Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Rigali u donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ta rigali u/jew donazzjonijiet minn fondi pubbliċi, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa kull rigal u lil min tah?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Santa Venera — Triq Patri Ġustin Sant – Lift fi Blokk

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20679, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għax-xogħlijiet tal-lift li jrid isir fi Blokk H fi Triq Patri Ġustin Sant, Santa Venera?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lift fil-Binja Santa Venera, Entratura H, fi Triq Patri Gustin Sant, Santa Venera, huwa lest. Qed nistennew iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa biex ikun jista’ jingħata lir-residenti fil-futur qarib.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’kemm-il sessjoni ta' tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari kellu jirrispondi hu personalment mill-bidu ta' din il-Leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li dan il-Parlament huwa gwidat bi proċedura Parlamentari stabbilita mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Għaldaqstant, jifhem li l-ordni tal-Interpellanza għal tweġiba orali u l-mod kif jiġu magħmula interpellanzi huma regolati mill-istess Ordnijiet Permanenti. L-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Konsulenti — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-ingaġġar ta' konsulenti mill-Ministeru tiegħu, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi; min kienu dawn il-konsulenti; xi kwalifiki għandhom; x'inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għal kull servizz ta' konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll dawn il-konsulenti kif ingħataw dan ix-xogħol, jekk hux permezz ta' direct order jew tender?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulent huma ingaġġati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Ħaddiema part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru tiegħu u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-impjegati għandhom impjieg full-time x'imkien ieħor?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20961.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati direttament mal-Ministeru tiegħu? Jekk iva, kemm hu n-numru ta' persuni u x'tip ta' xogħol iwettqu? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (GALDES, RODERICK)

Filwaqt li nirreferi lil-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat lill-kollega tagħha għall-mistoqsija parlamentari 24614, ġejt infurmat li l-informazzjoni kif mitluba ma tkunx tista’ tinġabar minħabba n-natura sensittiva u privata tagħha. Intenni li l-Gvern jibqa’ kommess li japplika politiki u miżuri inklussivi fuq il-post tax-xogħol biex jissaħħaħ l-istatus ta’ persuni b’diżabilità impjegati kif spjegajt fl-interpellanza su riferita.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati ma' xi entità/dipartiment/awtorità, eċċ. li jaqgħu taħtu? Jekk iva, ma' liema entità/dipartiment/awtorità u kemm hu n-numru ta' persuni għal kull entità/dipartiment/awtorità u x'tip ta' xogħol twettaq kull persuna? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W349.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Ħaddiema neqsin mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni neqsin mid-dawl jaħdmu fid-dekasteru tiegħu u xi rwol għandhom?

Response (GALDES, RODERICK)

L-Onor. Interpellant jifhem li l-informazzjoni speċifika kif qed tintalab ma tinżammx għaliex hija materja privata u ta’ natura sensittiva.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Infiq fuq hospitality

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus bħala hospitality mill-Ministeru tiegħu, xahar b’xahar minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f'hospitality, id-data ta' meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f'hospitality?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill Onor. Interpellant għal-line item ta' hospitality fl-estimi finanzjarji tal-estimi tal-budget li kopja tagħhom diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Ħaddiema full-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi full-time fil-Ministeru tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kompożizzjoni tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli huwa skont il-Policy on the Engagement of Persons/Positions on a Trust Basis li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2025?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25777.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu / huma ċ-chairmen/chairwomen tad-diversi aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, kummissjonijiet u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jekk dawn humiex/kenux chairmen/chairwomen eżekuttivi jew le? Jista' jgħid ukoll: (a) Kemm damu / ilhom fil-ħatra ċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed / waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (c) X'kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra bħal disturbance allowance, communications allowance, fully-expensed mobile telephony, free telephony, internet service, Car Allowance, Fuel Vouchers, use of car-hired car, use of government-owned car, tablets, laptops, Expertise allowance, disturbance allowance, shift allowance jew xi tip ta' allowance u / jew perkaċċi oħra (speċifika) ħadu / qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi sena b'sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet biex imexxu dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f'liema kariga / grad? (f) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu / huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f'liema kariga / grad? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' ħatra u l-kuntratt ta' dawn iċ-chairmen/chairwomen?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22666.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-3 sad-9 ta’ Frar 2025?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25193.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Uffiċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) Kemm-il uffiċċju addizzjonali għandu barra l-binja uffiċjali tal-Ministeru tiegħu u f'liema lokalità qiegħed/qegħdin? (b) Dawn l-uffiċini huma binjiet pubbliċi jew privati? (c) X'inhu l-użu ta' dawn l-uffiċini? (d) Kemm titħallas kera għal kull uffiċċju sena b'sena u jekk din titħallasx minn fondi pubbliċi jew fondi oħrajn? (e) Min hu l-benefiċjarju ta' din il-kera? (f) Minn x'ħin sa x'ħin u f'liema ġranet ikunu miftuħin dawn l-uffiċini? (g) Min jiftaħ dawn l-uffiċini u jara lin-nies, il-Ministru personalment jew persuni oħra għan-nom tiegħu? (h) Jekk in-nies jarawhom persuni oħra għan-nom tiegħu, dawn huma impjegati tal-Ministeru jew tal-Gvern?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill Onor. Interpellant jispeċifika x'qed ifisser b'uffiċċju addizzjonali.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Sponsorships u donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22720 u jagħti lista tal-benefikanti minn sponsorships u donazzjonijiet li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, tal-benefiċċji ta' 'l fuq minn €2,500 għal kull għotja fis-sena 2023, u minn Jannar sa Ottubru 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħata lil kull benefikant u kif ġew magħżula biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Fgura — Triq Mahatma Ghandi - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22845, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fi Blokk A5, Triq Mahatma Ghandi, il-Fgura humiex lesti?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq Blokk A5, Triq Mahatma Gandhi, fil-Fgura ġie konkluż.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2024?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.