Legislature:
Category:
Reset
Active:

Segretarjat għall-Indafa Pubblika – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Indafa Pubblika, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Novembru 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Buġibba - Triq ix-Xitwa u Triq San Xmun/Rebbiegħa - Main tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-parti tal-main tad-drenaġġ li qiegħed fuq il-front ta’ Buġibba, bejn Triq ix-Xitwa u Triq San Xmun/Rebbiegħa, tiġi rranġata qabel ma tinfetaħ il-pjazza ta’ Buġibba, peress li fil-linja tal-main tad-drenaġġ it-triq hi mniżżla bosta ċentimetri, u hi ta’ periklu għal min juża din it-triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-imsemmi mejn tad-drenaġġ li jinsab fuq in-naħa li tagħti għall-baħar huwa mpoġġi ħafna ’l isfel mil-livell tat-triq u li mhux qed jaffettwa l-livelli msemmija.  Fuq in-naħa tal-oħra tat-triq fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mbagħad għandha l-gravity network saret spezzjoni permezz ta’ CCTV qabel ma nbeda l-proġett ta’ Buġibba u ma rriżulta l-ebda effett fuq il-wiċċ tat-triq.  Għaldaqstant, l-infrastruttura tal-Korporazzjoni mhi qed tikkawża l-ebda effett fuq il-wiċċ ta’ din it-triq.

Kosta tan-Naxxar - Slielem

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm slielem twaħħlu tul il-kosta tan-Naxxar matul is-sena 2025 u liema huma s-siti li fihom tpoġġew dawn is-slielem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li matul l-2025, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ħadet ħsieb li twaħħal 10 slielem tul il-kosta tan-Naxxar. Żewġ slielem twaħħlu s-Salina, wieħed fl-inħawi tal-Magħtab u 7 f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Kosta tal-Imġarr, Malta - Slielem

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm slielem twaħħlu tul il-kosta tal-Imġarr, Malta matul is-sena 2025 u liema huma s-siti li fihom tpoġġew dawn is-slielem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li matul l-2025, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ħadet ħsieb li twaħħal 2 slielem tul il-kosta tal-Imġarr. Dawn twaħħlu fil-bajja tal-Ġnejna.

Kosta tal-Mellieħa - Slielem

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm slielem twaħħlu tul il-kosta tal-Mellieħa matul is-sena 2025 u liema huma s-siti li fihom tpoġġew dawn is-slielem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li matul l-2025, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ħadet ħsieb li twaħħal 30 sellum tul il-kosta tal-Mellieħa. Minn dawn is-slielem, 3 twaħħlu ċ-Ċirkewwa, 6 l-Armier, 18 l-Għadira u 3 fiż-żona ta’ Santa Maria Estate.

It-triq bejn Ir-Rabat u Ħad-Dingli – Pillars

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ser ikunu qed isiru pillars (toqob fondi li mbagħad jingħaqad bejniethom) fit-triq prinċipali bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li dawk li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant teknikament huma magħrufin bħala xaftijiet u li minnhom se jsiru total ta’ 27 xaft.

It-triq bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli – Proġett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’fadal isir fil-proġett tat-triq prinċipali bejn ir-Rabat Malta, u Ħad-Dingli? Fid-dawl li qed idum iktar milli kien ippjanat, tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25864, ninsab infurmata li x-xogħol fuq il-proġett miexi kif ippjanat.

Il-Magħtab - Ilmenti dwar irwejjaħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-miżuri li l-Ministeru qiegħed jieħu biex jiġu indirizzati ilmenti minn residenti fil-Magħtab dwar irwejjaħ ta’ skart u trab li joħorġu mill-impjant tal-iskart?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 2120.

Wind farms - Proġett

Question

Tista’ l-Ministru tagħti update ta’ fejn wasal il-proġett tal-wind farms?  Tista’ tgħid ukoll x’inhuma t-timeframes għat-twettiq ta’ dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li, wara l-pubblikazzjoni tal-Kwestjonarju ta’ Kwalifika Preliminari (PQQ) f’Diċembru 2024, kienu sottomessi tliet offerti f’Lulju 2025. Bħalissa, l-evalwazzjoni ta’ dawn l-offerti, li tinkludi wkoll stadju ta’ due diligence, għadha għaddejja u mistennija li titlesta aktar tard din is-sena. Il-kandidati li jintgħażlu mbagħad ikunu mistiedna jipparteċipaw fl-istadju li jkun imiss, dak ta’ djalogu kompetittiv, li mbagħad iwassal għat-tielet stadju li huwa dak tal-Aħjar u l-Aħħar Offerta (Best and Final Offer).  Dan iwassal għall-għażla ta’ dak l-iżviluppatur li se jkun responsabbli għall-bini, it-tħaddim u l-immaniġġjar tal-farm tar-riħ taħt ftehim ta’ konċessjoni ta’ 35 sena, kif ukoll taħt Kuntratt għad-Differenza (Contract for Difference) ta’ 25 sena. Il-proċedura ta’ djalogu kompetittiv hija mistennija li tiġi konkluża sal-2028, sakemm ma jkunx hemm xi dewmien mhux previst. Wara l-iffirmar tal-kuntratt, din it-tip ta’ infrastruttura normalment tieħu mill-inqas ħames snin biex titwettaq, u għalhekk nistennew li l-farm tar-riħ jidħol fis-servizz bejn wieħed u ieħor lejn is-sena 2033/2034. Barra minn hekk, l-iżviluppatur magħżul se jkun ukoll responsabbli għall-kostruzzjoni, t-tħaddim u l-manutenzjoni tas-Sistema ta’ Konnessjoni mal-Grid (Grid Connection System – GCS), li se tkun proprjetà tal-Gvern. Din tinkludi substation offshore u sistema ta’ cables għall-esportazzjoni tal-enerġija mill-farm għal Malta. F’Novembru 2025, il-proġett tal-GCS ġie aċċettat għall-inklużjoni fil-Pjan ta’ għaxar snin tal-Unjoni Ewropea dwar l-Iżvilupp tan-Network tal-Enerġija.  B’hekk dan il-proġett sar eliġibbli bħala kandidat fil-lista tal-Proġetti ta’ Interess Komuni (PCI) tal-UE għall-2027 u bis-saħħa t’hekk ikun ukoll eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Connecting Europe Facility.  Din tkun opportunità tajba ħafna biex jinkiseb appoġġ finanzjarju importanti għall-implimentazzjoni tal-proġett. Dan il-proġett jirrappreżenta pass importanti lejn il-mira tagħna li nkunu pajjiż newtrali għall-karbonju sal-2050, filwaqt li jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna.

San Ġiljan u s-Swieqi - Ħruġ ta’ skart barra mill-iskeda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni nqabdu mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li ħarġu skart barra mill-iskeda fil-lokalitajiet ta’ San Ġiljan u s-Swieqi separatament, minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?  Tista’ tgħid ukoll kemm inħarġu multi u kemm kienu jammontaw?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward tal-infurzar tal-iskeda Nazzjonali għall-Ġbir tal-Iskart, bejn l-1 ta’ Mejju 2024 u l-31 ta’ Diċembru 2025, l-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qabdu 227 persuna fil-lokalità ta’ San Ġiljan u fl-istess perjodu nħarġu 179 multa li jammontaw għal €27,400. Fl-istess perjodu, fis-Swieqi nqabdu 85 persuna u nħarġu 48 multa li jammontaw għal €7,200. Amministrattivament hemm proċess biex jinħarġu l-multi, allura, l-figuri ta’ kemm inqabdu persuni u l-figuri tal-multi li nħarġu ma jikkorrispondux minħabba li l-proċess amministrattiv jieħu ammont ta’ ġranet li jista’ anke jtawwal għal ġimgħat biex jiġi konkluż, minħabba li f’ċerti istanzi jkun hemm bżonn iktar informazzjoni biex tkun tista’ tinħareġ multa. Il-figuri mogħtijin jinkludu persuni li nqabdu joħorġu l-iskart kemm fil-ħin ħażin, fil-ġurnata l-ħażina kif ukoll ma’ ġenb xi skip jew kontenitur tal-iskart ieħor. Jinkludu wkoll persuni li ħarġu l-borża s-sewda mhux separata b’mod korrett u għalhekk ingħataw ittra ta’ twissija biss.

Triq Ħad-Dingli - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 33776 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u tagħti indikazzjoni meta ser jitlesta x-xogħol fi Triq Ħad-Dingli, it-triq li twasslek mir-Rabat għal Ħad-Dingli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25864, ninsab infurmata li x-xogħol fuq il-proġett miexi kif ippjanat.

ARMS - Kontijiet - Audit indipendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min qed jagħmel l-audit indipendenti fuq is-sistema tal-kontijiet tal-ARMS u x’inhuma t-terms of reference ta’ dan l-audit?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li l-kumpanija li tqabbdet mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika hija l-kumpanija tal-awditjar Grant Thornton Malta. L-għan tal-audit hu li b’mod indipendenti jistabbilixxi dak kollu li seħħ u r-rispons għalih, kif ukoll li jipprovdi rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni, bil-għan li finalment ikomplu jissaħħu s-sistemi ta’ governanza tal-ARMS. Nirreferi wkoll għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33754, fejn assigurajt ukoll li anke f’dan il-każ kulħadd jieħu dak li hu tiegħu.

ARMS - Qari tal-meters

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ meters li l-qari tagħhom jasal regolari b’mod awtomatiku għand l-ARMS?  Tista’ tgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ meters li l-konsumaturi jridu jagħtu l-qari tagħhom huma jew jistennew meter reader?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Rabat, Malta - Ta’ Buqana - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ katusi fit-triq li minn Ta’ Buqana, ir-Rabat Malta, tagħti għaċ-Chadwick Lakes, u jekk hux ser jingħata kumpens lill-bdiewa li fl-għelieqi tagħhom tħallew l-inġenji u l-materjal sakemm jitlestew tali xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-tqegħid tal-imsemmija katusi sar u bħalissa qed isir il-pressure testing tagħhom.

L-Imġarr, Malta – Nuqqas ta’ vultaġġ elettriku

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33578, tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-pjan u t-time frame biex tinstab soluzzjoni għall-vultaġġ għoli u baxx f’dawn it-toroq/żoni affettwati fl-Imġarr: Triq San Pietru; Triq il-Fuħħar l-Aħmar; Triq San Filippu; Triq Ċentinarju tal-Parroċċa; Triq Ras il-Ġebel; Triq Sir Harry Luke (speċjalment meta jkun mixgħul id-dawl tal-ground tal-football); Triq Sir Temi Zammit; Triq is-Saqwi; Triq Mons. O. Vella; Triq l-Iskorba; Triq l-Għelejjel; Triq A Deguara; Triq Żebbiegħ; Triq Dgħabien; Triq Mrejnu; Triq Dun Ġużepp Micallef; Triq Ġnien id-Dwieli; Triq is-Sebħ (iż-Żebbiegħ); Triq San Piju, Triq Vanilja u Triq Fisher?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena Enemalta ser tikkummissjona substation oħra fiż-żona tat-toroq indikati fil-mistoqsija, ninsab infurmata li fil-parti l-kbira tat-toroq imsemmija ma jirriżultax li fil-ġimgħat li għaddew kien hemm rapport dwar vultaġġ għoli jew baxx. Kif isir fuq kull rapport li jidħol għand l-Enemalta, t-timijiet tekniċi jieħdu azzjoni billi ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq l-infrastruttura eżistenti.

Reġjun Tramuntana - Ġbir tal-borża s-sewda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet il-ġabra tal-borża s-sewda għal dak li jikkonċerna l-lokalitajiet tar-reġjun Tramuntana matul l-2024 u l-2025, maqsuma sena b’sena, xahar b’xahar, u lokalità b’lokalità? Tista’ tgħid ukoll jekk dan l-ammont jinkludix ukoll il-ġbir li jsir mid-Dipartiment tal-Cleansing jew le, jekk jinkludix il-ġbir li jsir mill-bosta bins li hemm fil-lokalitajiet, kif ukoll il-ġbir li jsir mill-kenniesa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Din tinkludi l-ammonti tal-borża sewda u skips miġburin mil-lokalitajiet tar-Reġjun tat-Tramuntana permezz tal-kollettur jew kolletturi reġjonali tal-iskart, u ma jinkludux il-ġbir li jsir mill-Kunsilli Lokali permezz tal-kenniesa jew permezz tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni.

BCRS - Servizz ta’ ġbir minn wara l-bieb

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33139, dwar is-servizz ta’ ġbir minn wara l-bieb tal-BCRS, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu iktar lokalitajiet mat-32 lokalità li fihom qed jiġi pprovdut is-servizz ta’ ġbir ta’ kontenituri minn wara l-bieb? Jekk iva, liema huma l-lokalitajiet li ser jiżdiedu, u meta ser jiżdiedu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan is-servizz se jkun qed jiġi estiż gradwalment mal-pajjiż kollu sal-aħħar tas-sena.