Annimali li jgħixu f’kundizzjonijiet sub-standard — Ilmenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27524 u jgħid kemm kien hemm ilmenti dwar annimali li qed jgħixu f’kundizzjonijiet sub-standard mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata tal-lum id-Dipartiment għas-Saħħa u t-Trattament Xieraq tal-Annimal irċieva total ta’ 1,353 allegat ilment dwar annimali.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27908 u jgħid kemm kien hemm spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-ikel fl-2024? Jista’ jgħid ukoll jekk instabux irregolaritajiet u x’passi ttieħdu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-2024 saru total ta’ 811 spezzjonijiet f’istabbilimenti tal-ikel mill-Ministeru li jien tiegħu responsabbli. Dawn ma jinkludux l-ispezzjonijiet li jsiru ta’ rutina fil-biċċeriji kull meta ssir il-qatla.
Kien hemm 91 irregolarità u ttieħdu dawn l-azzjonijiet skont is-severità tal-każ: 2 sospensjonijiet ta' approvazzjonijiet; 55 talba ta' azzjoni korrettiva u 34 ittra ta' twissija.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Credit/Debit cards
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23597 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 2 entitajiet taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali li inħarġitilhom card rispettivament. Il-ħruġ ta’ card isir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita.
Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi.
RAM/001/2025 Pre-Qualification Questionnaire (PQQ) for the Award of a Concession for the Design, Build, Finance, Operate and Transfer Back of a National Farm Waste Treatment Facility
Question
Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex tikkonsisti s-sejħa ‘RAM/001/2025 Pre-Qualification Questionnaire (PQQ) for the Award of a Concession for the Design, Build, Finance, Operate and Transfer Back of a National Farm Waste Treatment Facility’, kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa u jispjega wkoll għala ħarġet permezz ta’ involving negotiations? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-kunċett ta’ involving negotiations?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħal ma qiegħed jissuġġerixxi anke l-isem, dan huwa “Pre-Qualification Questionnaire” (PQQ), fejn in-negozjati, li huma l-‘involving negotiations’ ikunu tipikament jirreferu għall-diskussjonijiet li jsiru lil dawk il-kuntratturi li jkunu wrew interess fil-proġett qabel ma jsir progress fil-proċess ta’ sejħa għall-offerta tal-konċessjoni.
Dan il-proġett huwa mmirat lejn trasformazzjoni tal-iskart tal-annimali illi jiġi ġenerat fuq l-irziezet fejn ser ikun qed jinbena impjant mill-konċessjonarju għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fuq il-mudell ta’ Design, Build, Finance, Operate, and Transfer back (DBFOT).
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali – Public Expo Village 2025 – Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali jgħid jekk is-Segretarjat u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn min tikkonsisti l-organizzazzjoni magħrufa bħala Riżorsi Agrikoli Malta li għadha kif iffirmat ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet? Jista' jgħid ukoll minn fejn topera din l-organizzazzjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-organizzazzjoni magħrufa bħala Riżorsi Agrikoli Malta (RAM), hija mmexxija min minn Kap Eżekuttiv u Bord ta’ Gvernaturi skond il-leġislazzjoni sussidjarja (SL 595.48) li tistabbilixxi l-Aġenzija. Hija topera minn go struttura approvata mill-uffiċini tagħha ġewwa l-Marsa.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema inizjattivi ttieħdu minn Agrikonsulta matul l-aħħar 12-il xahar biex tagħti pariri lill-bdiewa f’Malta u f’Għawdex? Ma’ liema istituti barranin/ Maltin, għandha kuntatti ‘Agrikonsulta’? Kemm bdiewa, u minn liema lokalitajiet gawdew minn dawn il-pariri/inizjattivi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar 12-il xahar ġew implimentati diversi inizjattivi mill-AgriKonsulta fosthom ftehim mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jiġi analizzat l-ilma fil-laboratorji tagħhom. Dan ippermetta sabiex jitfasslu pjani ta’ fertilizzazzjoni ppersonalizzati għall-bdiewa.
Ġew installati wkoll diversi weather stations madwar il-Gżejjer Maltin li għenu fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll ġiet stabbilita l-Pest Monitoring Network biex isir monitoraġġ tal-pesti. Twettqet kampanja nazzjonali ta’ informazzjoni fuq il-mezzi tal-midja u ġew organizzati diversi AgriTalks.
Kien hemm ukoll koordinazzjoni ma’ diversi entitajiet bħall-Għaqda Bdiewa Attivi, diversi proċessuri ewlenin tat-tadam, l-Għaqda Produtturi tat-Tadam Malti u l-Koperattiva Produtturi taż-Żebbuġ, sabiex jiġu identifikati aktar bdiewa li jistgħu jibbenefikaw mis-servizz kif ukoll il-ħtiġijiet tagħhom. Barra minn hekk, saru konsultazzjonijiet maċ-CIHEAM f’Bari, l-MCCAA u partijiet interessati oħra.
Agrikonsulta pprovdiet servizz lil 115-il klijent mifruxa f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex fosthom Burmarrad, Rabat, Mġarr, Mellieħa, Żejtun, San Pawl il-Baħar, Attard, Żabbar, Mosta, Naxxar, Qormi, Safi, Mosta, Ħaż-Żebbuġ, Birżebbuġa, Siġġiewi, Għaxaq, Marsaxlokk, Żurrieq, Qrendi, Ta’ Qali, Xewkija, Nadur, Rabat, Kerċem, Għajnsielem, Sannat, Għasri, Marsalforn.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Credit/Debit cards
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23579 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il credit/debit card pubblika għandu maħruġa għall-użu tiegħu u tal-Ministeru tiegħu u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hemm card waħda fil-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli.
Il-ħruġ ta’ card isir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita.
Inżid ngħid li kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi. Il-ħlas isir mil-line item rispettiv kif approvati fl-estimi finanzjarji tal-baġit u li kopja tagħhom diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ Qali — Pitkalija - Żamma aħjar ta’ prodotti agrikoli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi seħħew fil-Pitkalija ta’ Ta’ Qali għal dak li jikkonċerna ż-żamma aħjar ta’ prodotti agrikoli, li għal xi raġuni, ma jinbiegħux fl-ewwel jum tagħhom fil-Pitkalija?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fil-Pitkalija ġew introdotti sistemi diġitali bħal barcode fuq kull kaxxa, kif ukoll il-portals ilbidwi.gov u ixxerrej.gov kienu ta’ għajnuna biex tiżdied l-effiċjenza fil-bejgħ.
Il-prodott li ma jinbieħx bil-mezz tradizzjonali, il-Malta Food Agency tgħin biex jinstabu swieq alternattivi. Sforzi oħrajn għaddejjin biex il-quddiem jidħlu proċessi li jżidu l-ħajja tal-prodott filwaqt li jingħata aktar valur lil xogħol il-bdiewa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il prodott agrikolu li daħal fil-Pitkalija, iżda baqa’ ma nbiegħx, tant li kellu jintrema, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ kontroll isir fuq tali prodotti biex ma jkunx hemm abbuż u biex jiġi żgurat li dawn il-prodotti ma jispiċċawx xorta fuq l-imwejjed tal-ikel?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li llum il-ġurnata, teoretikament il-Pitkalija topera mingħajr ebda ħela. Il-prodott li jidħol fil-Pitkalija jgħaddi minn serje ta’ toroq bl-ewwel waħda tkun il-bejgħ tradizzjonali, barra minn hekk il-Malta Food Agency taħdem biex issib swieq alternattivi għall-prodotti l-oħra u tiżdied id-domanda minn setturi differenti. Il-prodott li jifdal jingħata lil diversi organizzazzjonijiet volontarji illi jaqdu lill-komunità u jwasslu l-ikel għand min għandu bżonn. Il-prodott li ma jkunx tajjeb għall-konsum, jinġabar u jiġi konvertit f’kompost biex imbagħad jingħata lura lill-bdiewa.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28565 u jgħid għalfejn il-Pet Memorial Garden f’Ta’ Qali tħalla fi stat mitluq u jgħid x’sar mill-istatwi kommemorattivi li kienu jiffurmaw parti minn dan il-ġnien?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li jekk qed tirreferi għal nuqqas ta' ġardinaġġ fil-Pet Memorial Garden, dan sar b’segwitu ta’ Ċirkulari 10/2023 maħruġa mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li hi inizzjattiva sabiex fir-Rebbiegħa ma jsirx qtugħ ta' ħaxix selvaġġ. Din l-inizzjattiva ġiet segwita biex jiġu protetti l-insetti li jdakkru 1-pjanti.
Fir-rigward ta’ l-istatwi kommemorattivi, dawn inġabru temporanjament ħalli jsirulhom alterazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jintrabtu fuq il-post. Minħabba ż-żamma tal-post, tajt istruzzjonijiet lid-dipartiment biex il-post jinżamm fi stat aħjar.
Jista’ l-Ministru jgħid x’esperimenti / testijiet qed isiru preżentement mill-ministeru tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żvilupp ta’ prodotti agrikoli, kemm frott, kif ukoll ħxejjex? Jista’ jgħid ukoll liema prodotti qed isiru testijiet fuqhom preżentement?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali qed jimpenja ruħu b’mod attiv f’diversi proġetti ta’ prodotti u sperimentazzjoni relatati mal-iżvilupp tar-riċerka fl-agrikoltura, kemm fil-qasam tal-frott kif ukoll tal-ħxejjex.
Bħalissa, qed isir xogħol importanti dwar il-konservazzjoni u l-karatterizzazzjoni ta’ varjetajiet lokali, partikolarment fid-dwieli, fejn qed jiġu studjati l-karatteristiċi fenoloġiċi bil-għan li jiġu reġistrati varjetajiet fil-katalgu nazzjonali. Dan l-eżerċizzju jwassal ukoll sabiex nistabbilixxu l-adattabilità u l-potenzjal agronomiku tagħhom għall-biedja lokali.
Qed issir ukoll ħidma fuq testijiet dwar l-użu ta’ insettiċidi bioloġiċi għall-kontroll tal-mard fil-frawli, bil-għan li noffru metodi aktar sostenibbli u b’inqas ħsara għall-ambjent. F’kollaborazzjoni ma’ entitajiet internazzjonali permezz ta’ ftehim speċifiku, qed nesploraw il-possibbiltà li nkabbru varjetajiet ġodda ta’ pitaya (dragon fruit) b’mod kummerċjali. Qed isiru wkoll testijiet dwar l-użu ta mycorrhiza fit-tkabbir tat-tadam. Din ir-riċerka applikata qed issir bil-għan li ntejbu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tas-settur agrikolu lokali.
Barra minn hekk, huwa ppjanat ukoll li jitwaqqaf Food Innovation Hub (FIH) bħala proġett ieħor ta’ importanza strateġika. Dan il-Hub se jservi bħala ċentru dinamiku għall-innovazzjoni u żvilupp fil-qasam tal-ikel, b’faċilitajiet iddisinjati apposta għall-ipproċessar ta’ prodotti lokali bħall-frott u l-ħaxix, il-ħut u l-prodotti tal-ħalib. Il-FIH se jipprovdi ambjent ta’ appoġġ fejn produtturi lokali jistgħu jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw prodotti ġodda permezz ta’ teknoloġiji avvanzati ta’ pproċessar. Barra minn hekk, se joffri spazju għat-trasferiment tal-għarfien, taħriġ speċjalizzat u kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet edukattivi lokali u barranin, bil-għan li jsaħħaħ il-kompetittività u l-valur miżjud tas-settur agroalimentari f’Malta.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Kollaborazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ kollaborazzjoni teżisti bejn il-ministeru tiegħu u istituti agrikoli internazzjonali, speċjalment dawk fil-Mediterran? Jista’ jgħid ukoll fil-prattika x’inhi din il-kollaborazzjoni preżentement, u ma’ liema istituti / skejjel agrikoli għaddejja din il-kollaborazzjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali għandu relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni sodi ma’ diversi istituti agrikoli internazzjonali, partikolarment dawk fil-Mediterran. Il-kooperazzjoni tagħna maċ-CIHEAM (International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies) hija waħda mill-eqdem u l-aktar produttiva, b’numru ta’ Memorandums ta’ Ftehim (MoUs) li ffirmajna matul is-snin.
Permezz ta’ dawn il-ftehimiet, stabbilixxejna struttura kooperattiva robusta li tagħtina aċċess għal esperti internazzjonali ta’ livell għoli. Dawn l-esperti qed jikkontribwixxu attivament għall-inizjattiva AgriKonsulta, li hija pjattaforma ta’ parir u appoġġ tekniku għall-bdiewa Maltin.
Barra minn hekk, il-Ministeru għadu kemm iffirma ftehim ieħor mal-uffiċċju prinċipali taċ-CIHEAM biex jitwaqqaf estensjoni tal-uffiċċju tagħhom f’Malta, li ser issaħħaħ ir-relazzjoni ma’ dan iċ-ċentru u tippermetti aktar opportunitajiet ta’ riċerka u skambju ta’ għarfien.
Flimkien maċ-CIHEAM Zaragoza u CIHEAM Bari, qed noffru pariri speċjalizzati fil-ġestjoni tal-annimali u l-produzzjoni agrikola. Qed jiġu organizzati wkoll korsijiet ta’ taħriġ kif ukoll sessjonijiet ta’ taħriġ individwali għall-bdiewa u raħħala. Barra minn hekk, permezz ta dan il-ftehim, il-Ministeru jipparteċipa f’proġetti finanzjati mill-UE, l-aħħar wieħed minnhom huwa l-proġett AgriHub, li permezz tiegħu inħarġu gwidi dettaljati dwar il-produzzjoni ta’ għelejjel (IPM guidelines) biex inħeġġu metodi sostenibbli u innovattivi fil-biedja.
Barra minn hekk, qed isir xogħol konġunt bejn is-settur tax-Xjenzi Rurali u s-Sistemi tal-Ikel u l-Istitut tas-Sistemi tad-Dinja (Institute of Earth Systems) fi ħdan l-Università ta’ Malta biex jiġu indirizzati b’mod interdixxiplinari l-isfidi fil-qasam tal-agrikoltura sostenibbli.
Kollaborazzjoni oħra mal-MCAST qed tiffoka fuq l-istabbiliment ta’ kors fil-Mediċina Veterinarja f’Malta, li huwa kruċjali għall-benesseri tal-annimali u s-saħħa tal-katina agroalimentari.
Dawn il-kollaborazzjonijiet jikkontribwixxu b’mod konkret għall-bini ta’ kapaċità lokali, għat-trasferiment ta’ għarfien u għat-tisħiħ tar-riċerka fix-xjenzi agrikoli. Permezz ta’ dawn l-iskambji u s-sħubijiet ma’ istituzzjonijiet akkademiċi u xjentifiċi, il-Ministeru qed jgħin biex jiġu żviluppati politiki agrikoli sostenibbli bbażati fuq l-evidenza, b’risq l-iżvilupp rurali, l-innovazzjoni fil-biedja u s-sigurtà tal-ikel fit-tul.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Public Expo Village 2025 – Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2025?
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ investiment hu mistenni li jsir mill-Ministeru, fl-inħawi tal-Veċċja, sabiex jitjiebu l-faċilitajiet li jintużaw mis-sajjieda f’dan il-port? Minbarra f’dawn l-inħawi, jista’ jgħid ukoll fejn hemm iktar sajjieda li jużaw xi port li qiegħed fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli għadu kemm wettaq ammont ta’ xogħolijiet fl-inħawi tal-Veċċja sabiex jitjiebu l-faċilitajiet li jintużaw mis-sajjieda.
Dawn jikkonsistu fl-installar ta’ hoist ġdida li tintuża mis-sajjieda u li din ġiet inawgurata waqt konferenza stampa li saret nhar it-Tlieta 13 ta’ Mejju. Filwaqt li flimkien ma’ Transport Malta saru xi xogħolijiet fl-unloading bays, sar ukoll xogħol ta’ dredging wara li dan il-Ministeru -sema’ t-talba tas-sajjieda.
Apparti dan, bħalissa qed jiġi ppjanat li jitwaħħlu iktar service pillars. Ta’ min wieħed iżid li San Pawl jibda mix-Xemxija u jibqa’ sejjer sas-Salini. L-interventi mitluba ġejjin miż-żona tal-Veċċja.