Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Far, Wied Fulija, Ħal Blandun u Benghisa — New water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser ikun imwassal in-New Water fiż-żoni ta' Ħal Far, Wied Fulija, Ħal Blandun u Bengħisa u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta tad-distribuzzjoni ta' dan l-ilma f'dawn l-inħawi, kif ukoll project plan li jelenka lista tax-xogħlijiet li għad baqa' jsiru relatati mad-distribuzzjoni tan-new water? Tista’ tgħid ukoll sa meta dawn ix-xogħlijiet ser isiru f'dawn iż-żoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett li se jitwettaq fiż-żoni msemmija se jkun maqsum f’fażijiet, fejn kull żona li jsiru x-xogħlijiet fiha t-triq tiġi asfalatata malli jitlesta t-tqegħid ta’ mejnijiet u tal-fibre optic, kif ukoll isiru t-testijiet meħtieġa. Il-proġett fit-totalità tiegħu huwa mmirat li jitlesta lejn l-aħħar tal-2026. Sussegwentement il-bdiewa jkunu jistgħu jagħmlu użu min-New Water fil-bidu tas-sena 2027.

Il-Belt, Valletta — Triq il-Lanċa - Proġett ta’ upgrading of pavements and parking areas - Nefqa

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm suppost sewa u kemm ġie jiswa l-proġett ta’ upgrading of pavements and parking areas fi Triq il-Lanċa, il-Belt, Valletta, li d-dettalji dwaru qed jingħataw f’ritratt separatament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-valur tal-proġett li qed issir referenza għalih, li twettaq mill-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC), huwa stmat għal ftit inqas minn €1.2 miljun.

Ħitan tas-sejjieħ – Flus ivvutati għall-manutenzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm flus ivvutati għall-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ mill-2004 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena u xi pjanijiet kien hemm biex jiġi ppreservat dan il-patrimonju rurali Malti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impenn tal-Gvern favur il-ħarsien tal-ħitan tas-sejjieħ bħala patrimonju rurali Malti, iżda wkoll bħala fattur importanti f’kull inizjattiva ta’ konservazzjoni u riabilitazzjoni ta’ siti naturali jidher ċar mill-investiment li sar f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin. Dik li qabel, fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, kienet biss taqsima ċkejkna ffukata fuq ir-restawr tal-kampanja, illum żviluppat f’dipartiment organizzat bl-isem ta’ Ambjent Malta, filwaqt li, fejn jirrigwardja x-xogħlijiet fil-widien, hemm ukoll l-involviment sinifikanti tal-Aġenzija Project Green. Fost il-proġetti li twettqu f’dawn l-aħħar snin, wieħed jista’ jsemmi r-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ fil-Buskett, inklużi l-ħnejjiet ta’ Wied il-Luq. Dan kien proġett b’investiment ta’ kważi €1.9 miljun b’kofinanzjament taħt il-programm Life+ tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, fejn tidħol konservazzjoni rurali, taħt il-vot kapitali ta’ Ambjent Malta, fl-aħħar ħames snin ġew ivvutati €945,000 biex isiru numru ta’ proġetti li jinkludu t-tiswija u l-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ. Fost iż-żoni fejn qed isiru x-xogħlijiet bħalissa wieħed jista’ jsemmi l-masġar taż-żebbuġ fil-Bidnija, l-Aħrax tal-Mellieħa, il-Buskett, il-Miżieb, Kemmuna, Għar Ħasan u Wied Inċita. Min-naħa l-oħra, fid-Dipartiment Parks Malta li llum ġie assorbit mill-Aġenzija Project Green, fl-aħħar erba’ snin ġew ivvutati mal-€525,000 li permezz tagħhom ġew iffinanzjati xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni u manutenzjoni ta’ spazji miftuħa u widien, inkluża l-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ. Inżid li minbarra l-impenn tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir hemm ukoll Ministeri oħrajn li qed jagħtu sehem importanti f’dan il-qasam. Fosthom hemm il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippajanar li permezz ta’ fondi agrikoli Ewropej li laħħqu iktar minn €10 miljun irrestawraw u bnew mill-ġdid ħitan tas-sejjieħ madwar Għawdex kollu, kif ukoll il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Publiċi fejn uħud mill-proġetti ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq li saru minn Infrastructure Malta kienu jinkludu wkoll il-bini ta’ kilometri sħaħ ta’ ħitan tas-sejjieħ. Għal individwi li jixtiequ jagħmlu xogħlijiet ta’ restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ, hemm ukoll skemi ta’ għajnuna ffinanzjati mill-fondi agrikoli Ewropej.

Il-Gżira — Triq San Albert - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi se jieħdu l-awtoritajiet ikkonċernati dwar ix-xogħol li ma sarx skont is-sengħa tal-bini fi Triq San Albert, il-Gżira, u ċjoè xogħol ħażin f’wiċċ it-triq meta saru xogħlijiet fuq cables ta’ taħt l-art, b’konsegwenza ta’ inkonvenjenza għar-residenti tal-istess triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din it-triq sar tqegħid ta’ cables ġodda biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’din iż-żona. Ix-xogħlijiet huma kompluti u t-triq reġgħet ingħatat l-asfalt skont ir-rekwiżiti tal-permess maħruġ minn Transport Malta. Waqt li kien qed isir l-asfalt il-Periti ta’ Enemalta nnutaw xi nuqqasijiet u l-kuntrattur responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet indirizzahom.

Ix-Xewkija Għawdex – Playing Field tal-Barmil — Proġett ta’ Eco Park

Question

Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni dwar il-proġett ta' Eco Park li kien imwiegħed li kellu jsir mill-Ministeru tagħha fl-area tal-Playing Field tal-Barmil fix-Xewkija, Għawdex? Tista' tgħid ukoll meta hu maħsub li jinbeda u jitlesta dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nħareġ il-permess mill-Awtorità għall-Ippjanar għall-proġett tal-Eco Garden fix-Xewkija, li se jsir minn Project Green. Tlesta wkoll l-abbozz tas-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet rispettivi, li mistenni joħroġ fiż-żmien li ġej. Huwa mmirat li l-proġett jitlesta lejn nofs is-sena li ġejja.

Għawdex – kampjuni għall-istudju tal-kwalità tal-arja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il post hemm f'Għawdex fejn bħalissa qed jittieħdu kampjuni tal-arja biex tiġi studjata l-kwalità tal-arja? Tista' tgħid fl-aħħar sitt xhur kemm-il darba ttieħdu kampjuni tal-arja miċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex u b'mod partikolari minn Triq ir-Repubblika? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati ta' dawn il-kampjuni li ttieħdu?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) timmaniġġja netwerk li jimmonitorja l-kwalità tal-arja f’Malta u Għawdex. F’Għawdex hemm ħdax-il lokalità li minnhom jittieħdu kampjuni tad-diossidu tan-nitroġenu (nitrogen dioxide) u l-komposti organiċi volatili (bħal benżin) kull erba’ ġimgħat, kif ukoll hemm stazzjon ta’ monitoraġġ kontinwu li hu lokalizzat fl-Għarb. Fir-rigward tal-kampjuni tal-arja miċ-ċentru tar-Rabat Għawdex, inkluż Triq ir-Repubblika, dawn jittieħdu bl-istess frekwenza tan-netwerk kollu, iġifieri kull erba’ ġimgħat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bir-riżultati tal-aħħar sitt xhur disponibbli għal Triq ir-Repubblika u nispjega li l-analiżi ssir f’laboratorju barra l-pajjiż u huwa proċess li jieħu ftit taż-żmien.

Ħitan fil-kampanja

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti/studji xjentifiċi li saru biex ġie stabbilit li xogħlijiet bil-konkos/blajjet kbar minflok ħitan tas-sejjieħ ma jħallux impatt diżastruż fuq il-mekkaniżmu naturali tal-idroloġija, kemm fil-widien u fl-irdumijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, m’iniex infurmata b’xogħol li sar minn entitajiet tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir b’sistemi li qed issir riferenza għalihom fil-mistoqsija u l-unika ċirkostanza fejn jintuża blat kbir naturali tkun għall-kontroll tal-aċċess f’żoni riabilitati. Dan jintuża b’mod li ma joħloq l-ebda dannu għall-idroloġija jewl-ambjent ġenerali tas-sit. Madankollu jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi każ speċifiku, nitolbu jgħaddili d-dettalij preċiżi sabiex nitlob li jsiru l-verifiki meħtieġa.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Promozzjonijiet/żidiet fl-iskali tal-ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il promozzjoni jew żieda fi skala ngħatat lill-ħaddiema fil-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha mill-1 ta' Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema grad/skala kienu dawn il-ħaddiema u f'liema grad/skala tpoġġew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-promozzjonijiet li jingħataw u anke l-career progressions, huma kollha skont dak miktub fis-sectoral agreements, u anke l-collective agreements applikabbli. Is-sejħiet huma dawk standard li jinħarġu kif approvati ċentralment u jirriflettu l-ftehim rispettivi.

Ħal Balzan — Triq it-Tliet Knejjes - Ħsarat lil djar u residenzi privati waqt xogħlijiet mill-WSC

Question

Peress li saru diversi ħsarat lil djar u residenzi privati fi Triq it-Tliet Knejjes f'Ħal Balzan, waqt li qegħdin isiru xogħlijiet fit-tali triq mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), tista' l-Ministru tgħid x'ser ikun qed jagħmel il-Ministeru biex jassigura li tali ħsarat ma jsofruhomx ir-residenti? Tista' tgħid ukoll jekk hijiex f'komunikazzjoni mal-Kunsill Lokali dwar dan kollu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-kuntrattur responsabbli mit-twettiq tax-xogħlijiet indikati ġie infurmat u se jkun qed jerfa’ r-responsabbiltà billi jsewwi l-ħsarat li saru f’żewġ residenzi, filwaqt li l-Kunsill Lokali infurmat dwar dan.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Impjegati u/jew konsulenti li huma f’Kunsill lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-impjegati u/jew konsulenti fis-Segretarjat Ministerjali tagħha jew ta' kwalunkwe Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tagħha, li huma Kunsilliera Lokali, Viċi Sindki jew Sindki? Tista' f'kull każ tgħid x'inhu l-impjieg u r-rwol tagħhom, x'kuntratt għandhom, u x'inhu s-salarju u l-perkaċċi marbutin miegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Segretarjat Ministerjali hemm tliet impjegati li huma Kunsilliera Lokali.

Fish farms — Ksur tar-regoli ambjentali

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi informazzjoni dwar in-numru u n-natura ta’ ksur tar-regoli ambjentali li nstabu fl-operat tal-fish farms mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kif ukoll l-azzjonijiet li ttieħdu fil-konfront tal-operaturi għal kull offiża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21093.

Fish farms — Spezzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid b’liema frekwenza jsiru spezzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti fid-diversi fish farms fl-ibħra tal-gżejjer Maltin fejn isiru testijiet biex tiġi assigurata s-saħħa pubblika?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandha pjan ta’ spezzjonijiet kuljum fuq fish farms matul il-perjodu ta’ operazzjoni, ovvjament sakemm iċ-ċirkostanzi jippermettu. Dan biex tiġi assigurata konformità mal-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali. Rigward aspetti ta’ saħħa pubblika, nitlobha biex tirreferi dik il-parti tal-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Barrieri — Miżuri għal tnaqqis tal-emissjonijiet tat-trab

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’regolamenti japplikaw u x’miżuri hemm fis-seħħ biex jitnaqqsu u jkunu kkontrollati l-emissjonijiet tat-trab mill-barrieri u tagħti informazzjoni dwar l-infurzar li jsir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontroll ta’ trab fil-barrieri huwa suġġett għal kundizzjonijiet fil-permessi ambjentali ta’ barrieri li huma fis-settur tar-riċiklaġġ tal-iskart mill-industrija tal-kostruzzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet tat-trab isiru fuq permessi li jirriċiklaw il-materjal tal-kostruzzjoni peress li dan jiġġenera t-trab. Il-miżuri jinkludu għata fuq crushers fil-punt fejn jitferra l-materjal, tixrib ta’ munzelli, tixrib tar-roti tal-vetturi, knis ta’ uċuħ interni u kundizzjonijiet biex jintuża materjal li jtaffi l-emissjonijiet ta’ trab fir-rampi tal-barrieri. F’każ ta’ rjiħat qawwija, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) twaqqaf lill-operaturi tal-barrieri li jiġu rappurtati li qed jaħdmu b’manjiera li żżid id-dispersjoni tat-trab.

Stop and Compliance — Ordnijiet maħruġa mill-ERA

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu ordnijiet ta’ ‘Stop and Compliance’ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-għodda ta’ Ordni ta’ Waqfien u Konformità hija biss waħda mill-għodod li għandha l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għad-disponabbilità tagħha, imma hemm ukoll Multi Amministrattivi. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bl-azzjonijiet meħuda mill-Awtorità.

Ħ’Attard — Ġonna ta' San Anton - Pjanijiet ta’ Project Green

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet ta’ Project Green għall-Ġonna ta' San Anton, f’Ħ’Attard?

Response (DALLI, MIRIAM)

Project Green għamlet valutazzjoni bir-reqqa biex jiġu determinati l-interventi meħtieġa biex jiġu kkonservati l-Ġonna ta’ San Anton. Il-ġonna, l-istrutturi, il-ħitan, l-arkitettura, u l-mogħdijiet huma fil-bżonn ta’ manutenzjoni, restawr u konservazzjoni. Barra minn hekk, se jkun hemm tibdil tal-istrutturi tal-gaġeġ tal-għasafar u tal-konservatorju filwaqt li jinżamm l-użu oriġinali tagħhom. L-għan huwa li tiġi konservata l-arkitettura eżistenti, tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-ġnien, u tiġi żgurata esperjenza sabiħa u sigura għall-użu tal-pubbliku. Ix-xogħlijiet se jiġu esegwiti f’fażijiet, fejn l-aċċess pubbliku se jinżamm miftuħ f’żoni li mhumiex se jiġu restawrati u jiġi ristrett l-aċċess fejn ix-xogħol ikun għadu għaddej. Kull fażi se tirrestawra sezzjoni tal-ġnien, li terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku kif titlesta. Filwaqt li diġà nħareġ il-permess għall-konservazzjoni tal-mogħdijiet, l-arkitettura u l-ħitan, għadu għaddej il-proċess għall-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar fejn jirrigwarda l-gaġeġ u l-konservatorju.

Il-Magħtab — Investiment dirett jew indirett

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-investiment dirett jew indirett fil-miżbla tal-Magħtab mill-2004 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena? Tista’ tgħid ukoll kemm kien l-iżvilupp dirett ħolistiku fl-istess miżbla matul l-aħħar 20 sena, maqsuma sena b'sena u kemm kien l-iżvilupp indirett ħolistiku fil-miżbla tal-Magħtab fil-perjodu msemmi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Mill-2010 sal-lum sar investiment ta’ €128,109,880 fi ħdan il-kumpless ECOHIVE. Il-Gvern qed ikompli jinvesti f’dan is-settur aktar minn €500 miljun fil-proġett ECOHIVE li jinkludi l-Waste to Energy Plant, Organic Processing Plant, Thermal Treatment Plant, Skip Management Facility u l-Material Recovery Facility li kollha jikkontribwixxu għall-ekonomija ċirkolari ta’ Malta kif ukoll biex jintlaħqu l-miri ambjentali ta' pajjiżna, li jinkludu li nnaqqsu r-rata ta’ landfilling sa 10%. Il-Gvern qed jaħdem bla heda u jinvesti b’mod sostanzjali fil-kumpless ECOHIVE biex il-pajjiż ma jibqax jiddependi fuq il-miżbliet. Infakkar li għal għexieren ta’ snin, amministrazzjoni wara oħra ħadet meded kbar ta’ art agrikola biex imtlew b’muntanji ta’ żibel. Dan mhux sostenibbli u għalhekk qed isir dak kollu possibbli, kemm f’dak li huwa investiment kif ukoll b’policies ġodda, biex Malta tagħmel transizzjoni sħiħa lejn l-ekonomija ċirkolari. Il-kumpless tal-Magħtab xorta jinkludi diversi miżbliet: tal-Għallis u taż-Żwejra li huma engineered landfills, u l-miżbla tal-Magħtab li għalkemm ilha dekommissjonata minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, għadha toħloq diversi impatti minħabba l-mod bla ħsieb ta’ kif kienet ġestita fil-passat. F’dawn l-aħħar snin, biex ma tittiħidx art agrikola, ġiet skavata miżbla antika b’mod vertikali, li kienet saret wara l-2004, u dan biex jiġi massimizzat il-volum, kif ukoll biex ma tibqax tittieħed aktar art agrikola kif kien isir qabel.

Ġnien Bormla — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Ġnien Bormla u meta ser jiġi finalizzat kif ukoll kemm ser jiġi jiswa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qed nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-proġett tar-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Kottoner f’Bormla li qed isir minn Project Green. Ninfurmah li dan il-proġett huwa maqsum f’żewġ fażijiet u l-istima preliminari tiegħu hija ta’ madwar €2 miljun u huwa mmirat li jitlesta fl-2026. L-ewwel fażi li qed tiġi mwettqa bħalissa tinvolvi l-bini ta’ ċnut ġodda madwar il-ġnien kollu biex imbagħad jitwaħħal fence fuqhom. Sadattant, l-applikazzjoni għax-xogħlijiet marbuta mat-tieni fażi tinsab quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex tiġi proċessata u anke qed jiġi mħejji t-tender. Il-proposta għat-tieni fażi għandha l-għan li tiżviluppa spazju storiku u masġar, f’park attiv f’Bormla. Dan il-park mistenni jindirizza interessi diversi fi ħdan il-komunità lokali u lil hinn minnha, filwaqt li jixpruna r-rikreazzjoni fil-beraħ u l-għarfien ambjentali. Fost il-karatteristiċi proposti hemm mogħdijiet disinjati għall-użu rikreattiv tar-rota, kif ukoll spazji għall-annimali u logħob għat-tfal. It-tieni fażi se tinkludi wkoll tħawwil ta’ diversi siġar u arbuxxelli ġodda kif ukoll sistema ta’ irrigazzjoni biex jissaqqew is-siġar u l-pjanti.

Miżuri — Fawran tad-drenaġġ fil-bajjiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’miżuri qed jittieħdu biex ma jibqax ikun hemm fawran tad-drenaġġ fil-bajjiet madwar Malta u Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma kienx hemm fawran f’bajjiet li kien ikkawżat min-network tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. L-unika każ li kien relatat seħħ fil-bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa u kien ikkawżat minn xugaman li wassal għal imblokk ġo mejn li sussegwentament ikkawża overflow. Il-Korporazzjoni għamlet rapport lill-Pulizija għal iktar investigazzjoni fuq dan il-każ. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tassigura li ssir manutenzjoni regolari tas-sistemi tagħha kif ukoll tara li d-drains jinżammu nodfa.

Barrieri – Monitoraġġ tal-Emissjonijiet tat-trab

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-livelli tal-emissjonijiet tat-trab mill-barrieri jkunux immonitorjati? Jekk iva, tista’ tagħti dettalji tekniċi dwar il-proċedura ta’ monitoraġġ, bħal pereżempju d-distanzi tal-air samplers jew monitors mill-barriera, in-numru ta’ receptors, u jekk il-livelli ta' emissjonijiet humiex skont il-parametri stabbiliti fid-direttivi relevanti tal-Unjoni Ewropea? Tista’ tgħid ukoll jekk il-figuri miksuba mill-monitoraġġ jintbagħtux lill-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-netwerk ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja immaniġġjat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mhux immirat biex jistudja sorsi speċifiċi bħal barrieri. Huwa iżjed immirat biex ikejjel il-kwalità tal-arja tal-madwar hekk kif speċifikat fid-Direttiva rilevanti tal-Unjoni Ewropea u l-liġi nazzjonali. Għalhekk ma jsirx monitoraġġ tat-trabijiet mill-barrieri speċifikament. Għadd ta’ barrieri eżistenti huma koperti b’liċenzji jew permessi li kienu diġà fis-seħħ qabel ma daħlet fis-seħħ is-sistema tal-permessi ambjentali. Meta l-ERA tkun qed tipproċessa applikazzjonijiet għal operat fil-barrieri li jinvolvi r-riċiklaġġ ta’ materjal inert, jintalab pjan b’miżuri biex jittaffew it-trabijiet. Dan biex ikun hemm kontrolli xierqa għal kull barriera individwali. Dan it-tip ta’ dokument ma jintalabx jekk l-operat ikun limitat biss għal tqattigħ jew skavar ta’ blat u/jew irdim ta’ darba biex timtela l-barriera, imma xorta jiddaħħlu kundizzjonijiet li jobbligaw lill-operatur li jaħdem b’mod li jrażżan it-tqanqil ta’ trab (per eżempju billi jixxarrbu r-roti tal-vetturi li jkunu ħerġin mill-barriera). Il-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali jagħtu wkoll lill-Awtorità s-setgħa li tesiġi t-twaqqif tal-operat f’każ ta’ riħ qawwi jew sakemm l-operatur iħaddem miżuri adegwati f’każ li l-operat ikun qed jiġġenera wisq trab. L-ERA tagħmel spezzjonijiet regolari f’dawn il-barrieri biex tiżigura li l-pjan approvat qed jitwettaq, u tieħu l-passi meħtieġa f’każ li jinstab li jkun hemm xi nuqqasijiet biex dawn jiġu indirizzati.