Residenti fid-Djar tal-Anzjani – prekawzjonijiet biex jagħmlu kuntatt ma’ professjonisti
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-prekawzjonijiet li jittieħdu sabiex persuni residenti fid-djar tal-anzjani jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jagħmlu kuntatt ma' professjonist tal-għażla tagħhom?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li residenti fid-djar tal-anzjani taħt l-iskema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandhom is-servizzi bla ħlas ta’ professjonisti iżda għandhom ukoll id-dritt li jagħmlu kuntatt ma’ professjonisti tal-għażla tagħhom fejn u meta jridu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn sodod tal-anzjani bħalissa f’kull lokalità f’Malta u Għawdex li huma:
a. tal-privat (inkluż dawk mikrija mill-Gvern);
b. tal-Knisja; u
ċ. tal-Istat?
Kemm żdiedu sodod f’kull lokalità ta’ Malta u Għawdex mill-2013 sal-2022? Kemm kien hemm sodod f’kull lokalità ta’ Malta u Għawdex sal-aħħar tal-2012?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ġiet imwaqqfa fl-2018 u bdiet tirregola s-Settur tal-Anzjani mill-2019. Għalhekk, fuq il-Mejda tal-Kamra qed titpoġġa l-informazzjoni rispettiva mis-sena 2020 sas-sena 2022.
Lista ta’ stennija għal anzjani li mhumiex dipendenti għalkollox
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-lista ta' stennija għal dawk l-anzjani li mhumiex dipendenti għalkollox u m’għandhomx bżonn kura fir-Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm 1556 anzjan li qed jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani fil-komunità. Dawn huma anzjani li m’għandhomx bżonn kura fir-Residenza San Vinċenz de Paul.
Projections tal-Gvern dwar id-djar tal-anzjani u s-sodod għall-anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-projections tal-Gvern għad-djar tal-anzjani u s-sodod għall-anzjani fid-dawl li l-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet, iżda 20% tagħha huma barranin u l-birth rate tal-Maltin naqset:
a. għas-snin li ġejjin sal-2030; u
b. għall-għaxar snin ta’ wara, sal-2040?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tal-Anzjanità Attiva, barra ż-żieda fil-popolazzjoni u l-fatturi l-oħra li ssemmew, hemm fatturi oħra, bħal tul ta’ ħajja itwal u iktar servizzi fil-komunità li jridu jiġu kkunsidrati. Huwa stmat li l-Gvern jixtri madwar 200 sodda ġdida fis-sena meta wieħed jikkunsidra wkoll l-imwiet li jkun hemm fil-care homes kull sena u ż-żieda fis-sodod ta’ kull sena, flimkien mad-domanda. Però s-sitwazzjoni tiġi evalwata l-ħin kollu sabiex ikun hemm rispons adegwat minnufih jekk ikun hemm xi problema, bħal meta tagħlaq xi dar tal-anzjani. Għalhekk, id-dipartiment jimmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni.
Aktar importanti minn żieda fis-sodod, il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva qed iżid bosta servizzi sabiex aktar anzjani ikunu jistgħu ikomplu jgħixu b’mod b’saħħtu u attiv fil-komunità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il dar tal-anzjani kellha permess ta’ lukanda u issa qed tilqa’ l-anzjani għax inqalbet f’residenza?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Social Care Standards Authority (SCSA) ma jkollhiex informazzjoni jekk Dar għall-Anzjani kellhiex xi darba permess ta’ lukanda. Għas-SCSA l-importanti hu li d-djar residenzjali tal-anzjani li jiġu pproċessati huma skont l-istandards regolatorji dwar Servizzi Residenzjali għall-Anzjani.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-minimum requirements li jrid ikollha kull dar tal-anzjani? X’inhi l-bed occupancy vs il-health carer ratio?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li r-requirements li jrid ikollha kull dar tal-anzjan huma msemmija fl-istandards soċjali regolatorji dwar Servizzi Residenzjali għall-Anzjani kif ukoll li huma msaħħa bl-Avviż Legali L.S. 582.16.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8307 jista' l-Ministru jkun aktar ċar u jgħid kemm qed jiswa s-servizz li qed jingħata mit-tliet kuntratturi fiċ-Ċentru Servizz Anzjan fi Triq ir-Repubblika, fir-Rabat, Għawdex?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu, li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, għadux jokkupa l-pożizzjoni ta’ Junior Lawyer fi ħdan is-Social Care Standards Authority?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament m’għadux jokkupa l-pożizzjoni ta’ Junior Lawyer fi ħdan l-Awtorità.
Ħlas għall-kiri ta' sodod fi djar tal-anzjani privati
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7980, jista' l-Ministru jgħid jekk kull sodda illi qed tiġi mikrija mill-privat hux tingħata għall-istess prezz jew inkella l-prezz ivarjax bejn dar tal-anzjani u oħra?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba li din hija kummerċjalment sensittiva.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7272, jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport kriminali sar mal-Pulizija mill-Permanent Secretary tiegħu fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7272.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva — emails mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-emails b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali li rċieva l-Ministeru tiegħu u l-entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar, Frar u Marzu 2023?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jgħoddu l-istess prinċipji msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu numru 7133.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-djar tal-anzjani, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat, hux kollha għandhom servizz ta' tobba stand by (general practitioners)? Fil-każi fejn dan is servizz mhux ipprovdut, x'sistema tintuża u min iħallas jekk ikun hemm il-ħtieġa ta' tabib?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-djar tal-anzjani tal-Gvern għandhom tobba li jattendu fuq bażi regolari.
Il-kuntratti ġodda u dawk li qegħdin jiġu mġedda ma’ djar tal-anzjani privati fejn hemm is-sodod mixtrija, jirrikjedu li jkun hemm servizz ta’ tabib il-ġimgħa kollha bejn it-tmienja ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ filgħaxija.
Id-djar li għadhom mhumiex koperti b’dan is-servizz, ir-resident jista’ jitlob għal tabib miċ-ċentru tas-saħħa li huwa bla ħlas jew jitlob għat-tabib privat tiegħu fejn iħallas ir-resident stess tas-servizz.
Anzjani li joqogħdu fid-Djar tal-Anzjani privati — ħlas ta' servizzi u/jew oġġetti
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema servizzi jew oġġetti huma obbligati li jħallsu għalihom l-anzjani meta jkunu qed joqogħdu fi djar tal-anzjani privati, u dan minkejja li meta jkunu hemm rikoverati titteħdilhom parti sostanzjali mill-pensjoni tagħhom?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull anzjan/a li j/tiġi ammess/a ġewwa dar tal-anzjani tal-Gvern jew f’Dar fejn hemm sodod mixtrija mill-Gvern fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, jiġi mogħti fuljett fejn hemm jinforma ruħu bid-drittijiet li wieħed igawdi minnhom.
Dan il-fuljett qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li qed jipprovdi l-ħaddiema fiċ-Ċentru Servizz Anzjan f'Għawdex? Jista' jgħid jekk dan il-kuntratt ingħatax permezz ta’ tender jew direct order? Jista' jgħid kemm hu l-valur ta' dan il-kuntratt?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji dwar il-kuntratti tal-ħaddiema fiċ-Ċentru Servizz Anzjan fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat, Għawdex huma kif ġej:
Grad
Kuntrattur
Tender/Direct order
Valur tal-kuntratt
Clerk
Signal 8 Security Services Ltd
Tender
€2,248,881 għal tliet snin għall-entitajiet kollha tal-AAKK
Cleaner
X Clean
Direct Order
€1,356,783.78 għal sena għall-entitajiet kollha tal-AAKK*
Security Officer
Signal 8 Security Services Ltd
Tender
€370,939.72 għal erba’ snin għall-entitajiet tal-AAKK f’Għawdex **
*Din hi direct order għal sena minħabba li t-tender għadu ma ntrebaħx għax qiegħed fil-proċess ta’ appell.
** Dan il-kuntratt għadu kemm ingħata u bħalissa qegħdin fil-proċess ta’ Transfer of Business bejn il-kuntrattur il-ġdid u l-kuntrattur li kien hemm qabel.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità — konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti preżenti li qed jagħtu servizzi ta' konsulenza lill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u lid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità? Jista' jagħti dettalji dwar kull servizz li qed jingħata minn kull konsulent, kemm hu t-terminu għal kull konsulenza u kemm qed jitħallas kull konsulent għal dan is-servizz?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm tmien konsulenti li qed jagħtu s-servizzi tagħhom ta’ kunsulenza kif indikat fit-tabella annessa.
Isem
Terminu
Paga fis-sena
Alex Attard
Sena (Part time 10 hrs)
€9,397.50
Stefano Buontempo
Tliet snin
€40,967
Justyne Caruana
Tliet snin (Part time 20 hrs)
€20,483.50
Mario Azzopardi
Sena (Part time 30 hrs)
€29,235.17
Marvin Formosa
Sena (Part time 15 hrs)
€14,096.25
Ronald Vassallo
Sena (Part time 10 hrs)
€8,451.50
Warren Grech
Sena (Part time 15 hrs)
€12,677.25
Carmen Dalli
Sena (Part time 20 hrs)
€18,795
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Nursing Aides f’San Vinċenz de Paul u kemm minnhom huma Maltin u kemm barranin?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Carers (li qabel kienu magħrufa bħala Nursing Aides) ingaġġati direttament ma' San Vinċenz de Paul jew mal-kuntrattur hemm total ta' 1,167. Minn dawn, hemm 406 li huma Maltin u 761 li huma barranin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani f’residenzi privati għall-anzjani?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hemm 4,321 anzjan f’residenzi privati għall-anzjani li 633 minhom huma fi djar li huma parzjalment privat u parzjament mal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn postijiet f'Malta u Għawdex li joffru night shelters għall-anzjani u kemm huwa n-numru ta' anzjani li jagħmlu użu minn dan is-servizz?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għoti tas-servizz hu fluwidu ħafna. Sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija hemm 13-il persuna anzjana li qed jagħmlu użu minn wieħed mit-tmien postijiet li joffru servizz ta’ night shelter, sebgħa f’Malta u wieħed f’Għawdex. Waqt li jien informat li dawk li qed jagħmlu użu mis-servizz bħalissa u oħrajn li jużawh perjodikament jixtiequ li jkomplu jgawdu minnu, fl-aħħar ġimgħat tnediet kampanja biex iżjed anzjani jkunu mgħarrfin bih. B’hekk inkomplu noffru appoġġ lil dawk li jixtiequ jibqgħu jgħixu fil-komunità, anke b’iżjed serħan tal-moħħ matul il-lejl.
Ta’ min jirrimarka wkoll li l-Ministeru għall-Anzjanità Attiva joffri servizzi oħrajn ta’ wens u serħan tal-moħħ, li jistgħu wkoll ikunu ffavoriti fuq in-night shelters. Dawn jinkludu s-servizz tal-Carer at Home, dak ta’ Respite u ħafna oħrajn.
Residenza San Vinċenz de Paul – nurse-to-patient ratio
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi n-nurse-to-patient ratio fir-Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nurse-to-patient ratio jiddependi mill-bżonnijiet u l-funzjonijiet partikulari ta’ kull sala, għaldaqstant ir-ratio jvarja minn sala għal sala. L-ebda sala ta’ madwar 32 sodda ma jkollha inqas minn charge nurse wieħed, 2 infermiera u sitt carers matul il-ġurnata u infermier u tliet carers matul il-lejl.