club
Valletta Grand Prix Foundation
Sliema ASC
Lija Athletic FC
Pembroke Racket Club
Island Karting Club
Xewkija Tigers FC
Għaqda Komunitarja tas-Sajd Marsamxett
Għaqda Komunitarja tas-Sajd Birżebbuġa
San Ġiljan ASC
Marsa FC
Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet wara l-eżamijiet għall-istudenti li jixtiequ jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport? X’tip ta’ appoġġ qed joffri l-Gvern lil dawk l-istudenti li se jkunu mistennija jagħmlu l-eżamijiet f’Awwissu minkejja s-sitwazzjoni preżenti? Għaliex f’dan il-każ il-Gvern ma’ ħassx li għandu joqgħod fuq l-assesjar li se jkun sar għal student ta’ skejjel tal-istat, tal-knisja u l-indipendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-dħul ġewwa l-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS) dejjem involva eżami, assessment prattiku u interview. Għaldaqstant, l-użu ta’ eżamijiet kien dejjem parti integrali tal-marka finali tal-proċess tal-għażla għal dħul fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Fil-proċess normali jintużaw il-marki tal-Benchmark Assessment tal-Year 6. Billi din is-sena dan l-assessment ma setax isir minħabba l-għeluq tal-iskejjel, ġie deċiż li jingħata eżami ridott ibbażat fuq xogħol li sar mill-istudenti qabel ma għalqu l-iskejjel. Dan sar wara diskussjonijiet twal u wara pariri ta' esperti fil-qasam. Ma kienx possibbli li jintużaw eżamijiet li saru fil-passat mill-applikanti għaliex studenti li jattendu skejjel Privati, tal-Knisja u tal-Gvern ma jagħmlux l-istess karti tal-eżamijiet. B’hekk qed jiġi assigurat l-aktar proċess ġust u trasparenti għall-ġid tal-istudenti li se japplikaw għan-NSS.
Jista’ l-Ministru jgħid xi kriterji se jintużaw għad-dħul fl-Iskola Malta Visual and Performing Arts? Jista’ jgħid x’inhuma r-raġunijiet wara dawn il-kriterji?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji li ntużaw fis-snin preċedenti se jkunu applikati wkoll għas-sena skolastika li jmiss, ibbażati fuq awdizzjoni u intervista. Mhux se jintuża l-kriterju marbut mar-riżultat tal-Benchmark Assessment tal-Year 6 għaliex dan ir-riżultat qatt ma kien parti mill-marka finali tar-riżultat tal-proċess tal-għażla.