Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjonijiet li jagħmlu exchange

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet li jridu jagħmlu exchange? Jekk iva, kemm-il talba hemm?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2020, l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet 52 talba għal bdil ta’ proprjeta’ tal-Gvern ma’ oħra.

Lista ta’ stennija – każijiet li ilhom aktar minn għaxar snin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet minn fuq il-lista ta' stennija, li ilhom fuqha għal aktar minn għaxar snin?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Akkomodazzjoni soċjali — Lista ta’ stennija -– każijiet ta’ prijorità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, jekk jeżistux każijiet ta' prijorità fuq il-lista ta' stennija għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm każijiet ta’ prijorità fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali.

Housing Estates — riċerka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk issirx xi forma ta' riċerka dwar il-Housing Estates tagħna, biex nifhmu aħjar min qed joqgħod fihom u x'tip ta' għajnuna għandhom bżonn?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar qegħda twettaq riċerka li hija l-ewwel tat-tip tagħha f’dan is-settur. Filfatt, wettqet eżerċizzju ta’ profiling tal-applikanti kollha għal housing soċjali. Studju li ma sarx minn uffiċċju iżda sar billi morna fil-post fejn qegħdin jgħixu l-applikanti sabiex nifhmu fid-dettall il-bżonnijiet tagħhom. L-Awtorità taħdem ukoll viċin tal-inkwilini li jgħixu fil-housing soċjali fosthom permezz ta’ spezzjonijiet ta’ rutina li twettaq kuljum.

Ta’ Ċawla Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux se jsiru lifts fil-blokka tal-flats Ta’ Ċawla, fir-Rabat Għawdex?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi fil-blokka tal-flats Ta’ Ċawla, Rabat Għawdex ser jiġu installati żewġ liftijiet li applikaw għalihom ir-residenti taħt l-iskema LFT.

Profiling/Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-profiling tal-applikanti? Jista’ jgħid kemm hija l-waiting list għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi l-eżerċizzju ta’ profiling wasal fl-aħħar stadju u fix-xhur li ġejjin se jkunu qegħdin jiġu ppubblikati r-riżultati li jinkludu l-aspett kwantitattiv u kwalittativ. Eżerċizzju ta’ profiling li huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu għaliex huwa bbażat fuq l-esperjenzi tal-applikanti kollha għall-housing soċjali. Tajjeb li wieħed jinnota ukoll li s- social workers tal-Awtorità tad-Djar qegħdin iwettqu social assessment lill-familji/individwi li japplikaw għall-housing soċjali. Ninsab infurmat ukoll li l-lista ta’ stennija qegħda l-inqas li qatt kienet fl-aħħar snin, filfatt il-lista hija ta’ 2,420. Bit-tnaqqis fil-lista huwa indikazzjoni li l-politika li qegħdin naddottaw f’dan is-settur qegħda tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.

Djar Vojta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-akkommodazzjoni soċjali minn resident li joqogħdu r-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, l-Imġarr Malta u l-Imtarfa? Jista’ jgħid kemm għandna djar vojta f'pajjiżna? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm djar battala u kemm minnhom qegħdin għall-użu ta’ akkommodazzjoni socjali fir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, Imġarr Malta, Baħrija u Mtarfa?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi sal-11 ta’ Diċembru 2020, l-Awtorità tad-Djar għandha 128 applikazzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali pendenti fil-lokalitajiet imsemmija minnu. L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat ukoll li proprjetà battala ma hemmx.

Ministeru għall-Akkomdazzjoni Soċjali — Ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16845, jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema ħarġu bil-kwarantina minħabba dawn il-każijiet tal-ħaddiema infettati bil-COVID-19?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi minħabba l-każijiet li ġew imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari 16845, kien hemm 5 persuni li ħarġu fuq kwarantina.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Bordijiet - attendenza ta' membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tiegħu matul din il-leġiżlatura?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba hija skont is-segwenti tabella:- Isem tal-Bord Numru ta’ Laqgħat Okkażjoni fejn membru jew ieħor kienu assenti HA 45 39 HME 33 3 SPM 31 23

Applikanti – lista ta’ stennija tal-housing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15731 u ċjoè: Skont dak li ġie rappurtat f’paġna 7 tar-Rapport Annwali tal-Awtorità tad-Djar 2019, fejn inqatgħu ftit inqas minn 500 applikant mil-lista ta’ stennija għall-post ta’ housing, jista’ l-Ministru jgħid mil-liema kategorija ġejjin dawn l-applikanti, kategorija b’kategorija? Fuq liema kriterju tnaqqsu dawn l-applikanti? Dawn ma kellhomx bżonn alternattiv?

Response (GALDES, RODERICK)

L-informazzjoni ser tingħata f’xi seduta oħra.

Binjiet tal-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15739 u jgħid kemm il-lift ġie nstallat f’binjiet tal-akkomodazzjoni soċjali mill-2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi mid-data msemmija mill-Onor. Interpellant, l-Awtorità tad-Djar installat 64 lift ġdid f’binjiet ta’ housing soċjali. Lifts li fil-maġġoranza tagħhom ma kienx faċli li jiġu installati hekk kif il-binjiet li nbnew snin ilu ma kienux jaħsbu għalihom. Dawn il-liftijiet ifissru binjiet aċċessibbli għar-residenti ta’ housing soċjali u qabża fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Stallazzjoni ta’ Lift

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15973 u jagħti żmien speċifiku u jassigura li l-lift fil-binja, kif imsemmi fil-każ li d-dettalji dwaru qed jingħata separatament jiġi stallat fi żmien raġjonevoli?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-lift li qiegħed jirreferi għalih ilu jitgawda mir-residenti mis-6 ta’ Ottubru. Dan il-Gvern qiegħed iwettaq proġett ta’ installazzjoni ta’ 110 lift fi blokok ta’ housing soċjali filwaqt li qiegħed ukoll jinstalla l-lifts bħala parti mill-iskemi li toffri l-Awtorità tad-Djar. B’din il-ħidma hija investiment fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Proprjetà liċenzjati għall-kiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il proprjetà hija liċenzjata biex tinkera lill-Maltin u/jew lill-barranin?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Pandemija – għajnuna finanzjarja għal min ma jiflaħx iħallas kera

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17090 u 16978 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, 16759 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u 16585 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid hux se tingħata għajnuna finanzjarja għal min ma jiflaħx iħallas kera minħabba l-pandemija? Jekk se tingħata, kif se tingħata, u mil-liema xahar sa meta se tingħata u kemm se jkunu l-ammonti?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu tal-pandemija, ċioe’ minn Marzu 2020, kull persuna li qegħda tikri mill-privat u d-dħul tagħha naqas minħabba li naqsu s-sigħat li taħdem jew inkellha spiċċat mingħajr impjieg minħabba l-COVID-19, bdiet tibbenefika minn benefiċċju tal-kera massimu skond il-kategorija li tapplika għaliha, kif tindika din it-tabella: Persuna Waħedha € 3,600 Ġenitur Wieħed b’wild wieħed € 4,800 Ġenitur Wieħed b’żewġ ulied jew aktar € 5,000 Żewġ Adulti mingħajr tfal € 3,600 Koppja b’wild wieħed € 4,800 Koppja b’żewġ ulied jew aktar € 5,000 Tlett Adulti jew aktar jgħixu flimkien € 5,000 Il-benefiċċju tal-kera jingħata wara li l-persuna tissottometti applikazzjoni. Dan il-benefiċċju, li ġie addattat għall-bżonnijiet ta’ persuni impjegati li ġew affettwati mill-COVID-19 se jkompli jingħata fix-xhur li ġejjin.

Tqassim ta’ Postijiet

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17039, jista’ l-Ministru jindika kemm minn din il-lista ta’ postijiet li tqassmu kienu: A. Persuni singli; B. Ġenituri singli; C. Miżżewġa; D. Separati; E. Divorzjati; u F. Romol?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba hija skont is-segwenti tabella:- Stat Total Persuni waħedhom 35 Ġenituri waħedhom 101 Miżżewġin 55 Separati 116 Annullati / Divorzjati 16 Romol 14 Total 337

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali – nefqa fuq reklamar u marketing

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispiża ta' marketing u reklamar li ntefqet mill-2013 sal-lum, ma’ liema media houses jew production houses intefqu, bl-ammonti għal kull sena u jekk kenux reklamar fuq TV, print, stampar, internet jew radju jew stampar ta' materjal ta’ marketing?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari 1652, 2419 u 12720 tal-Leġiżlatura XIII u 20351 u 22553 tal-Leġiżlatura XII. Il-kumplament tal-informazzjoni ser ikun qiegħed jinġabar u jingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Akomodazzjoni Soċjali — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li huma minn skala 6 ’l fuq? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 42 ħaddiem tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħi u li huma minn skala 6 ‘l fuq. 19 minn dawn il-ħaddiema huma nisa filwaqt li l-kumplament huma rġiel.

Awtorità tal-Akkomodazzjoni Soċjali – Skema ‘Nikru biex Nassistu’

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16028 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15722, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità hiex tipproċessa l-applikazzjonijiet għal "Nikru Biex Nassistu"?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet qegħdin jiġu pproċessati skont il-lokalitajiet li hemm domanda għalihom mal-Awtorità tad-Djar abbażi tal-profiling exercise li kien sar u skont il-budget li l-Gvern għandu allokat.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat li kien hemm 19-il persuna tas-settur pubbliku li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma' persuni bil-COVID-19.