Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — konsulenti
Question
Tista’ l-Ministru telenka l-ismijiet u l-ħlas rispettiv ta' kull konsulent li kull entità li għaliha hi responsabbli, għandha? Tista' tgħid liema huma dawk li bdew wara t-3 ta' Ġunju 2017?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaħdmu fis-settur pubbliku bħalissa? Kemm kien hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet qabel l-10 ta’ Marzu 2013?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — xogħol u xiri ta’ kotba minn kumpanija
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol jew inxtrawx kotba mingħandha, mill-Ministeru tagħha, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, sena b’sena, minn Jannar 2000 sa Marzu 2013? Tista’ tgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax jew jekk ix-xiri sarx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti jew ix-xiri li sar?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li ma ngħata ebda xogħol u ma nxtraw ebda kotba mingħand il-kumpanija kkonċernata tul il-perjodu msemmi mill-Ministeru tiegħi.
Peress li l-Kummissarju Ewropew li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġie Malta biex jiddiskuti l-Baġit tal-Unjoni Ewropea bejn l-2020 u l-2027, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern Malti ppreżentax il-pożizzjoni tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea f’xi laqgħat fi Brussell? Jekk iva, tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pożizzjoni tal-Gvern Malti?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qasam il-ħsibijiet u l-prioritajiet ġenerali tiegħu mal-Kummissarju Ewropew waqt iż-żjara li għamel f’Malta, fi sfond preparatorju qabel il-publikazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea f’Mejju li ġej.
Dawn il-ħsibijiet u l-prioritajiet jirriflettu l-messaġġi f’non-paper tal-Gvern li ġiet iċċirkolata lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri l-oħra fi Frar ta’ dan is-sena. F’dan l-istadju, din in-non-paper li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tifforma l-bażi tal-pożizzjoni preliminari tal-Gvern, sakemm il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-proposti tagħha.
Attachments:PQ 4966 - MT Non-Paper on the MFF Post 2020.pdf
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — Konsulenti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 147, tista' l-Ministru issa tgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tagħha u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtha?
Response (DALLI, HELENA)
Il-positions of trust fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza u l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu huma dawk fis-segretarjati, fis-Segretarjat tal-Unjoni Ewropea u fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea.
Rwol tal-Managing Authority u tas-Certifying Authority
Question
B’referenza għas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-impjegati ġodda li ġew maħruġa mill-Managing Authority li, wara l-għaqda, se tinkludi wkoll is-Certifying Authority , tista’ l-Ministru tgħid x’se jkun ir-rwol tagħhom? Tista’ tikkonferma jekk l-impjegati l-ġodda hux se jkollhom funzjonijiet li huma tipikament imwettqa mill-Managing Authority u mis-Certifying Authority fl-istess waqt? Il-Ministru hija konxju tal-fatt li l-applikazzjonijiet fihom rigressjoni tad-drittijiet, f’oqsma bħal miżuri favur il-familja jew disturbance allowances, lill-persuni li jaħdmu mal-Awtorità? X’se tagħmel il-Ministru biex tindirizza din is-sitwazzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4252 għall-ewwel parti ta’ din il-Mistoqsija.
Rigward il-parti tal-Mistoqsija li tikkonċerna l-applikazzjonijiet, infurmata li l-pakkett finanzjarju li jikkonċerna s-sejħiet il-ġodda huwa aħjar minn dak ta’ sejħiet preċedenti.
Deċiżjoni għall-amalgamazzjoni tas-Certifying Authority u l-Managing Authority
Question
B’referenza għas-Certifying Authority li hija responsabbli li tiggarantixxi l-preċiżjoni u l-integrità ta’ dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż u talbiet għall-pagamenti qabel ma jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea u min-naħa l-oħra, il-Managing Authority hi responsabbli ta’ immaniġġar effiċjenti u l-implimentazzjoni ta’ programm operazzjonali taħt l-awspiċji tal-politika ta’ koeżjoni għal 2014-2020, tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni rigward id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern sabiex dawn iż-żewġ entitajiet jingħaqdu f’waħda f’Malta, kif ukoll tispjega r-raġuni wara din l-amalgamazzjoni? Tista’ tikkonferma jekk id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern sabiex jgħaqqad lil dawn iż-żewġ entitajiet kenitx approvata mill-Kummissjoni Ewropea qabel ma ġiet implimentata u, jekk kienet approvata, fuq liema bażi?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li bħalissa għaddejja ħidma ta’ konsolidament tax-xogħol marbut mal-ġestjoni tal-Fondi Ewropej. Dan għandu jwassal għar-razjonalizazjoni tal-proċessi w r-riżorsi meħtieġa f’dan il-qasam. Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-entitajiet konċernati f’pajjiżna ġew infurmati dwar dan il-proċess li għandu jintemm fil-ġimgħat li ġejjin.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — konsulenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li ma ġew ingaġġati l-ebda konsulenti fi ħdan entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali - konsulenti
Question
Tista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali tgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – ħlasijiet lill-persuna u/jew il-kumpanija
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-ħlasijiet li saru lill-persuna u/jew il-kumpanija, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tagħha jew dipartimenti, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet, kumpaniji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha mill-2013 sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija? Tista’ tgħid jekk dawn ingħatawx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti? Tista’ taqsam il-ħlasijiet sena b’sena?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li n-nefqa lill-kumpanija kkonċernata matul il-perjodu msemmi kienet ta’ €2,924.04. Din in-nefqa kienet relatata mar-reklamar tal-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea.
Bord tan-National Commission for the Promotion of Equality (NCPE) — membri
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-Bord tan-National Commission for the Promotion of Equality (NCPE)?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-membri tal-Bord tan-National Commission for the Promotion of Equality (NCPE) huma:
Kummissarju: Is-Sa Renee Laiviera
Membri: Is-Sa Claudine Borg
Is-Sa Lorraine Spiteri
Is-Sa Mary Galea Debono
Is-Sur Mario Mallia
Il-Prof Mark Anthony Falzon
Dr Vanni Xuereb
Is-Sur Oliver Scicluna
Nisa li jaħdmu fiċ-ċivil li huma f’Decision Making Position
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa l-persentaġġ ta’ nisa li jaħdmu maċ-Ċivil u li huma f’decision-making position jiġifieri minn Kap ta’ Dipartiment ‘il fuq?
Response (DALLI, HELENA)
Preżentament hemm 264 rġiel u nisa li qegħdin f’decision-making postions. Minn dawn 30.3% huma nisa filwaqt li 69.7% huma rġiel.
Ħaddiema maċ-ċivil li jibbenefikaw minn Work-Life Balance
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu maċ-Ċivil li qed jibbenefikaw minn dawn il-miżuri ta’ Work-Life Balance: (i) Maternity Leave u (ii) Paternity Leave?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Ħaddiema maċ-ċivil li jibbenefikaw minn Work-Life Balance
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu maċ-Ċivil li qed jibbenefikaw minn dawn il-miżuri ta’ Work-Life Balance: (i) Work on Reduced Hours (ii) Teleworking (iii) Flexi Time? Tista’ tgħid ukoll, għal kull kategorija, kemm minnhom huma nisa u kemm huma rġiel?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Malta Public Transport – sejħa pubblika fil-Pakistan
Question
B’referenza għas-sejħa pubblika li għamlet il-Malta Public Transport fil-Pakistan fejn ir-riklam juri b’mod ċar li l-istess kumpanija qiegħda tagħmel sejħa diskriminatorja fuq diversi livelli fosthom: (i) diskriminazzjoni kontra n-nisa (“male bus drivers”) u (ii) diskriminazzjoni skont l-età (“25-40years”), tista’ l-Ministru tgħid jekk din is-sejħa hijiex aċċettabbli għaliha u jekk il-Ministeru tagħha hux se jieħu passi fil-konfront tal-imsemmija Malta Public Transport?
Response (DALLI, HELENA)
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza qed tinvestiga dan il-każ.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — organigram
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-organigram tal-Ministeru li għalih hija responsabbli? Tista’ wkoll tindika min huma l-persuni li jokkupaw il-karigi speċifiċi fl-istruttura tal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Minħabba raġunijiet ta’ Data Protection, l-ismijiet tal-persuni ma jistgħux jingħataw
Ħaddiema u professjonisti li tħarrġu fuq il-Vjolenza Domestika
Question
B’referenza għall-istqarrija numru PR180260 (5 ta’ Frar 2018), tista’ l-Ministru tgħid f’liema professjonijiet u kemm kien in-numru ta’ ħaddiema u professjonisti li tħarrġu s’issa fuq il-vjolenza domestika kif indikat fl-istess stqarrija?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li sa Jannar 2018, 716 professjonist attendew kors ta' taħriġ ta' tlett ijiem dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Dawn il-professjonisti jinkludu tobba u infermiera, għalliema ta' gwida u tal-PSCD, ħaddiema psikosoċjali, professjonisti soċjali u komunitarji bħal ħaddiema soċjali, uffiċjali tal-pulizija, qwiebel, uffiċjali tal-probation, u avukati. Dan it-taħriġ ingħata wkoll lill-professjonisti minn NGOs, mill-Università ta' Malta, mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika u mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza. Ma’ dawn 33 imħallef u maġistrat attendew kors ta' taħriġ ta' ġurnata fuq il-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
L-istess professjonisti ġew mistiedna biex jattendu t-tieni stadju ta’ taħriġ li se jkun offrut matul din is-sena.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn shelters għan-nisa li huma vittmi ta’ vjolenza domestika f’pajjiżna? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm nisa u tfal li fil-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, qed jgħixu f’shelter? Kemm minnhom huma ta’ nazzjonalità Maltija u kemm huma ta’ nazzjonalità barranija?
Response (DALLI, HELENA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Bord tal-Kummissjoni tal-Vjolenza Domestika — membri
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Bord tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika huma:
Kummissarju: Is-Sur Joseph Gerada
Membri: Is-Sa Charlene Barbara
Is-Sa Stephania Fenech
Dr Lara Dimitrijevic
Is-Sa Louise Calleja
Dr Charles Cassar
Is Sa Amanda Grech
Is- Sa Renee Laiviera
Dr Cheryl Azzopardi
Dr Josef Masini Vento