Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fish Farms Maltin — audit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid wara li l-Kummissjoni Ewropea għamlet audit tal-fish farms Maltin f’Ottubru li għadda, u sabu ‘a number of shortcomings’, x’miżuri kien ħa bħala Ministru? Jista’ jgħid x’ħidma saret mill-Ministeru rispettiv biex jiffaċja dak l-audit?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Niforma lill-Onor. Interpellant illi f’dan l-istadju għaddejjin diskussjonijiet mal-Kumissjoni Ewropea dwar r-rapport referut.

Tuna Fish Farms — kwantità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi kien qed jieħu l-Ministeru tiegħu sabiex jaċċerta li dawk kollha involuti fl-industrija tal-akwakultura (tuna farms) ma kinux qed ikollhom żieda ta’ tonn fil-gaġeġ tagħhom, peress li tali kwantità kienet aktar milli legalment kellhom dritt li jkollhom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. interpellant illi kull diskrepanza fl-ammont ta’ tonn misjub ġol-gaġġeġ minn dak iddikjarat mill-operaturi jsita jiġi klassifikat bħala li hemm potenzjalment attività illegali. Id-dipartiment kien qieghed jimplimenta numru ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll sabiex jigi determinat jekk hemmx diskrepanza. Appena jkun innutat dan il-każ jiġi referut lill-awtoritajiet konċernati.

Tuna Farms — kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-kumpaniji involuti fl-akwakultura (sidien ta’ tuna farms) li qed joperaw fl-ibħra Maltin? Jista’ jgħid kull kumpanija b’kemm qabżet il-kwota li suppost kellhom li jieħdu ħsieb li jżommu fit-tuna farms tagħhom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed nissotometti t-tabella bl-informazzjoni rikjiesta. Ninforma lil Onor. Interpellant illi ħadd mill-operaturi ma qabez il-kapacitá indikata fil-ħruġ tal-permess operativ.

Laqgħa rigward żieda fil-kwota tat-tonn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kif skont qed jiġi rrappurtat li l-individwu A li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kien qal li kellu jiltaqa’ mal-Ministru, kienx hu l-Ministru li aċċetta li jiltaqa’ miegħu u li riżultat ta’ dik il-laqgħa bejnu (il-Ministru Herrera u l-individwu A msemmi separatament) il-kwota tat-tonn żdiedet għall 4,000kg minn 3,000kg? Jista’ jikkonferma wkoll jekk din il-laqgħa, li fiha huwa rrapportat li grazzi għaliha l-kwota tat-tonn żdiedet, kenitx megħjuna biex issir, mill-persuna B li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda mat-tweġibiet Parlamentari 8910, 8911, 8912, 8913, ma saret l-ebda laqgħa bejni u bejn l-individwu referut bħala ‘l-inidividwu A’.

Mellieħa u San Pawl il-Baħar – fish farms

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le jekk fl-ibħra fiż-żoni tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, il-Gvern hux qed jikkunsidra b’mod favorevoli li jżid aktar fish farms u jekk iva, jista’ jindika preċiżament fejn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onoreveli Interpellant li l-Gvern qed jikkunsidra żona tal-Akwakultura fiż-żoni l-barra minn San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa. Dan sabiex l-irziezet li hemm temporanjament preżenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta jiġu trasferiti iżjed il-barra. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba għal-Mistoqsija Parlementari numru 8827.

Mellieħa u San Pawl il-Baħar – fish farms

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra studji li setgħu saru mill-awtoritajiet konċernati dwar l-impatt ambjentali dwar żieda ta’ aktar żoni għal fish farms fl-ibħra fl-akkwati tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudji dwar l-impatt ambjentali dwar żieda ta’ aktar żoni għal fish farms fl-ibħra fl-akkwati tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar ġew mħejjija. Qed inpoġġi kopja ta’ dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istudji huma pubbliċi u jinstabu fuq il-link elettroniku https://era.org.mt/en/Pages/GF00250_07.aspx

Plant protection – bdil ta’ saqaf

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser tkun l-ispiża tal-bidla tas-saqaf fil-Plant Protection u jista’ jgħid min ser ikun qed jaħdem biex ibiddel dan is-saqaf?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ma hemm l-ebda saqaf fid-dipartiment konċernat li għandu bżonn jinbidel.

Demm u l-kirxa tal-annimali

Question

Ladarba qed ikun importat demm tal-baqar minn barra biex ikun jista’ jsir il-mazzit u ladarba qed tkun importata l-kirxa minn barra biex tinbiegħ fis-suq lokali, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir jew jekk jaqbilx li ssir ħidma mill-Ministeru sabiex id-demm u l-kirxa tal-annimali maqtula fil-biċċerija f’Malta jkunu jistgħu jinbiegħu għas-suq lokali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Intpellant li aħna naqblu li dak li qed jirreferi għalih ikun jista jsir kemm il-darba jkun hemm min jesprimi nteress sabiex jagħmel dan u ovvjament jiġu suġġetti r-regoli kollha applikabbli. Fil-fatt huwa maħsub li sal-aħħar tas-sena jkunu lesti x-xogħlijiet li għaddejin fil-biċċerija li fost affarijiet oħra jkun ukoll qed jiffaċilità biex dan ikun jista jseħħ.

Wied is-Sewda — mogħdijiet

Question

Billi f'Wied is-Sewda qed isir sfreġju ambjentali ieħor peress li l-mogħdijiet qed jiġu miksija bil-konkos u ser jinfetaħ aċċess għall-karozzi minn ġo nofs il-wied (hekk kif jidher fir-ritratt li qed jingħata separatament), jista’ l-Ministru jgħid jekk dan hux qed isir bil-permess tal-Environment and Resource Authority (ERA) jew jekk l-ERA tafx bih jew jekk hux xogħol tal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, jew tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali jew xi inizjattiva privata?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Id-Direttorat tal-Compliance and Enforcement fi ħdan l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi rċieva lment dwar din il-materja matul il-ġimgħa li għaddiet u l-każ qiegħed jiġi nvestigat mill-uffiċjali tal-Awtorità.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – Grievances Boards

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema kienu l- Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

European Landscape Convention — ratifikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba hiex se tiġi ratifikata l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 176, “European Landscape Convention”?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2010 il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien iddeċieda li din il-Konvenzjoni ma tkunx ratifikata.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Nisa f'pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8560 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — attendenza għal festini/riċevimenti/ikliet/parties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx mistieden, u jekk iva, jekk attendiex u f'liema data, għal festini/riċevimenti/ikliet/parties eċċ. f’kwalsiasi residenza privata jew proprjetà privata, inkluż fil-limiti tas-Siġġiewi u/jew Ħaż-Żebbuġ iżda mhux biss, ta’ xi membru tal-Ġudikatura matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018? Jista’ jgħid jekk dan japplikax ukoll għal kwalsiasi Kap ta’ Dipartiment jew Chief Executive jew Chairman ta’ kull entità li taqa’ taħtu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kontenut ta’ din l-Interpellanza jmur kontra r-regoli stabbiliti dwar l-Interpellanzi mill-Ordni Permanenti 27 peress li l-Interpellanza fiha imputazzjoni (u ċioè li s-sottoskritt jew persuni li jmexxu dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi ġew ospitati privatament minn ‘xi membru tal-ġudikatura’) u wkoll peress illi tirrelata għall-kondotta ta’ persuna mhux fil-kariga uffiċjali jew pubblika tagħha.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - attendenza għal festini/riċevimenti/ikliet/parties

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jgħid jekk kienx mistieden, u jekk iva, jekk attendiex u f'liema data, għal festini/riċevimenti/ikliet/parties eċċ. f’kwalsiasi residenza privata jew proprjetà privata, inkluż fil-limiti tas-Siġġiewi u/jew Ħaż-Żebbuġ iżda mhux biss, ta’ xi membru tal-Ġudikatura matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018? Jista’ jgħid jekk dan japplikax ukoll għal kwalsiasi Kap ta’ Dipartiment jew Chief Executive jew Chairman ta’ kull entità li taqa’ taħtu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kontenut ta’ din l-Interpellanza jmur kontra r-regoli stabbiliti dwar l-Interpellanzi mill-Ordni Permanenti 27 peress li l-Interpellanza fiha imputazzjoni (u ċioè li s-sottoskritt jew persuni li jmexxu dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi ġew ospitati privatament minn ‘xi membru tal-ġudikatura’) u wkoll peress illi tirrelata għall-kondotta ta’ persuna mhux fil-kariga uffiċjali jew pubblika tagħha.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Nisa f'pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Assistenti Parlamentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kellux Assistenti Parlamentari fil-leġiżlatura ta' bejn is-sena 2008 u s-sena 2013? Jista’ jgħid x'kienu l-kundizzjonijiet marbuta ma’ tali rwol, kemm dawk finanzjarji kif ukoll perkaċċi oħra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-leġiżlatura ta’ bejn is-sena 2008 u s-sena 2013 fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali kien hemm Assistent Parlamentari, li kien Philip Mifsud. Għall-kundizzjonijiet nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat mill-Ispeaker fl-10 ta’ Ġunju 2011 għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7378 tal-11-il Leġiżlatura. Fit-tweġiba, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, hemm indikat li l-Assistenti Parlamentari bejn l-2008 u l-2013 kienu jitħallsu 65% ta’ Skala 1 tas-Servizz Pubbliku (ekwivalenti għal €29,577.60ċ, skont il-grad tal-lum), flimkien ma’ servizzi ta’ linja fissa tat-telefown u mowbajl.

Il-Qajjenza – kumpanija – sors ta’ duħħan u rwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu s-sors ta' duħħan u rwejjaħ li qed joħorġu mill-impjant li għandha l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fil-Qajjenza?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-faċilità tal-kumpanija msemmija, hemm diversi makkinarju, madankollu l-uniku makkinarju li l-ERA hi nfurmata dwaru li huwa mgħammar b’ċumnija u li jista’ jitfa’ dħaħen fl-arja, huwa l-boiler. F’dak li huma rwejjaħ, ix-xogħol li jsir f’din il-faċilità huwa propju li jsiru trasferimenti ta’ żjut minn tank għal ieħor jew inkella trasferimenti minn bastimenti għall-faċilità u viċi versa. Huwa possibbli li jinxtammu rwejjaħ waqt dan it-tip ta’ operat.

Birżebbuġa – studju fuq il-kwalità tal-arja — rapport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar studju tal-kwalità tal-arja f'Birżebbuġa? Jista’ jagħmel dan ir-rapport pubbliku?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f’Birżebbuġa, l-ERA tagħmel monitoraġġ tal-kwalità tal-arja billi jiġu mkejla l-livelli tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-“benzene” fuq bażi kontinwa. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra id-data in kwistjoni.

Port ta’ Birżebbuġa – ħut mejjet — investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni li kellha ssir dwar il-ħut mejjet li qed jinstab fil-Port ta' Birżebbuġa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-uffiċjali tad-Direttorat għall-Konformità u l-Infurzar fi ħdan l-ERA investigaw dan l-ilment iżda ma setgħux isibu evidenza ta’ ħut mejjet u allura ma setgħetx issir investigazzjoni dwar l-allegat imwiet.