Legislature:
Category:
Reset
Active:

EPRT – Deċiżjonijiet ta’ petizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm petizzjonijiet ġew deċiżi mill-Environment and Planning Review Tribunal (EPRT) mis-sena 2013 sal-2020?

Response (FARRUGIA, AARON)

Jien infurmat Ii bejn is-sena 2013 u 2020 ittieħdu 33 deċiżjoni fuq petizzjonijiet li ġew sottomessi quddiem dan it-Tribunal.

Kunsill Eżekuttiv Penali – deċiżjonijiet tal-petizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm petizzjonijiet ġew deċiżi mill-Kunsill Eżekuttiv Penali kuljum mill-avviżi ta’ infurzar skont Reg 6 tal-Avviż Legali 276 tas-sena 2012 mis-sena 2013 sal-2020?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata seduta oħra.

Bord tal-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent – approvazzjoni ta’ Nature Permit lill-individwu – minuti

Question

Jista' l-Ministru jippreenta l-minuti tal-Bord tal-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) fejn ġiet diskussa u deċiża l-approvazzjoni ta’ Nature Permit lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal-xogħlijiet ta' Road Surfacing u trenching fi Triq il-Bufula u Triq Panoramika Dingli?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – Segretarjat Parlamentari għall-Kostruzzjoni – Awtorità tal-Artijiet — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra min huma l-konsulenti mqabbda biex irendu servizz u/jew konsulenza lis-Segretarjat u/jew lil Awtorità tal-Artijiet mill-2016 sad-data tal-lum, għalxiex kienu hekk imqabbda, xi ħlas ingħataw, il-kopji ta’ kuntratti pertinenti u t-timesheets li ġew provduti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward tas-Segretarjat Parlamentari, l-informazzjoni mitluba kienet inkluża fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 19696. F’dak li jirrigwardja l-Awtorità tal-Artijiet, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Ippjanar – Pjan Lokali għal Għawdex – konsultazzjoni pubblika — sottomissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru lill-Awtorità tal-Ippjanar mill-pubbliku, dwar il-gżira ta’ Għawdex, bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika preliminari li saret mill-istess Awtorità bejn Lulju u Settembru tas-sena 2013 dwar il-Pjan Lokali għal Għawdex? Jista’ jgħid fiex wasal il-proċess iktar minn seba’ snin wara biex jiġu riveduti u ppubblikati l-Pjani Lokali l-ġodda għal Malta u Għawdex?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari bin-numru 8283. Il-proċess tar-reviżjoni tal-Pjan Lokali qed jipproċedi għalkemm ta’ min iżid illi l-Gvern beda ukoll reviżjoni tal-pjan strateġiku SPED f’Jannar ta’ din is-sena, u għalhekk il-proċess tar-reviżjoni tal-Pjani Lokali għandu jimxi skont l-istrateġija tal-iSPED il-ġdid.

Strateġija għal Kemmuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-istrateġija għal Kemmuna mħabbra fil-Baġit għas-sena 2017? Jista' jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Operattiv għal Kemmuna li ssemma fl-istess baġit? Jista' jgħid kemm-il darba ltaqa' dan il-kumitat? Fiex wasal il-proċess imħabbar dakinhar ukoll biex Kemmuna tingħata l-istatus ta' Park Nazzjonali? In-Natura 2000 Management Plan għal Kemmuna ġie mwettaq u jekk iva, kif?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-implimentazzjoni tal-Management Plan tal-gżejjer ta’ Kemmuna, bħala sit Natura 2000, hija proċess kontinwu li qiegħed isir b’kollaborazzjoni u koordinament sħiħ bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Ambjent Malta (AM). Fost l-interventi li saru mill-2017 ’l hawn sabiex jitwettaq dan il-pjan wieħed jista’ jsemmi t-tneħħija ta’ aktar minn disgħin (90) tunellata ta’ speċi aljeni invasivi u l-kontroll tal-aċċess għall-għaram tar-ramel fil-bajja ta’ Santa Marija. Is-sit għall-ikkampjar ġie rilokat minn Santa Marija għaż-żona Tal-Ful sabiex ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni tas-sit Santa Marija jkun jista’ jibda. Tneħħew ukoll mal-mitejn u tmenin (280) tunellata ta’ skart goff u materjal tal-kostruzzjoni, filwaqt li, għar-riġenerazzjoni tal-ambjenti naturali, n-numru ta’ siġar u arbuxelli indiġeni li tħawlu jeċċedi t-tlettax-il elf u tmien mija (13,800). Sadanittant, sabiex Kemmuna tingħata l-istatus ta’ Park Nazzjonali, qed jitħejjew regolamenti għall-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-gżira. Fir-rigward tal-Kumitat Operattiv għal Kemmuna, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Kostruzzjoni

Question

B’referenza għall-artiklu ta’ Lovin Malta, li qed jingħata separatament, jista’ l-Ministru jgħid x’qed tagħmel l-Awtorità tal-Kostruzzjoni u awtoritajiet oħra biex jassiguraw li ma jiġrix inċident ieħor bħal dak li ħasad il-ħajja tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Jien infurmat li l-Awtorita’ għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħadet kull miżura li tippermettilha l-Liġi biex ikun dejjem assigurat li d-Drittijiet ta’ Terzi jkunu mħarsa. Infurmat ukoll li l-BCA kienet f'kuntatt dirett mal-familja Montebello.

Awtorità tal-Ippjanar – rapporti fuq binja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar, sabiex rapporti li saru fuq proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li hija proprjetà mitluqa, tista’ toħloq problemi? Jista’ jgħid x’azzjoni se tittieħed mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex dan il-periklu ta’ proprjetà bħal din li hija mitluqa, se jitneħħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lilll-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — position of trust – persuni mlaqqma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sal-15 ta’ Marzu kemm ġew imlaqqma persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru tiegħu jew f’xi entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid x’inhi l-età ta’ dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minbarra li dak li qed jitlob hu jikkostitwixxi għal tagħrif personali, il-Ministeru m’għamilx rakkomandazzjonijiet biex jitlaqqmu xi ħaddiema minn tiegħu.

Raħal Ġdid – kwalità tal-arja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-kwalità tal-arja ġewwa Raħal Ġdid hekk kif reġistrata mill- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għal kull sena mill-2012 sal-lum, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant li turi l-livelli ta’ nitrogen dioxideu benzene kull sena f’Raħal Ġdid bejn l-2012 u l-2020.

Raba’ li tinħadem li hija mikrija jew proprjetà tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm raba’ li tinħadem li hi mikrija, jew hi proprjetà, tal-Gvern u f’liema lokalitajiet jinsabu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Rabat Għawdex – uffiċini ġodda tal-Planning Authority fi Triq il-Kapuċċini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinbnew uffiċini ġodda tal-Awtorità tal-Ippjanar fi Triq il-Kapuċċini kantuniera ma’ Triq Sir Luigi Camilleri, ġewwa r-Rabat Għawdex?

Response (FARRUGIA, AARON)

Jien infurmat li t-tender għax-xogħlijiet ġewwa Għawdex ġie revokat wara li tlesta l-proċess ta’ evalwazzjoni. L-unika offerta li daħlet ġiet meqjusa inferjuri għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mitluba mill-Awtoritá fis-sejħa għall-offerti. Ir-riżultat ta’ dan it-tender ġie ppublikat nhar it-Tlieta 6 ta’ April 2021 mid-Dipartiment tal-Kuntratti, u kien suġġett għal perjodu ta’ appell ta’ għaxart ijiem fejn ma sar l-ebda appell. Sadanittant, jien infurmat li l-Awtoritá qed tikkunsidra mill-ġdid jekk hemmx postijiet oħra tal-Gvern li jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet tagħha biex b’hekk ma jkolliex għalfejn tinħareġ sejħa oħra.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20487 u jgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-bordijiet, li jirregolaw l-entitajiet governattivi indikati fl-emendi fl-Att VII tal-2015, attwalment kollha għandhom membru li hu/i persuna b’diżabilità, għajr wieħed. F’dan il-każ, mhux isir użu mill-pożizzjoni ta’ membru li żdiedet bl-emendi fil-Liġi sakemm tinstab persuna idonea li tkun tista’ tokkupa r-rwol. Inżid li l-Liġi msemmija ma tobbligax li l-membru b’diżabilità jkun fuq bord bħala “rappreżentant għall-persuni b’diżabilità”, kif qed jindika l-istess interpellant. Ma’ dan irid jingħad ukoll li hemm għadd ta’ bordijiet, kumitati, fora u forom oħrajn ta’ tmexxija li għandhom fi ħdanhom membri li huma persuni b’diżabilità, avolja ma jaqgħux taħt l-emendi fl-Att imsemmi aktar ’il fuq.

Għawdex – permessi għal terraced house

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19745 u jgħid kemm inħarġu permessi għal terraced houses f'Għawdex mill-2013 'l hawn, sena b'sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi — aġenda u minuti tal-laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aġenda u tal-minuti tal-laqgħa tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li saret nhar it-23 ta' April 2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aġenda tal-laqgħa tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li saret nhar it-23 ta' April 2021. Għar-rigward tal-Minuti, ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawn għadhom mhux disponibbli peress li għad iridu jiġu approvati mill-istess Board.

Ħal Tarxien – Triq L-Alfier de Medran – resti arkeoloġiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il-darba kienx hemm resti arkeoloġiċi li ġew identifikati fi Triq L-Alfier De Medran Ħal Tarxien u jistax jindika x’passi ttieħdu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Mellieħa – Triq il-Marfa – bini ta’ ħajt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bini ta’ estensjoni ta’ ħajt fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, li ritratt ta’ dan il-ħajt qed jingħata separatament, għandux il-permessi meħtieġa biex isir, u jekk le x’passi ħadu jew qed jieħdu l-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-istess Ministeru (primarjament l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi) sabiex jerġa’ jitneħħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħajt imsemmi għandu l-permess meħtieġ mill-Awtorità tal-Ippjanar biex isir.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — proġetti tal-ESF

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu proġetti tal-ESF taħt id-dekasteru tiegħu u kemm-il persuna ġiet imħarrġa bejn l-2013-2020?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Ambjent – Policies rigward noise pollution

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19937, jista' l-Ministru jgħid x’passi u kordinazzjoni qed issir bejn l-awtoritajiet varji sabiex dak li hemm fil-liġi jiġi implimentat u regolat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fil-waqt li nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija parlamentari 15107, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub se jingħata f’seduta oħra.