B’referenza għar-riposta għall-mistoqsija parlamentari 19338 li kienet tistaqsi lill-Ministru għaliex sa Frar kienu għadhom ma bdewx jitqassmu l-laptops il-ġodda lill-edukaturi? X’kienet ir-raġuni li t-tenders tħallew daqshekk tard? Sa meta se jkunu mqassma l-laptops? Tista’ l-Ministru tispjega għaliex l-MUT ftit ġranet ilu akkużat lill-Ministeru b’pika infantile meta qalet “L-MUT qed tipprotesta bil-qawwi dwar il-livell ta’ pika infantili li wasal fiha l-Ministeru tal-Edukazzjoni. Dan meta l-laptops il-ġodda għall-edukaturi tal-iskejjel tal-istat ilhom li waslu minn Diċembru li għadda u l-Ministeru qed jibqa’ ma jqassamhomx lill-edukaturi. Din it-tattika ta’ pika infantili qed issir sinonima ma’ ħafna mid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu. Fid-dawl li dan l-apparat huwa daqstant essenzjali għat-tagħlim waqt perjodu bħal dan tal-pandemija, din il-pika qed tissarraf f’sitwazzjonijiet varji fejn edukaturi m’għandhomx biex jaħdmu jew inkella qed jillapazzaw b’apparat li issa għadda żmienu u m’għadux jista’ jaqdi l-ħtiġijiet tat-tagħlim tal-lum. Fl-aħħar mill-aħħar, tali pika m’hu qed twassal għal xejn għajr li l-edukaturi u l-istudenti qed ibatu għalxejn.” Tista’ tgħid kemm għandu laptops ġodda f idejh x’iqassam il-Ministeru? Tista’ tgħid kemm tqassmu laptops sa issa u kemm baqa jitqassmu u sa meta se jitaqassmu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull għalliem, LSE, KGE, fl-2016 kien ġie mogħti laptop. Il-Ministeru ħaseb ukoll li dawn il-laptops jinbidlu tul din is-sena. L-ewwel kunsenja ta' 1,300 laptop ġdid waslet u tqassmet. Il-konsenja li jonqos ta’ laptops jitqassmu meta jaslu għand il-Ministeru. Irrid insemmi li d-dewmien tal-konsenja li jifdal hija dovuta għal-fatt li l-produtturi taċ-ċipep u components oħra tal-laptops mhux ilaħħqu mal-influss fid-domanda għal-laptops kawżata minħabba l-effett tal-pandemija li ħalliet impatt fuq il-produzzjonu fuq livell globali.
Skema ta’ Tablet per Child għal studenti tas-sekondarja
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19337 u minħabba l-fatt li l-iskema ta’ tablet per child ilha mħabbra mill-2013 u peress li sal-lum huma biss tfal fl-iskejjel primarji li għandhom teknoloġija portabbli, tista’ l-Ministru tagħti data ta’ meta eżatt it-teknoloġija portabbli se tkun qed tiġi introdotta anke għall-istudenti tal-iskejjel medji u sekondarji?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-introduzzjoni tat-teknoloġija portabbli ser tidħol b'mod gradwali, kif kien sar fl-iskejjel primarji u dan ser isir fl-interess ta' kulħadd.
Ministeru għall-Edukazzjoni – miżuri minħabba l-COVID-19
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-miżuri li ttieħdu fl-uffiċini kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha sabiex jiġi assigurat li l-periklu ta' infezzjoni tal-COVID-19 jitnaqqas eżempju b'użu ta' screens bejn l-iskrivaniji u l-obbligu tal-ilbies tal-maskri inkluż f'dawk l-uffiċċji li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li, bħal ma ġara f'din l-aħħar sena, qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, skont id-direzzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jiġi assigurat li l-periklu ta’ infezzjoni jitnaqqas.
Tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament kemm studenti spiċċaw l-Iskola Sekondarja f'Għawdex għal kull waħda mill-aħħar tliet snin skolastiċi? Għal kull waħda mis-snin imsemmijin, kemm minn dawn l-istudenti komplew bl-istudji terzjarji tagħhom u f'liema istituzzjoni?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara jekk huwiex jirreferi għan-numru ta' studenti f'Għawdex li wara li spiċċaw l-iskola sekondarja komplew fi skola post-sekondarja, jew dawk li spiċċaw skola post-sekondarja u komplew l-istudji tagħhom f'livell terzjarju.
Post ta’ Clerk fis-Servizz Pubbliku – kandidati eliġibbli
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19979 u tgħid kemm kien hemm kandidati eleġibbli u li qagħdu għal General Ability Test għall-post ta' Clerk fis-Servizz Pubbliku? Kemm kienet il-pass mark u kemm għaddew minn dan il-General Ability Test? Tista’ tispjega għaliex ladarba dan il-General Ability Test kien wieħed kompjuterizzat (online digital format) ir-riżultat ma ħariġx dakinhar stess, iżda kellhom jgħaddu diversi ġranet biex inħareġ? Tista’ l-Ministru tgħid fuq liema Notice Boards u fejn ġewwa Għawdex u Malta gew ippublikati, kif dejjem sar fis-snin passati?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li għas-sejħa tal-post ta’ Clerk fis-Servizz Pubbliku, kien hemm 301-il kandidat eliġibbli, li minnhom 270 għażlu li joqogħdu għall-General Ability Test. Il-passmark kienet 30% u kien hemm 262 kandidat li kiseb dan il-persentaġġ jew aħjar. Minħabba li l-eżami jwassal għal klassifika (i.e. ranking), huwa meħtieġ li l-kandidati kollha jiġu infurmati bil-marka tagħhom fl-istess waqt. Ir-riżultat tal-General Ability Test ġie ppubblikat fuq in-noticeboard tal-Edu Servizz.gov (One Stop Shop) il-Furjana, kif ukoll fuq dik taċ-Ċentru tal-Eżamijiet, ir-Rabat, Għawdex.
Ministeru għall-Edukazzjoni — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif se jingħata f'seduta oħra.
Learning Support Educators Għawdxin li jaħdmu ġewwa Malta
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17440, tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament kemm mit-tnax-il Learning Support Educator imsemmija hemmhekk ġew trasferiti lejn Għawdex? Jekk għad ma ġewx trasferiti, tista' tgħid kif u meta ser isiru dawn? Tista' tgħid ukoll jekk dawk li ġew diġà jew li ser jiġu trasferiti hux ser ikun hemm minnhom li jservu f'pool of relievers li tagħmel tajjeb għal meta LSEs oħra ma jkunux xogħol?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li sa issa matul din is-sena skolastika 2020/21 telgħu erba’ LSEs mil-lista tas-seniority. Uħud mil-LSEs li qegħdin Għawdex fil-perjodu ta' waqt jew wara t-tqala qed iservu fil-pool of relievers.
Tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament liema huma i-korsijiet li bħalissa qed isiru fiċ-Ċentru tal-Università f'Għawdex? Kemm hemm studenti li qed isegwu kull wieħed minn dawn il-korsijiet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant hu kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Edukazzjoni – direct orders lil kumpanija
Question
Tista’ l-Ministru telenka kull kuntratt, inkluż direct orders jew simili, mogħtija minn kull entità fi ħdanha lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2019 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Tista’ għal kull każ, jagħti l-ammont, data u minn min kien approvat?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li d-Direttorati/Entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi ma tawx kuntratti inkluż direct orders lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament mill-2019 lil hawn.
Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, Marsaskala u ż-Żejtun – persuni meqjusa computer & IT literate
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hi r-rata ta’ dawk meqjusa computer & IT literate fil-lokalitajiet ta’ Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, Marsaskala u ż-Żejtun u kemm jammontaw ir-residenti f’perċentwali li ħadu edukazzjoni post-sekondarja fl-istess inħawi?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi m'għandux it-tagħrif mitlub. Peress li qed tintalab statistika li tikkonċerna residenti, nissuġġerixxi lill-Onor. interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li hemm ħsieb li l-kwalifika rikjesta għall-warrant ta’ għalliem terġa’ tinżel mil-livell ta’ Masters għal-livell ta’ ċertifikat/diploma kif kien sa ftit snin ilu? Tista’ tgħid hux minnu li dan se jkun ifisser li l-livell tat-taħriġ se jonqos minn 120 għal 60 ECTS, jiġifieri nofs il-livell rikjest sal-lum? Jekk dan huwa minnu, tista’ l-Ministru tgħid jekk din il-bidla fil-policy wara biss tliet snin hijiex nuqqas ta’ viżjoni serja u nuqqas ta’ pjan fit-tul fis-settur edukattiv min-naħa tal-gvern? Tista’ l-Ministru tgħid ma’ min kienu saru l-konsultazzjonijiet u fuq liema bażi ttieħdet id-deċiżjoni, madwar erba’ snin ilu, li biex pajjiżna jagħti l-warrant ta’ għalliem ma kienx għadu suffiċjenti li wieħed jikseb livell ta’ first degree fl-edukazzjoni u ċertifikat imma li kien wasal iż-żmien ta’ Masters Degree? Tista’ tgħid ma’ min saru l-konsultazzjonijiet llum u fuq liema bażi ttieħdet id-deċiżjoni, biex pajjiżna jerġa’ lura għas-sistema li kien hemm tliet snin ilu u konsegwentement jitbaxxa l-livell ta’ ċertifikazzjoni u taħriġ rikjest? Tista’ tgħid x’kien l-effett fuq in-numru globali ta’ studenti mal-fakultà tal-edukazzjoni minn mindu ġiet introdotta l-MTL? Peress li l-Università ta’ Malta kienet ingħatat assigurazzjoni li l-livell ta’ Masters se jkun rikjest bil-liġi biex jinħareġ warrant ta’ għalliem tista’ tgħid jekk dik l-assigurazzjoni ġietx irtirata b’diskussjoni magħhom jew sempliċiment ġewx injorati? Jekk dawn il-ħsibijiet huma minnhom, tista’ tgħid kif din il-policy l-ġdida se tgħin fil-kwalità, l-istatura u r-rispett lejn il-professjonalità tal-għalliema?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Irrid ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm l-ebda bdil fil-policies u ma hemm l-ebda pjan illi jitnaqqas il-livell tat-taħriġ meħtieġ.
Meta kien hemm bdil fil-kriterji tal-
warrant
tal-għalliema, kienet saret konsultazzjoni wiesgħa mal-imsieħba soċjali kollha u kienet saret ukoll konsultazzjoni pubblika fl-2016 intitolata,
Bringing Education into the 21st Century.
Fejn tidħol l-istatistika mitluba fuq in-numru ta’ studenti involuti minn wara li ġiet introdotta l-MLT, appena din l-informazzjoni tiġi miġbura, titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fil-Ministeru, jew entità li taqa’ taħtha?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jżommux informazzjoni tal-impjegati tagħhom skont jekk għandhomx diżabilità.
Ministeru għall-Edukazzjoni — persuni maħtura bħala membru ta’ bord jew entità
Question
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19234, tista’ l-Ministru tgħid min huma dawk il-persuni maħtura u tindika liema huma l-bordijiet li huma maħtura fuqhom?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni bord bord tal-karigi tal-persuni maħtura fil-varji bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Attachments:PQ 19709 - MFED - persuni maħtura bħala membru ta' bord jew entità.pdf
Ministeru għall-Edukazzjoni – inġiniera jew piloti tal-ajruplani li għandhom Contract for Service
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx persuni li huma inġiniera jew piloti tal-ajruplani li għandhom Contract for Service mal-Ministeru tagħha? Jekk iva, x'tip ta' servizzi qed jagħtu u kif intgħażlu u kemm-il siegħa xogħol jagħmlu f'xahar u fejn jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li bħalissa d-Dipartiment Strateġija u Sapport ma għandux contract for service ma’ xi persuna li niżżlet fil-curriculum vitae li ħadem/ħadmet ta’ inġiniera jew pilota tal-ajruplani.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan alternattiv f’każ li l-eżamijiet tal-benchmark f’Mejju li ġej ma jkunux jistgħu jsiru kif ippjanat?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-pjan alternativ ikun li jinġibdu averages tal-marki tal-Matematika, Ingliż, Xjenza u Malti skont l-assessjar kontinwu ta’ matul is-sitt sena.
Tista’ l-Ministru tindika l-pjan tal-Gvern dwar il-problema tal-illitteriżmu fit-tfal Maltin? Kemm kien in-numru ta’ tfal li ħarġu mill-iskola illitterati f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jimxi fuq l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex li bdiet tiġi implimentata fl-2014.
Fejn jidħol il-livell ta' illitteriżmu, skont l-aħħar rapport tal-PISA (2018), il-persentaġġ ta' studenti li laħqu l-aktar livell baxx, dak ta' 1ċ, kien ta' 4.8%.
Skejjel sekondarji medji tal-knisja u indipendenti – tfal bi bżonnijiet edukattivi individwali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm tfal bi bżonnijiet edukattivi individwali (speċjali) fl-Iskejjel Sekondarji Medji tal-Knisja u Indipendenti (jiġifieri Years 7 u Years 8), skola skola u sena b’sena? Tista’ tagħti din l-informazzjoni għal kull skola individwali?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tispeċifika kemm għandna studenti fi Skejjel tal-Istat li qegħdin Year 11 li għandhom bżonnijiet edukattivi individwali u kemm minnhom għandhom LSE? Tista’ wkoll tispeċifika jekk dawk l-istudenti li għandhom LSE humiex ser jibqgħu jingħatalhom servizz ta’ LSE, jekk dawn jibqgħu bżonnu, u jekk inqatagħlhom is-servizz, x’kienu r-raġunijiet? Tista’ tgħid jekk hemmx pjan li s-servizz ta’ LSEs lil studenti bi bżonnijiet individwali fil-Year 11 jispiċċa?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li hemm mija u ħdax (111)-il student bi bżonnijiet edukattivi individwali fil-klassijiet Year 11 li għandhom is-sapport ta’ LSE. Dan is-servizz jibqa' jingħata sakemm l-istudent jibqa' jattendi l-iskola. M’hemm l-ebda pjan li dan is-servizz jispiċċa.
Lezzjonijiet b’mod remot – protokolli u linji gwida lill-edukaturi
Question
Fid-dawl tas-sitwazzjoni u l-fatt li min-nhar it-Tnejn 15 ta’ Marzu 2021 il-lezzjonijiet se jkunu qed isiru b’mod remot, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-protokolli kollha li se tkun qed topera bihom u l-linji gwida li qed jingħataw lill-edukaturi? Tista’ tgħid meta kienu ppreparati dawn u minn min?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru kellu linji gwida mħejjinin għal sitwazzjoni eventwali li l-iskejjel jingħalqu mill-awtorità tas-saħħa u t-tagħlim isir onlajn.
Il-linji gwida ġew imfassla mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u maqbulin mal-MUT.
Fil-fatt, fost it-tħejjijiet u t-twettieq li saru mid-Dipartimenti konċernati qabel il-ftuħ mill-ġdid ta’ din is-sena skolastika f’Settembru 2021, l-istudenti kollha tal-iskejjel primarji, medji sekondarji nġabru fil-klassijiet/gruppi tagħhom fuq il-pjattaforma MS TEAMS li qed tintuża mill-iskejjel u kienu offruti bosta sessjonijiet ta’ taħriġ.