Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea – rapporti u riċerka

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti u r-riċerka li saret mill-Ministeru dwar l-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interepellant li hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-referendum f’Ġunju 2016, li r-Renju Unit mhux se jibqa Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin (hekk kif kien imsejjaħ dak iż-żmien) nieda inizjattivi sabiex jagħraf x’inhuma l-effetti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, tal-Brexit fuq pajjiżna partikolarment l-impatt fuq ir-relazzjonijiet bilaterali ta’ Malta mar-Renju Unit. Dan sar sabiex flimkien mal-Ministeri koncernati, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jistħarreġ jekk hemmx bżonn ta’ reviżjoni fid-dawl tal-eventwali konklużjoni u r-riżultat tan-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE.

Navy Ċiniża u Malta – koperazzjoni u diskussjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'koperazzjoni teżisti jew qed tiġi diskussa bejn in-Navy Ċiniża u Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Nistieden lill-Onor. Interpellent jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat minħabba li din il-mistoqsija ma taqax taħt il-kompetenza tal-Ministeru tiegħi.

Ħaddiema li rriżenjaw mill-Ministeru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li rriżenjaw mill-Ministeru tul dawn l-aħħar erba’ snin u jista’ jindika l-iskala tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella hawn taħt. 2014 Substantive Grade Scale Total of Employees First Counsellor 5 1 First Secretary 9 5 Second Secretary 10 2 Communications Secretary on contract 1 Resigned in 2014 9 2015 Scale Total of Employees Ambassador on Contract 3 2 First Counsellor 5 3 Counsellor 7 3 ICT Support Officer 7 1 Officer in Scale 7 7 1 EU Fund Officer 9 1 First Secretary 9 5 Secretariat Pool 10 1 Senior Clerk 14 1 Casual Substitute Clerk 16 1 Clerk 16 1 General Hand Scale 19 19 1 Resigned in 2015 21 2016 Scale Total of Employees Ambassador 3 1 Officer in Scale 5 5 1 Counsellor 7 1 Principal 7 1 First Secretary 9 6 Policy Officer 9 6 Resigned in 2016 16 2017 Scale Total of Employees First Counsellor 5 1 EU Fund Officer 9 1 Policy Officer 9 4 Principal 9 1 Clerk 16 1 Resigned in 2017 8 2018 Scale Total of Employees First Secretary 9 3 Programme Officer 9 1 EU Security Coomunicator 10 1 Principal Security Officer 11 1 Clerk 15 1 EC-Las Liaison Officer On contract 1 Adviser On contract 1 Resigned in 2018 9

Portijiet Maltin — Dħul ta’ bastimenti Ċiniżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu bastimenti Ċiniżi fil-portijiet Maltin mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena? Jista' jagħti l-isem ta' kull wieħed mill-bastimenti u jekk kienx bastiment militari jew inkella bastiment ċivili? Jista' jgħid ukoll f'liema port Malti daħal kull wieħed mill-bastimenti Ċiniżi u kemm dam?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn 2013 u t-2 ta’ Ottobru 2018 f’Malta daħlu bastimenti Navali Cinżi kif indikat f din it tabella hawn taħt : Sena Isem il Bastiment Ċini ż Tip ta bastiment Kemm dam 2018 0 -- 2017 0 -- 2016 0 -- 2015 0 -- 2014 0 -- 2013 3 HUANGSHAN HENGYANG QINGHAIHU Militari Militari Militari 4 t’ijiem 4 t’ijiem 4 t’ijiem L-informazzjoni dwar f'liema port Malti daħal kull wieħed mill-bastimenti Ċiniżi ma hiex fil-kompetenza ta’ dan il Ministeru.

Ġnus Maqgħuda – prekawzjonijiet speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbdew proċeduri fil-Ġnus Magħquda biex: a. jittieħdu prekawzjonijiet speċjali meta gżejjer stati żgħar jiffaċjaw eskalazzjoni ta’ persuni li jfittxu l-ażil; b. jiġu limitati t-talbiet ta’ min ifittex l-ażil għal wieħed li tkun ibbażata fuq safe UN signatory country u mhux għażla ta’ pajjiż?

Response (ABELA, CARMELO)

Fl-istituzzjonijiet internazzjonali Malta dejjem taħdem favur soluzzjoni globali għal sfidi globali. Fil-fatt, kif elenka l-Prim Ministru fid-diskors tiegħu lill-Ġnus Magħquda, hi meħtieġa l-għaqda, il-komunikazzjoni fostna u l-ftehim biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi tal-lum il-ġurnata. B’hekk biss, permess ta’ front magħqud, ikollna ċans ikbar li nħollu l-kobob li jeżistu. Malta temmen li dawk li qed jagħlqu l-bibien għad-diskussjoni qegħdin biss jistħajlu li xi kwistjonijiet jistgħu jaħarbu minnhom u pajjiżna żgur mhux wieħed minnhom. Minbarra hekk, iżda, il-Ministeru tiegħi mhux informat bl-ebda proċeduri fil-Ġnus Magħquda kif indikat mill-Onor. Interpellant.

Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea – diskussjonijiet u analiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi, x’diskussjonijiet u x’analiżi qegħdin isiru fi ħdan il-Ministeru dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interepellant li hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-referendum f’Ġunju 2016, li r-Renju Unit mhux se jibqa Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ nieda inizjattivi sabiex jagħraf x’inhuma l-effetti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, tal-Brexit fuq pajjiżna. Kumitat fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ġie stabbilit sabiex iħares aktar mill-qrib lejn l-iżviluppi tal-Brexit. Ir-rapport li ħareġ minn dan il-Kumitat kien parti minn eżerċizzju li mexxa il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza ma’ kull Ministeru sabiex jinftiehem iktar l-impatt ħolistiku tal-Brexit. Eżerċizzju biex jiġu elenkati il-ftehim bilaterali kollha li ġew iffirmati bejn Malta u r-Renju Unit sar fl-2016. Dan l-eżerċizzju qed jiġi rivedut bħalissa, sabiex eventwalment mal-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ jistħarreġ kif jistaw jiġu żviluppati iktar ‘il quddiem ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. F’dan l-isfond aktar kmieni din is-sena fit-3 ta’ Frar 2018, u fl-20 ta’ April 2018, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ iltaqa’ mal-Ministru għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Lord Callanan, u mal-Ministru ta' l-Istat tar-Renju Unit għall-Ewropa u l-Amerika Latina, Sir Alan Duncan, rispettivament. Magħhom iddiskuta l-impatt mistenni tal-Brexit fuq ir-relazzjonijiet bilaterali ekonomici, soċjali, kummerċjali u politici bejn Malta u r-Renju Unit, kif ukoll l-impatt li dan mistenni jkollu fuq Maltin li jgħixu, jaħdmu, jistudjaw, jew jirċievu kura fl-Ingilterra. Fit-8 ta’ Ġunju 2018 saret ukoll laqgħa bilaterali bejn id-Direttur Generali għall-Affarijiet Politiċi fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u il-Viċi Kap tad-Direttorat għall-Punent u n-Nofsinhar tal-Ewropa fi ħdan il-Foreign and Commonwealth Office Ingliż. It-tnejn iddiskutew mezzi dwar kif ir-relazzjonijiet bilaterali bejn ir-Renju Unit u Malta jistgħu jimxu 'l quddiem. Aktar ricenti, fit-30 ta’ Awissu 2018, il-Ministru Abela kellu laqgħa bilaterali man-Negozjatur Ewlieni tal-Unjoni Ewropea għall-Brexit, Michel Barnier, f’Dubrovnik, fejn ġie diskuss l-aħħar żvilluppi fit-taħdidiet mar-Renju Unit, u l-impatt tal-Brexit fuq ftehim bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit. Waħda mill-prioritajiet ewlenin ta’ Malta fit-taħdidiet fuq Brexit fuq livell Ewropew kienet li tħares id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin li qed jgħxu fir-Renju Unit. Hija prijorità tal-Ministeru li jwassal bl-iktar mod wiesa’ lill-Maltin fl-Ingilterra, tagħrif dwar id-drittijiet tagħhom in vista tal-Brexit u kif jistgħu jiksbu s-“ Settled Status Scheme ”. Dan sabiex ikunu jistgħu jibqgħu residenti fir-Renju Unit wara l-Brexit għal raġunijiet varji. F’dan ir-rigward il-Ministeru flimkien mal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra, f'Ġunju 2018, nieda kampanja ta’ informazzjoni li tinkludi dawn li ġejjin: · Avviżi u laqgħat sabiex iżżomm id-dijaspora Maltija fir-Renju Unit infurmata dwar l-iżviluppi relatati ma' Brexit fir-rigward id-drittijiet taċ-ċittadini u l-iSkema tas -“Settled Status” . · Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra organizzat laqgħa għall-Maltin li jgħixu fl-Ingilterra nhar id-19 ta’ Ġunju 2018 u li għaliha attendew ukoll il-Ministru għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Lord Callanan, kif ukoll uffiċjali mill- Home Office tar-Renju Unit sabiex jindirrizzaw il-mistoqsijiet imressqa mill-Maltin fl-Ingilterra. · Nhar il-Ħadd, 15 ta’ Settembru 2018, il-Ministeru ppublika avviżi fil-gazzetti lokali kollha f’Malta sabiex iżomm il-familjari f’Malta aġġornati biex ikunu jistgħu jinfurmaw lill-qraba tagħhom fl-Ingilterra. · Nhar it-Tlieta 18 ta’ Settembru u s-Sibt 22 ta’ Settembru 2018, il-Ministeru nieda wkoll avvizi simili fuq il-medja televiżiva permezz tax-xandir tal-aħbarijiet. · Inizzjattivi oħra qegħdin jiġu mfassla għas-sena 2019. Il-Maltin fl-Ingilterra ser ikollhom ċans sa sentejn wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea sabiex jirregolarizzaw rwieħhom permezz tas-“Settled Status Scheme”.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — avukati u ditti legali – ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni kollha li għandu disponibbli, fuq kemm tħallsu (fejn għandha tiġi indikata r-rata li jitħallsu fis-siegħa fejn din hija miftehma u applikabbli) l-avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, fil-kapaċità individwali tagħhom u / jew id-ditti legali rispettiva tagħhom, kull sena bejn is-sena 2004 u s-sena 2013?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tiġi murija fit-tabella hawn taħt. Il-lista hi skont l-ordni mniżżla fil-lista tal-PQ. Sena Avukat/Ditta Ħlas 2004 Q € 2,907.86 2005 G € 855.50 2006 B € 354.00

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — car leasing

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtu, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ jista’ jgħid liema kienu b’direct order?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija fin-negattiv.

Ambaxxata Maltija għaċ-Ċina — Ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-ambaxxata tagħna għaċ-Ċina tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing taħdem bla waqfien sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u ċ-Ċina jitjiebu fuq kull livell u f’oqsma vari. Il-volum, intensità, u kwalità ta’ attività mill-Ambaxxata ta’ Malta fiċ-Ċina tul dawn l-aħħar 30 xahar qabżet kull rekord. Sar ħafna xogħol fir-relazzjonijiet bilaterali, kummerċjali, kif ukoll konsulari. Kien hemm ukoll attività netta fil-qasam tal-kultura u l-edukazzjoni. Relazzjonijiet Bilaterali u kummerċjali Mill-aspett politiku, iċ-Ċina tibqa’ priorità għall-pajjiżna u l-Ambaxxata firxet iktar il-kuntatti tagħha mal-awtoritajiet Ċiniżi. B’mod partikolari, fl-2017, il-profil ta' Malta ġie elevat permezz tal-organizzazzjoni ta' diversi attivitajiet taħt il-kappa tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. F’dawn l-aħħar snin, kien hemm numru ta’ żjarat uffiċjali, fosthom iż-żjara tal-Onor. Prim Ministru f’Beijing u Guiyuang f’Lulju 2014, iż-żjara tal-Prim Ministru f’Hong Kong f’Mejju 2015, iż-żjara uffiċjali tal-eks Ministru tal-Affarjiet Barranin f’Lulju 2015, żjara tal-Ministru tal-Finanzi f’Jannar 2016 u tal-Ministru tal-Ġustizzja f’Marzu 2016. Bejn il-11 u l-15 ta’ Settembru 2018, l-Onor. Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, żar iċ-Ċina flimkien ma’ delegazzjoni ta’ għaxar esperti Maltin minn bosta ministeri u entitajiet speċjalizzati sabiex ħadu sehem fl-ewwel laqgħa tal-Medium Term Cooperation Plan 2014-2019. Qabel il-laqgħa, id-delegazzjoni Maltija kellha laqgħa għolja mal-Kunsillier tal-Istat u Ministru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina, l-E.T. Wang Yi, fejn ġew diskussi r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi fuq kull qasam: politiku, kummerċjali, kulturali u kuntatti bejn il-popli; kif ukoll it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Ministru Wang Yi esprima wkoll ix-xewqa li jżur Malta fil-futur qarib u l-Ministru Abela laqa’ pożittivament. Dan jawgura tajjeb għar-relazzjonijiet futuri bejn Malta u ċ-Ċina. Id-diskussjonijiet matul din il-laqgħa seħħew fl-isfond tal-inizzjattivi taċ-Ċina hekk imsejjħa “One Belt, One Road” li fuqha qed jiġu msejsa l-politika internazzjonali taċ-Ċina kif ukoll ir-relazzjonijiet bilaterali taċ-Ċina ma’ diversi pajjiżi. Apparti n-numru kbir ta' Delegazzjonijiet Ministerjali, żaru ċ-Ċina wkoll il-Malta-China Friendship Association, il-Malta Stock Exchange, il-Malta Council of Science and Technology, il-Malta Film Commission, eċċetra. Kien hemm ukoll diversi aġenziji tat-turiżmu li attendew bosta fieri u promozzjoni, kif ukoll promozzjonijiet minn skejjel tal-lingwa Ingliża u anke akkademiċi li marru biex jagħtu lectures f'diversi universitajiet madwar ċ-Ċina. Ta’ min ifakkar il-45 Anniversarju mit-Twaqqif ta' Relazzjonijiet Diplomatiċi bejn Malta u ċ-Ċina fl-31 ta’ Jannar 2017, fejn kien hemm skambju ta’ ittri bejn il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern u l-Ministri tal-Affarjiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, jifirħu lil xulxin u lill-popli taż-żewġ pajjiżi f’din l-okkażjoni. L-Ambaxxata ħadmet ukoll sabiex jinżammu kuntatti tal-livelli għolja bejn Malta u ċ-Ċina, fosthom laqgħa li kelli mal-Ministru tal-Affarjiet Barranin, Wang Yi, fl-20 ta’ Novembru 2017 fil-marġini tal-ASEM Foreign Minister’ Meeting fil-Myanmar. F’dawn l-aħħar tletin xahar, ġew iffirmati numru ta’ ftehim bilaterali: - Memorandum ta’ Ftehim dwar Kooperazjoni fl-Isport (19 ta’ Marzu 2015) - Ftehim ta’ Film Co-Production (27 ta’ Lulju 2015) - Memorandum ta’ Ftehim dwar Joint Research Centre (26 ta’ Awwissu 2015) - Memorandum ta’ Ftehim dwar Intercultural Exchange and the East Asia City of Culture (30 ta’ Mejju 2016) - Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn Malta u l-Hong Kong (5 ta’ Ottubru 2016) - Protokol ta’ Kooperazzjoni fil-qasam ta’ Mediċina Tradizzjonali Ċiniża (20 ta’ Jannar 2017) Nixtieq insemmi wkoll li f’diversi okkażjonijiet l-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing irrappreżentat lil Malta f’diversi konferenzi li saru fiċ-Ċina kif wkoll madwar l-Asja. Tul dawn l-aħħar 30 xahar, l-Ambaxxata rrappreżentat lil Malta tlett darbiet fil-Korea t'Isfel, tlett darbiet fil-Mongolia, darbtejn f'Myanmar u darba fit-Tajlandja, il-Filippini u Hong Kong. F' Beijing, l-Ambaxxatur irrapreżenta lil Malta fiċ-China-EU Education Ministers' Conference, fl-Interpol Annual General Meeting (AGM), u l-Qingdao ASEM Connectivity Forum u l-BOAO Forum li sar fil-Provinċja ta' Hainan. L-Ambaxxata rrappreżentat ukoll lil-Malta fil-Quarterly Meetings of the Asia Infrastructure Investment Bank (AIIB), peress li Malta tifforma parti minn din l-għaqda. L-Ambaxxata tieħu sehem attiv ukoll f’dak li għandu x’jaqsam promozzjoni ta' kummerċ. Ħafna delegazzjonijiet magħmula minn investituri potenzjali qegħdin jiġu lejn Malta biex iżuru organizzazzjonijiet bħal Malta Enterprise, li issa għandha uffiċċjal permanenti jaħdem fil-Konsulat-Ġenerali f'Shanghai. Kull ġimgħa, il-kumpanija Shanghai Electric qed tibgħat gruppi ta' persuni li jikkonsistu f'inġiniera u amministraturi lejn Malta. F'Beijing u Shanghai, kien hemm assistenza u organizzazzjoni estensiva għal numru kbir ta' delegazzjonijiet kemm minn Malta għaċ-Ċina u kemm miċ-Ċina għal Malta. Konsolari In-numri bla preċedent f’applikazzjonijiet għal VISA pproċessati mill-Ambaxxata f’Beijing ingħataw spinta mill-ipproċessar t’applikazzjonijiet għal VISA mill-Konsulat Ġenerali f'Shanghai. Kuntratt ġdid ġie nnegozjat mal-VISA Facilitation Services (VFS) fejn maż-żewġ VISA Application Centres (VAC) li hemm f'Beijing u Shanghai, ġew miżjuda tlettax-il ċentru (VAC) imqassmin madwar iċ-Ċina u dawn jinkludu: Xian, Wuhan, Shenyang, Jinan, Hangzhou, Nanjing, Guangzhou, Shenzhen, Changsha, Fuzhou, Chongqing, Chengdu u Kunming. Ix-xogħol li sar ħalla l-frott mixtieq għaliex issa dawn iċ-ċentri ġodda jipprovdu aċċess iktar wiesa' lil ċittadini Ċiniżi biex jissottomettu applikazzjonijiet għal VISA madwar iċ-Ċina, mingħajr il-bżonn ta’ vjaġġar lejn Beijing jew Shangai. Dawn l-inizzjattivi raw in-numru ta' applikazzjonijiet għal VISA minn ċittadini Ċiniżi jirdoppja bejn l-2015 (4,435 applikazzjoni) u l-2017 (9,019 applikazzjoni). Ta’ min isemmi ukoll li t-twaqqif tal-Uffiċċju fiċ-Ċina mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-ħatra ta’ manager full-time taw spinta 'l quddiem fil-qasam tal-promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika. Fl-2016, ġie komplut ukoll il-kuntratt ma’ VISA Facilitation Services għal applikazzjonjiet għal VISA f’Manila minn ċittadini Filippini, u konsegwentament saret emenda fil-kuntratt biex jinfetaħ Malta VISA Application Centre f’Cebu. Bħalissa, dan il-kuntratt qiegħed fil-proċess li jiġi mġedded. Applikazzjonijiet għal VISA mill-Filippini qegħdin jiġu pproċessati mill-Ambaxxata f’Beijing kuljum. Simili għan-numri ta’ applikazzjonijiet minn ċittadini Ċiniżi, in-numru ta' applikazzjonijiet minn ċittadini Filippini ukoll irdoppja bejn l-2015 u l-2017 (1,350 għal 2,770). Aktar minn 80% tal-applikazzjonijiet minn ċittadini Filippini huma għal 'Long Stay', akkompanjati minn Permessi għax-Xogħol. Dawn jirrikjedu ħafna xogħol biex il-Permessi għax-Xogħol jiġu ċċekkjati flimkien ma’ dokumentazzjoni oħra. Għaddejin ukoll negozjati ta’ kuntratt simili ma’ VISA Facilitation Services rigward proċessar ta' applikazzjonijiet għal VISA minn ċittadini Vjetnamiżi billi jiġu mwaqqfa VISA Application Centres f'Hanoi u f’Ho Chi Minh City, simili għall-kuntratt nnegozjat fil-Filippini. L-Ambaxxata f’Beijing rat ukoll żieda ta’ applikazzjonijiet għal VISA minn ċittadini ta’ pajjiżi oħra mill-Asja, speċjalment mit-Tajlandja u l-Mongolja. L-iktar żvilupp sinifikanti f'dawn l-aħħar 30 xahar huwa x-xogħol involut fl-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-Malta Individual Investor Programme (MIIP) u l-Malta Residence and VISA Programme (MRVP). Dawn l-applikazzjonijiet kollha jridu jgħaddu mill-proċess ta’ awtentikazzjoni tal-firem. Barra minn hekk, kull applikazzjoni tiġi akkumpanjata minn dokumentazzjoni estensiva li jkollha bżonn awtentikazzjoni ta' kopji vera ta’ oriġinali kif ukoll legalizzazzjoni ta’ dokumenti. L-Ambaxxata stmat li iktar minn 800 applikazzjonji għal MRVP għaddew mill-Ambaxxata f’Beijing u l-Konsulat-Ġenerali f’Shanghai, fejn hemm xogħol relatat ma’ awtentikazzjoni and legalizzazzjoni ta' eluf ta’ dokumenti. Jumejn fil-gimgħa huma ddedikati għall-applikazzjonijiet, appuntamenti u intervisti ma’ applikanti u familjari tagħhom kif ukoll l-ipproċessar ta’ dokumenti. Kull applikant hu obbligat li jippreżenta ruħu in persona fl-Ambaxxata jew fil-Konsulat Ġenerali bid-dokumenti tiegħu. Tul dawn l-aħħar 30 xahar, l-Ambaxxatur indirizza 35 MRVP Promotion Forums. Għal kull avveniment kien hemm udjenzi ta’ bejn 300 u 1,000 persuna. Fora oħrajn ġew indirizzati mid-Deputat Ambaxxatur, is-Segretarju Ewlienu u l-Konslu Ġenerali f’Shanghai. Dawn il-Fora ttellgħu ukoll f'ċentri reġjonali barra minn Beijing u Shanghai, bħal Zhengzhou, Dalian, Shenyang, Hohhot, Qingdao u Jinan. Dawn iż-żewġ programmi wasslu għal żieda sinjifikanti ta’ investiment f'Malta, partikolarment bl-investiment ta’ kapital fis-suq tal-proprjetà u tal-bini. Kultura u Edukazzjoni F'Jannar ta' l-2016, l-Ambaxxata assisstiet lill-Ministru għall-Edukazzjoni, lir-Rettur tal-Università ta' Malta u diversi akkademiċi Maltin matul iż-żjara tagħhom fl-Università ta' Xiamen sabiex iġeddu l-Memorandum ta' Ftehim għall-kontinwazzjoni tal-Istitut ta' Konfuċju fl-Università ta' Malta. Ir-Relazzjoni bejn l-Università ta' Shanghai tal-Mediċina Tradizzjonali u l-Università ta' Malta ġiet imsaħħa permezz ta' skambju ta' akkademiċi, filwaqt li l-Protokolli għall-prattika ta' Mediċina Tradizzjonali Ċiniża f'Malta ġew imtejba u mġedda. Minbarra l-fieri għat-turiżmu u l-edukazzjoni, ttellgħu diversi avvenimenti varji, fosthom dawk li jfakkru Jum l-Indipendenza ta' Malta, li attendew minn bosta uffiċjali għolja tal-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, kif ukoll negozjanti Ċiniżi, promoturi tat-turiżmu, ambaxxaturi u kollegi diplomatiċi oħra. Waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ġie organizzat avveniment biex issir spjega tal-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija għal Ambaxxati tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea bbażati f'Beijing. Mal-għeluq tal-Presidenza ta' Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sar avveniment li attendew għalih madwar 420 persuna, inkluż il-Viċi Ministru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina. Il-preżenza ta’ uffiċjali tant għolja fi ħdan l-istruttura tal-gvern tixhed l-istima li Malta tgawdi mal-Gvern taċ-Ċina. Saru wkoll diversi wirjiet, fosthom wirja fotografika li fiha xeni ta' anzjani mill-Birgu kienet miftuħa uffiċjalment f'Mejju minn fotografu famuż Malti, is-Sur Joseph P. Smith. Dan sar fil-foyer ta' waħda mill-libreriji l-aktar prominenti ta' Beijing, Xicheng Library No. 1. Il-wirja żaruha minn aktar minn 5,000 persuna. L-Assoċjazzjoni tal-Poplu Ċiniż għall-Ħbiberija ma' Pajjiżi Barranin ġentilment organizzat ikla li għaliha attendew aktar minn 200 mistiedna uffiċjalment. Barra minn hekk, mill-2016, Malta bdiet tieħu sehem fiċ-Ċelebrazzjonijiet ta' Jum l-Ewropa li ssir kull sena f'Beijing fid-9 ta’Mejju fejn tiġi armata kabina b’ikel tipiku Malti kif ukoll diversi fuljetti ipprovduti mill-Awtorità tat-Turiżmu ta 'Malta. Mejda Maltija ġiet ukoll organizzata wkoll għall-Europe Street Day, avveniment li sar fit-23 ta' Settembru 2017 f'wieħed miċ-Ċentri Kummerċjali l-aktar prominenti f'Beijing.

AmbaxxataMaltija għall-Greċja — Ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-ambaxxata tagħna għall-Greċja tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Greċja huma ferm pożittivi u qegħdin ikomplu jissaħħu. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja ħadmet bla waqfien sabiex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jiġu approfondati permezz ta’ inizjattivi u ħidma li saħħew il-kooperazzjoni politika, bilaterali, kummerċjali u kulturali bejn iż-żewg pajjiżi. Ħidma Konsulari L-Ambaxxata dejjem kienet għad-disposizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu fil-Greċja u dawk li jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż, u ċittadini Griegi li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta li jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsulari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali. Fost l-oħrajn l-Ambaxxata assistiet f’informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Maltija, tiġdid ta’ passaporti, informazzjoni dwar żjarat f’Malta għal skopijiet kummerċjali u anki edukattivi u ħruġ ta’ dokumenti urġenti tas-safar għal Maltin li tilfu jew ġew misruqa d-dokumenti tagħhom waqt li kienu fil-Greċja. Promozzjoni ta’ Malta Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur attenda diversi avvenimenti u għamel diskors sabiex jippromwovi lil pajjiżna, fosthom u b’mod partikulari fis-settur Marittimu u oqsma kummerċjali oħra li kull ma jmur qegħdin jissaħħu bejn iż-żewġ il-pajjiżi. Matul is-snin, l-Ambaxxatur kellu bosta intervisti ma’ ġurnalisti b’konessjoni mar-relazzjonjiet ta’ Malta mal-Greċja. Dan sar b’mod partikulari waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u matul din is-sena, tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Turiżmu Is-settur tat-turiżmu ħa spinta ’l quddiem f’dawn l-aħħar snin hekk kif żdiedu t-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi minn tnejn fil-ġimgħa għal ħamsa. F’perjodi partikulari dawn it-titjiriet kienu ta’ sitta u anki sebgħa fil-ġimgħa. Hemm ħafna aktar xi jsir fejn tidħol konnetività bejn iż-żewġ pajjiżi speċjalment fejn tidħol il-konnetività marittima. Mal-industrija diġà eżistenti tal-‘Cruise Liners’ hemm konsiderazzjoni għal-konnetività diretta bejn iż-żewġ pajjiżi u dan biex jiġi ffacilitat aktar il-kummerċ u t-turiżmu bejniethom. L-Ambaxxata ħadet diversi inizjattivi sabiex il-konnetività bejn iż-żewġ pajjiżi tissaħħaħ kif ukoll sabiex Malta tkun ta’ attrazzjoni turistika għall-poplu Grieg. Dan sar f’ħidma għal żieda ta’ titjiriet bejn iż-żewg pajjiżi. Relazzjonijiet Kummerċjali Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja tieħu inizjattivi biex tippromwovi u kif ukoll tirċievi diversi proposti ta’ interess kummerċjali bejn iż-żewg pajjiżi. Il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi f’dawn l-aħħar snin ħa spinta ’l quddiem u fis-snin li ġejjin mistenni jkompli jikber. Attivitajiet imtella’ mill-Ambaxxata L-Ambaxxata Maltija fil-Greċja organizzat diversi attivitajiet b’konessjoni mal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill Ewropew tal-Unjoni Ewropea kif ukoll b’konessjoni mal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. L-attivitajiet, il-ħidma u l-inizjattivi matul il-Presidenza tal-UE kienu vasti u kien hemm apprezzament ġenerali mill-missjonjiet l-oħra tal-pajjiżi tal-UE f’Ateni u Nikosija għall-programm intensiv li organizzat l-Ambaxxata tagħna. L-istess jista’ jingħad għall-attività u l-promozzjoni tal-Belt Valletta bħala Belt Ewropea tal-Kultura matul din is-sena. Għal din l-okkażjoni ġiet mistiedna is-Socjetà Mużikali tal-Karmnu, Balluta, li flimkien mal-Banda tal-Municipalità ta’ Ateni, pparteċipat fi sfilata fiċ-Ċentru ta’ Ateni u madwar l-Akropolis kif ukoll tellgħet Kunċert ta’ mużika Maltija u Griega quddiem il-bini tal-Municipalità ta’ Ateni. L-Ambaxxata torganizza wkoll il-Malta Day kull sena u torganizza attivitajiet oħra flimkien mar-Reġistru Marittimu ta’ Malta biex tkompli tippromwovi u ssaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali f’dan is-settur tant importanti u vitali għal Malta. Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. F’dawn l-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata fil-Greċja, bħal bosta Ambaxxati, Ministeri u entitajiet oħra tal-Gvern, kienet iffukata fuq il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Apparti x-xogħol relatat mal-presidenza tal-laqgħat informattivi li jsiru kull xahar bil-kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Affarrijiet Barranin tal-Greċja u diversi Ministeri oħra (bħal pereżempju, ECOFIN, FAC, GAC, AGRIFISH u EPSCO), l-Ambaxxata assistiet lill-Prim Ministru waqt iż-żjarat tiegħu bħala parti mit-Tour des Capitales, lill-Ministru tat-Trasport u Infrastruttura, lill-Ministru tal-Affarijiet Ewropej u lill-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali waqt żjarat uffiċjali li dawn għamlu f’Ateni. Matul il-Presidenza ġew organizzati Konferenza tal-Aħbarijiet tal-ftuħ tal-Presidenza, Attività li mmarkat il-Ftuħ, ħames Ikliet ta’ nofsinhar ta’ Uffiċjali Għolja, Attività Kulturali, Tour tal-Ambaxxaturi tal-UE, ġimgħa attivitajiet dwar l-immigrazzjoni, ipparteċipajna fil-Kunċert ta’ Jum l-Ewropa f’Ateni, diversi laqgħat tat-Trio u Attività tal-Għeluq. Apparti dawn l-attivitajiet l-Ambaxxatur ħa sehem f’diversi konferenzi u attivitajiet oħraa. Bi preparazzjoni għall-Presidenza, il-bini tal-Ambaxxata ġie rinovat u dan bi spiża tassew minima. Illum nistgħu ngħidu li għandna bini ta’ Ambaxxata preżentabbli li jista’ jilqa’ fih lid-dinjatarji u nies oħra. Żjarat Uffiċjali Tajjeb ukoll li wieħed isemmi l-assistenza li l-Ambaxxata pprovdiet lil diversi dinjitarji Maltin li żaru l-Greċja f’dawn l-aħħar tletin xahar, fosthom: darbtejn il-Prim Ministru waqt il-parteċipazzjoni ta’ Malta fis-Summit tal-Pajjizi tal-Unjoni Ewropea tal-Meditteran u waqt il-parteċipazzjoni ta’ Malta fis-Summit bejn l-UE u l-Pajjiżi Għarab. Żjarat oħra uffiċjali saru darbtejn mill-Ministru responsabbli mis-Settur Marittimu għall-Fiera Posedonia li ssir kull sentejn, mill-Ministru tas-Saħħa u mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-V18 u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Ambaxxata Maltija f’Ġinevra – spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra xi spejjeż saru tul is-sena fl-Ambaxxata tagħna f’Ġinevra senjatament dawk indikati bħala refurbishment?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Ġunju 2017 sal-aħħar ta’ Ġunju 2018 intefqu €66,769.01 fuq xogħol ta’ refurbishment fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Ġinevra.

Għażla tal-istaff konsulari fl-Ambaxxati / Kummissjonijiet Għolja / Rappreżentanzi Permanenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-istaff konsulari fl-Ambaxxati / Kummissjonijiet Għolja/ Rappreżentanzi Permanenti ser jibdew jintgħażlu mill-Aġenzija Identità Malta u mhux mill-Korp Diplomatiku Malti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni fil Kummerċ huwa responsabbli mill-istaff li jiġu mgħażula biex iservu barra minn Malta.

Annual Ambassadors’ Meeting — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet l-ispiża involuta fl-Annual Ambassadors’ Meeting li sar bejn il-31 ta’ Mejju 2018 u l-1 ta’ Ġunju 2018? Jista’ jagħti informazzjoni wkoll liema kienu l-ambaxxaturi li attendew u dawk li ma attendewx? Jista’ jippreżenta wkoll id-diskorsi li saru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża tal-Annual Ambassadors' Meeting kienet ta’ €25,779.30.L-Ambaxxaturi residenti kollha attendew minbarra r-Rapprezentant Permanenti fi Brussel minħabba xogħol tal-UE u l-ambaxxaturi mhux residenti ma setgħux jattendu tlieta minnhom. Dwar iż-żewġ diskorsi li saru minni u mill-Prim Ministru ninforma l-Onor. Interpellant li ma kinux diskorsi miktuba b’mod formali.

Ambaxxata Maltija għall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada — Ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizzjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna għall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kienu għexiren l-inizzjattivi li din l-Ambaxxata ħadet matul dawn ix-xhur. Ta’ min jgħid ukoll li sitt xhur matul dan il-perjodu indikat, l-Ambaxxata ta’ Malta żammet il-Presidenza Ewropeja. Il-ħidma ta’ l-Ambaxxata ta’ Malta għall-Istati Uniti ta’ L-Amerka – li hi ukoll akkreditata għal-Kanada – jinqasmu f’ diversi aspetti differenti. Dawn huma: - Politika - Konsolari - Kultura u relazzjoni Pubbliċi - Ekonomija - Amministrazzjoni Politika Tul dawn l-aħħar tlett snin, ix-xogħol relatat mal-aspett politiku żdied bi kważi t-tripplu. L-Ambaxxata Maltija żdiedet il-kuntatti tagħha mhux biss mad-Dipartiment tal-Istat Amerikan, imma wkoll ma’ membri tal-Kungress, mal- White House , mad- Department of Treasury Amerikana u ma’ Dipartimenti oħrajn. Inizjattivi politiċi konkreti jinkludu fost oħrajn: Żjarat Uffiċjali ¾ Delegazzjoni Senatorjali lejn Malta mmexxija mis-Senatur Repubblikan Rand Paul ¾ Zjara uffiċjali f’Malta minn Justice Ruth Bader Ginsburg, Associate Justice tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti; ¾ Delegazzjoni lejn Malta f’livell ta’ Deputy Assistant Secretary; ¾ Delegazzjoni mill- Homeland Security Amerikana; ¾ Diversi Delegazzjonijiet Ministerjali minn Malta għall-laqgħa mal- Under Secretary għall-Affarijiet Internazzjonali tat- Treasury Amerikana; Diskussjonijiet bilaterali L-Ambaxxata żammet diskussjonijiet regolari mal-State Department Amerikan fuq temi bilaterali li jinkludu fost l-oħrajn: ¾ Ir -resettlement ta’ Refuggjati minn Malta għall-Amerka; ¾ Koordinazzjoni fuq l-assessment tal- Visa Waiver Programme; ¾ Is-sutjenn tal-Amerika għall-aċċess ta’ Malta fil- Missile Technology Control Regime (MTCR); ¾ L-aġevolazzjoni tal-bandiera marittima Maltija fil-portijiet Amerikani. Rigward il-Kanada, l-Ambaxxata żammet diskussjonijiet mal-awtoritajiet Kanadiżi, b’mod partikolari mal-Ministeru tal-Affarjiet Barranin. Temi diskussi jinkludu: - Relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Kanada - Diskussjonijiet konsultattivi fuq leġislazzjoni u regulazzjoni tal-kannabis - Politika rigward l-LGBTIQ. Minbarra l-kuntatti, saru wkoll żjarat mill-Ambaxxatur Pierre Clive Agius ġewwa l-Kanada, fejn kellu laqgħat mal-Ministru tal-Affarjiet Barranin Chrystia Freeland u mal-Prim Ministru Justin Trudeau. Konsolari F’dan il-perjodu, kien hemm żieda sontanzjali ta’ talbiet minn Maltin li jgħixu ġewwa l-Amerka għal-ċittadinanzi u passaporti Maltin. Jekk nieħdu per eżempju ċ-ċittadinanzi, it-talbiet bejn 2016 u Mejju 2018 żdiedu bi kważi 300%. Bejn l-2016 u 2018, l-Ambaxxata żiedet ukoll s-servizzi tal-“ Consul on the Move ”. Fl-2016, kull ma kien hemm servizz wieħed li seħħ ġewwa San Francisco. Din is-sena, ser ikun hemm tlett servizzi li ser isiru bejn Ottubru u Diċembru 2018 f’dawn il-postijiet: - f’Detroit Michigan, - f’San Francisco California - u għal-ewwel darba, ser ssir missjoni ġewwa Phoenix, Arizona. Din hija riflessjoni tal-isforzi li qed tagħmel l-Ambaxxata biex tkun iktar qrib tal-kommunità Maltija u biex tiffaċilita l-proċess tal-Passaporti. Minbarra s-servizzi għal-Maltin li jgħixu barra, l-Ambaxxata toffri wkoll servizzi ta’ proċessar ta’ applikazzjonijiet ta’ visas , li wkoll kien hemm żieda fl-ammont ta’ applikazzjonijiet tal- visas mhux biss minn persuni li ġejjin Malta għal-btala, imma wkoll minn studenti li sejrin jistudjaw Malta, u plejers tal-futbol li sejrin jinqgħadu ma’ timijiet Maltin. L-Ambaxxata kienet minn ta’ quddiem biex tagħmel abbozz ta’ linji gwida għal- clubs tal-futbol Maltin biex ikun hemm għarfien aħjar tal-proċess tal-viża, fejn dawn ġew mgħoddija lill-Awtorità tal-Futbol Malti (Malta Football Association) L-Ambaxxtata ta’ Malta f’Washington tindokkra wkoll ir-relazzjonijet mad-Diaspora Maltija partikolarment fl-Amerka. Fil-Kanada Malta għandha Konsolat Ġenerali. L-Ambaxxata Maltija kienet ferm involuta fl-organizzazzjoni taż-żjara mil-ET il-President ta’ Malta lill-Komunitajiet Maltin ġewwa Detroit u San Francisco. Kultura u Relazzjonijiet Pubbliċi Waħda mill-prioritajiet ewlenin tal-Ambaxxata hi l-promozzjoni ta’ Malta f’diversi setturi, inkluż is-settur kulturali u tal-edukazzjoni. L-Ambaxxata ħadet diversi inizzjattivi f’dan il-qasam, u f’medja organizzat avveniment fix-xahar. Highlights minn dawn l-avvenimenti jinkludu: ¾ Kunċert minn artist Malti fil-famuż Kennedy Center; ¾ Kunċert minn artist Malti fin- National Gallery ġo Washington DC ¾ Żewġ serati letterarji ta’ xogħol ta’ kittieba Malta ġo xejn inqas mill-Library of Congress; ¾ Parteċipazzjoni regolari fil- European Open House li din is-sena attirat 3000 visitatur fl-Ambaxxata; ¾ Parteċipazzjoni fl- Embassy Adoption Programme, fejn l-Ambaxxata Maltija “taddotta” klassi tal-Primarja u tipprovdi lezzjonijiet interattivi dwar il-kultura Maltija; ¾ Promozzjoni tal- films Maltin u x-xogħol li twettaq il-Kummissjoni Maltija għal-Films ¾ Esebizzjoni ta’ Bizzilla Maltija fil- George Washington University Museum and Textile Museum; ¾ Esebizzjoni ta’ Arti u Fotografija ta’ żewġ artisti Maltin, Anna Galea u Stephanie Galea bit-titlu ta’ Women Perspectives: a Mother/Daughter Synergy. ¾ Esebizzjoni tax-xogħol tal-Artist malti Raphael Vella; ¾ Parteċipazzjoni ta’ Malta fil- Kids Euro Festival Short Film Series; ¾ Diskussjoni fuq manuskritti antiki Maltin li saret ukoll ġewwa il- Library of Congress. ¾ Sensiela ta’ lectures mill-Ambaxxatur għand istituzzjonijiet kbar u reputtabli ferm bħal: ¾ New York University ¾ Visitation College ¾ Tufts University ¾ New York Bar Association ¾ Ronald Reagen International Center Bħala kontribut lejn is-soċjetà li tagħha hi ospite, l-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa l-Amerka zammet ukoll avvenimenti particolari bħal meta l-binja tal-Ambaxxta ġiet: ¾ Mixgħula blu nhar l- Autism Awarness Day ; ¾ Mixgħula rosa nhar il- Breast Cancer Awareness Day ; ¾ Mixgħula bil-Kuluri tal-qawsalla biex jiġi ċċelebrat jum l-ugwaljnaza Ekonomija, Turiżmu u Edukazzjoni. L-Ambaxxata ta’ Malta tkompli taħdem bi sħiħ biex tippromovi l-ekonomija Maltija u t-turiżmu ġewwa Malta. Inizjattivi konkreti għall-promozzjoni ekonomika Maltija fost oħrajn kienu: ¾ Organizzajoni ta’ stand fil-Winternational Fair ġewwa Washington DC; ¾ Organizzazjoni ta’ stand fl-International Education Fair tal-Amerikan Catholic University; ¾ Organizzajoni ta’ stand fil-fiera għall-istudenti organizzata mill-Istate Department Amerikan; ¾ Laqgħat ma’ oqsma interessati fil- blockchain technology fosthom anke ġurnalisti; ¾ Diversi laqghat ma atturi ekonomici, bankiera u kmamar ta’ kummerċ Amerikani inklużi: ¾ Lagħat mal-bank Amrikan J P Morgan sabiex tinstab soluzzjoni għall- corresponding banks ; ¾ Libya-US Business Association biex Malta tintuza bħala ċentru loġistiku; ¾ Promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni medika ta’ kwalità – attività li tat riżultati sbieħ bir-rikonoxximent ta’ Malta bħala s-sebgħa l-aqwa post fl-Ewropa għat-turiżmu medikali; ¾ Ko-ordinazzjoni bejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l- Office of Academic Exchange Programmes tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan fuq possibilità ta’ scholarships għall-studenti Maltin biex jipparteċipaw fil- Fulbright Programme; ¾ Laqgħa ma’ Chamber of Commerce of Jacksonville Florida fejn ġew diskussi possibilitajiet ta’ kollaborazzjoni ¾ fil-qasam tat-trasbord, ¾ kura għall-kanċer, ¾ avvjazzjoni u ¾ software engineering ; Dawn id-diskuzzjonijiet għadhom għaddejin u hemm pprogrammati laqgħat oħrajn fil-ħarifa. Tajjeb li nsemmu wkoll li grazzi għall-isforzi tal-Ambaxxata, reġa’ ġie introdott il- Malta Fulbright Programme, li kien ilu nieqes għal dawn l-aħħar għoxrin sena. Ħames studenti Amerikani pparteċipaw f’dan il-programm. Amministrazzjoni F’dawn it-tletin xahar, l-Ambaxxata ta’ Malta ġiet ukoll rinnovata wara għexiren ta’ snin mitluqa, tant li s-sular ta’ fuq kien kundannat. Ġew mibdula il-kmamra tal-banju, is-soqfa tas-sular ta’fuq u t-twieqi tas-sular ta’ fuq ukoll. Ġie wkoll rinnovat kompletament il-konsolat ta’ Malta f’Washington inkluż l-apparat li jintuża sabiex jinħargu l-viża u l-passaporti.

Ambaxxata Maltija għat-Tuneżija — Ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizzjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna għat-Tuneżija tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel ma wieħed janalizza l-ħidma tal-Ambaxxata ta’ Malta fit-Tuneżija huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-kuntest attwali tal-pajjiż. Mill-2011 ‘l hawn t-Tuneżija għaddiet b’suċċess minn tranżizzjoni demokratika li għal perjodu ħolqu element ta’ inċertezza u instabbilità. Kellha tilqa’ wkoll għal sfidi ġodda fosthom dawk tat-terroriżmu. Is-sena 2015 kienet immarkata minn tlett attakki terroristi li ħallew impatt profond fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u b’konsegwenza fuq il-ħidma diplomatika ta’ Malta f’dan il-pajjiż. Malta, anke fir-rwol tagħha ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, uriet appoġġ kontinwu għat-Tuneżija u dawn l-aħħar xhur kienu kkaratterizzati minn attività diplomatika intensiva bi skambji u viżti regolari u ta’ livell mill-aktar għoli. Inizzjattivi Politiċi Żjarat Bilaterali 20 April 2016 - Il-President ta’ Malta attendiet is-seminar “Promoting Values of Peace and Dialogue”. Matul din iż-żjara, l-President kellha laqgħat mal-għola awtoritajiet Tuneżini fosthom il-President tar-Repubblika Tuneżin. 26 Mejju 2016 - Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin mexxa viżta uffiċjali f’Malta u kellu laqgħat mal-għola awtorijatijet Maltin. 25-26 April 2017 Bħala parti mill-programm tal-Prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, f’April tal-2017, l-Ambaxxata ta’ Malta fit-Tuneżija organizzat laqgħa f’Tuneż tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea kontra t-Terroriżmu (COTER). Din kienet l-ewwel darba li dan il-Grupp iltaqa’ barra minn Brussell u li r-rappreżentanti tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kellhom l-opportunità li jkollhom esperjenza diretta tal-pajjiż li miegħu l-UE għandha programm intensiv ta’ kooperazzjoni fil-qasam konċernat. Din il-viżta, li seħħet b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Tuneżini, tat l-opportunità biex isir skambju diretti dwar il-ħidma u l-progress li twettaq b’kooperazzjoni ma’ memrbri tal-komunità internazzjonali fosthom l-UE wara l-attakki terroristiċi tal-2015. 7-8 Novembru 2017 Bħala parti mill-kommemorazzjoni tal-ħamsin anniversarji tar-relazzjonijiet diplomatici bejn Malta u t-Tuneżija, il-President ta’ Malta, fuq stedina tal-President tar-Repubblika Tuneżin, mexxiet Viżta Uffiċċjali fit-Tuneżija u kellha laqgħat mal-għola awtorijatijet Tuneżini u mal-komunità Maltija. F’din il-laqgha l-President kienet akkumpanjata mill-Ministru tal-Affarijet Barranin u tal-Promozzjoni tal-Kummerċ kif ukoll mill-Ministru ghall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar. Il-President inawgurat Business Forum Malti-Tuneżin (ara d-dettalji aktar 'l isfel). Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u tal-Promozzjoni tal-Kummerc, mexxa Konsultazzjonijiet Politiċi mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin. Fost affarijiet oħra, ġie deċiż li s-sessjoni li jmiss tal-Kummissjoni Konġunta (Joint Comission) bejn Malta u t-Tuneżija tinżamm Malta matul l-2018. Iż-żewġ Ministri responsabbli għall-Affarijiet Barranin iffirmaw ftehim bilaterali dwar it-turiżmu u ftehim ieħor dwar l-edukazzjoni. Bħalissa l-Ambaxxata qiegħda ssegwi l-proċess biex tiltaqa' l-Kummissjoni Konġunta. F’Gunju 2018, l-Ambaxxata għaddiet stedina mill-President ta’ Malta lill-President tat-Tuneżija biex imexxi Żjara Statali f’Malta matul l-2018. Matul is-sena 2017 il-Ministru tal-Kultura Tuneżin attenda konferenza f'Malta u kellu laqgħat bilaterali mal-Ministru Malti responsabbli għall-Kultura. Matul l-2017 il-Ministri Maltin responsabbli għall-Kultura, għall-Edukazzjoni u għall-Intern, attendaw laqgħat multilaterali li seħħew fit-Tuneżija. Kummerċ L-Ambaxxata ta’ Malta żżomm kuntatt regolari u kontinwu mal-kummerċanti Maltin preżenti fit-Tuneżija. L-Ambaxxata b’mod regolari tati appoġġ lil dawn l-intrapriżi u tagħmel rappreżentazzjonijiet mal-awtoritajiet Tuneżini b’għan li jiġu riżolti intoppi għall-kummerċ. L-Ambaxxata regolarment tirċievi talbiet għall-għajnuna ta’ natura varja minn kummċerjanti kemm Maltin u kemm Tuneżini li jkunu interessanti f’kummerċ bilaterali. L-Ambaxxata ħadet numru ta’ inizzjattivi biex tibni kuntatti ġodda ma kummerċjanti u entitajiet kummerċjali Tuneżini li jistgħu jkunu interessanti li jesploraw kuntatti bilaterali ġodda. Ta’ min isemmi li matul l-2017 il-kumpanija tal-ajru Maltija l-Air Malta reġgħet bdiet titjiriet regolari diretti bejn Malta u t-Tuneżija wara waqfa ta’ tmien snin. L-Ambaxxata għamlet bosta rappreżentazzjonijiet importanti mal-awtoritajiet Tuneżini biex jiġi faċilitat l-operat ta’dawn it-titjiriet. Business Forum Fl-isfond tal-Viżta Uffiċjali tal-President ta’ Malta fit-Tuneżija, fis-7 ta’ Novembru 2017, l-Ambaxxata b’kooperazzjoni mal-kmamar tal-kummerċ ta’ Malta u ta’ Tuneż, organizzat Business Forum Malti-Tuneżin. Dan il-forum ġie inawgurat mill-President ta’ Malta flimkien mal-Prim Ministru Tuneżin fil-preżenza ta’ sitt membri tal-kabinett Tuneżin. Il-ftuħ ġie segwit minn Business to Business Meetings bejn intrapriżi u kummerċjanti Maltin u Tuneżini. Il-kmamar tal-kummerċ ta’ Malta u ta’ Tuneż organizzaw it-tieni edizzjoni tal-Busines Forum Malti-Tuneżin, f’Malta bejn it-12 u t-13 ta’ Marzu 2018. L-Ambaxxata tat appoġġ loġistiku per eżempju bil-ħrug ta’ viżas. L-Ambaxxata qiegħda ssegwi l-kuntatti li seħħew matul iż-żewg edizzjonijiet tal-Business Forum u rċeviet numru ta’ talbiet għall-għajnuna mingħand kummerċjanti u intrapriżi Maltin li wħud minnhom għamlu żjarat ta’ follow up f’dawn l-aħħar xhur. Bħalissa, l-Ambaxxata qiegħda tipprepara għal-viżta f’Malta ta’ numru ta’ Kummerċjanti Tuneżini. Kultura u Promozzjoni L-attakki terroristiċi tal-2015 kellhom impatt sostanzjali fuq il-ħidma tal-Ambaxxata biex tippromovi kuntatti kulturali bejn iż-żewg pajjiżi. Madanakollu l-Ambaxxata żżomm kuntatt kontinwu ma’ entitajiet kulturali Tuneżini. Fi Frar tal-2018 l-Ambaxxata tat għajnuna lil stazzjon televiżiv Tuneżin li tella produzzjoni dwar il-komunità Maltija li kienet tgħix fit-Tuneżija fis-sekli dsatax u għoxrin. F’April 2018 l-Ambaxxata tat għajnuna lil entità kulturali Maltija li żaret Tuneż biex tipproduċi film dwar il-preżenza Maltija fit-Tuneżija. Huwa maħsub li matul l-2018 mużiċisti Maltin jieħdu sehem f’żewġ attivitajiet kulturali f’Tuneż. Qiegħdin isiru tħejjijiet biex jixxandar feature fuq Malta f’riviżta Tuneżina ta’ kwalità għolja fis-sajf 2018. F’Novembru 2017 l-Ambaxxata nehdiet stand Maltija fil-bażar annwali li jorganizza l-Korp Diplomatiku fit-Tuneżija. L-Ambaxxata tipparteċipa wkoll f’bosta attivitajiet biex jinġabru fondi għal entitajiet filantropiċi Tuneżini. Servizzi Konsulari - L-Ambaxxata toħroġ l-viżas għal-ċittadini Tuneżini u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti fit-Tuneżija. Wara l-awtorizzazzjoni mis-Central Visa Unit, ċittadini Libjani jkunu jistgħu japplikaw għall-viża fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Tuneż. - L-Ambaxxata toffri servizzi konsolari (per eżempju tiġdid ta’ passaporti u reġistrazzjoni ta’ twelid u żwieġ u atti ċivili oħra), lill-komunità Maltija li tgħix fit-Tuneżija u lill-familjari tagħhom. Toffri wkoll servizz ta’ legalizzazzjoni ta’ dokumenti. - L-Ambaxxata tilqa' numru ta’ talbiet ta’ informazzjoni u applikazzjonijiet għaċ-ċittandinanza l-aktar minn dixxendenti tal-komunità Maltija li kienet tgħix fit-Tuneżija fis-sekli dsatax u għoxrin. - Apparti milli toffri servizzi konsulari m’mod regolari l-Ambaxxata żżomm kuntatt kontinwu mal-komunità Maltija f’Tuneż u ġieli torganizza laqgħat informali mal-membri. - Matul dawn l-aħħar snin l-Ambaxxata Maltija tat assistenza lil ċittadin Malti li kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs f’Tuneż u wara li ġie meħlus ħargitlu dokument tal-ivvjagar u ffaċilitat ir-ritorn tiegħu lejn Malta. Amministrazzjoni L-Ambaxxata għaddejja minn proċess biex jiġi identifikat bini ġdid għall-Ambaxxata u l-Konsulat li jkun aktar sigur u aktar ta’ rappreżentanza xierqa.

Ambaxxata Maltija għar-Russja — Ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizzjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna fir-Russja tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja s-sitwazzjoni predominenti fir-reġjun, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska taħdem bla waqfien sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u r-Russja jkomplu jiġu mtejba fuq kull livell u f’diversi oqsma. . Għaldaqstant, kienu bosta l-inizzjattivi li din l-Ambaxxata ħadet f’dawn l-aħħar tletin xahar sabiex tgħolli l-profil ta’ Malta fir-Russja f’oqsma differenti: - Politiċi; - Konsolari; - Promozzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-kummerċ u negozju; - Kultura u Edukazzjoni. Politika Mill-aspett politku, ir-Russja huwa pajjiż importanti ferm, kemm mil-lat bilaterali u kif ukoll f’ambitu multilaterali. B’hekk, tul dawn l-aħħar tlett snin, l-Ambaxxata żiedet il-kuntatti tagħha ma’ diversi awtoritiajiet Russi u pparteċipat f’diversi laqgħat u ‘briefings’ ogranizzati minn awtoritijiet Russi u Ambaxxati ta’ pajjiżi oħrajn fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw kemm ir-Russja u kif ukoll ir-reġjun. Inizjattivi politiċi konkreti f’dan il-perjodu jinkludu fost oħrajn: Żjarat Uffiċjali: - Iż-Żjara Uffiċjali f’Moska, mill- eks Ministru għall-Enerġija u-Saħħa, l-Onor. Konrad Mizzi, fis-16 ta’ Settembru 2015; - Iż-Żjara Uffiċjali mill-Onor. Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal- eks Viċi Prim Ministru l-Onor. Louis Grech u l- eks Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Onor. George W. Vella fil-15 ta’ Novembru 2016; L-Ambaxxata tat ukoll assitenza lil dinjitari oħra Maltin li żaru r-Russja f’dawn l-aħħar tletin xahar sabiex jipparteċipaw f’diversi avvenimenti, fosthom l-Onor. Chris Cardona, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, l-Onor. Anton Refalo l-eks Ministru għall-Għawdex, L-Onor. Leo Brincat, l-eks Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima. F’dawn l-aħħar tletin xahar, ġew iffirmati diversi Ftehim bilaterali: - Memorandum ta’ Ftehim dwar Kooperazzjoni fil-Qasam tas-Saħħa; - Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki u l-Lawrji Akkademiċi; - Memorandum ta’ Qbil dwar Kooperazzjoni fis-Settur tat-Turiżmu bejn il-Ministeru għat-Turiżmu tar-Repubblika ta’ Malta u l-Ministeru tal-Kultura tal-Federazzjoni Russa; - Ftehim bejn il-Fondazzjoni Roscongress (l-organizzaturi tal-Forum Ekonomiku ta’ San Petroburgu) u Trade Malta. Konsolari F’dawn l-aħħar sentejn, l-Ambaxxata ta’ Malta fir-Russja kienet xhieda ta’ żieda sostanzjali fin-numri ta’ Maltin li jżuru r-Russja u kif ukoll, ta’ Russi li jżuru Malta. In-numru ta’ turisti Russi lejn Malta, li kien naqas sostanzjalment wara l-kriżi tar-Rublu fl-2015 u l-2016, reġa’ qed jiżdied u mill-bidu ta’ Jannar sa’ Ġunju 2018, l-Ambaxxata Maltija fir-Russja ħarġet iktar minn erbat elef viża (skond il-Visa Management System) għal turisti u studenti (tal-Ingliż) Russi minn diversi reġjuni. Din iż-żieda m’hijiex biss riżultat ta’ titjib fis-sitwazzjoni ekonomika fir-Russja, iżda hija wkoll frott tal-isforzi kontinwi tal-Ambaxxata sabiex tistabilixxi lil Malta bħala destinazzjoni turistika popolari fost il-popolazzjoni Russa. Sabiex Malta tkun tista’ tikkompeti ma’ destinazzjonijiet turistiċi popolari oħrajn, bħal ngħidu aħna, Spanja u l-Greċja. Il-Konsolat ta’ Malta f’Moska, flimkien mal-aġenti sussidjarji li jiffaċilitaw is-servizzi tal-viżas (VFS), ħoloq sistema effettiva li twassal għall-ħruġ tal-viżas turistiċi f’madwar tlett ijiem, irrespettivament mill-lokalità tal-applikant. In-network tal-uffiċji tal-VFS fir-Russja, minn Kaliningrad (Punent) sa’ Vladivostok (Lvant), qed tiġi użata b’mod effettiv mhux biss għal iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi, imma wkoll għall-promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika (u studju) f’reġjuni li jinsabu l-bogħod minn Moska. Dan l-outreachqed isir ukoll permezz ta’ ċirkulazzjoni ta’ materjal promozzjonali li huwa magħmul speċifikament għall-udjenza Russa. L-istabbiliment ta’ Konsli Onorarji fir-reġjuni madwar il-Volga inkluż fir-Repubblika tat-Tatarstan u dalwaqt anke fis-Siberja (Novosibirsk u Irkutsk) u fl-Urali (Chelyabinsk u Ekaterinburg) qed jgħin sabiex tiżdied il-viżibilità u l-outreach ta’ Malta fir-Russja u jiġu sostenuti l-isforzi tal-Ambaxxata sabiex jiżdiedu l-iskambji kummerċjali bejn Malta u r-Russja f’diversi oqsma. Għaddeja ħidma sabiex diversi kandidati oħra jiġu proponuti għall-Konsli Onorarji f’reġjuni ekonomikament importanti fin-Nofsinhar u l-Punent tar-Russja, fejn hemm l-ikbar konċentrazzjoni ta’ industrija u opportunitajiet ta’ investiment. F’dawn l-aħħar snin (mill-2014), l-interess fir-Russja fost ċittadini Maltin ukoll qed jiżdied u n-numri ta’ Maltin li qed jirrikorru għall-assistenza tal-Ambaxxata għall-informazzjoni u tagħrif fuq il-pajjiż, kemm fuq tema turistika u akkademika u kif ukoll kummerċjali, żdied b’mod konsiderevoli. Iż-żieda ta’ skambji kummerċjali bejn Malta u r-Russja hija wkoll riżultat tal-avvenimenti frekwenti (madwar tlieta fis-sena) li torganizza l-Ambaxxata flimkien mal-Konsli Onorarji u Kmamar tal-Kummerċ f’diversi reġjuni fir-Russja, li qed iżidu l-interess reċiproku fl-opportunitajiet kummerċjali li jeżistu fiż-żewġ Pajjiżi. L-avvenimenti kummerċjali li jmiss huma pjanati f'Tula (Tula Oblast - 501,169 abitant) u Chelyabinsk (Chelyabinsk Oblast - 1,130,132 abitant). L-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska qed tagħti attenzjoni speċjali lil qasam tal-Edukazzjoni. Fil fatt, in-numru ta’ skambji bejn studenti Maltin u Russi qed jiżdied b’mod konsiderevoli. Malta tgawdi fama eċċellenti għat-tgħalim tal-Inġliz u hi l-iktar destinazzjoni popolari (mill-pajjiżi Schengen) mal-istudenti tal-Ingliż, filwaqt li Universitajiet Russi qed ikomplu jattiraw studenti Maltin, l-aktar mil-qasam tax-xjenza (mediċina u dentistrija). Riżultat ta’ dan, l-Ambaxxata hija xhieda wkoll ta’ żieda sostanzjali fl-iskambji bejn akkademiċi u riċerkaturi Maltin mill-Università ta’ Malta u Russi minn diversi Universitajiet stabbiliti. Iż-żieda fin-numri ta’ taċ-ċittadini Maltin li jgħixu u jaħdmu fir-Russja, f’dawk li jivvjaġġaw lejn ir-Russja u ċittadini Russi li jixtiequ jivvjaġġaw, jgħixu jew jinvestu f’Malta wassal għal żieda fl-assistenza konsolari li toffri l-Ambaxxata. F’okkażjonijiet varji, l-Ambaxxata ħadmet flimkien ma awtoritajiet Russi sabiex issolvi problemi u sitwazzjonijiet varji li ċittadini Maltin jiltaqgħu magħhom ġewwa ir-Russja. Waqt it-Tazza tad-Dinja 2018, iktar minn 400 ċittadin (skond il-FIFA) Malti huma pjanati li jżuru r-Russja. L-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska qed taħdem id f’id mal-FIFA, awtoritajiet Russi u anke ma’ missjonijiet tal-pajjiżi tal-UE fi bliet Russi sabiex toffri kull għajnuna neċessarja. Promozzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-kummerċ u negozju Sabiex issaħħaħ il-viżibilità ta’ Malta mat-territorju vast Russu, l-Ambaxxata stabbilixxiet kuntatt ma’ diversi kmamar tal-kummerċ ta’ reġjuni differenti u qed taħdem bi sħieħ mal-Kamra Federali tal-Kummerċ u l-Industrija u kif ukoll mal-Assoċjazzjoni tal-Intraprendituri ta’ Moska bil-għan li tikseb kuntatti fil-qasam kummerċjali u sabiex tkun tista’ tagħti pariri infurmati lil intrapriżi Malti li huma nteressati fis-suq Russu. L-aktar inizjattivi prominenti għall-promozzjoni ta’ kummerċ bejn Malta u r-Russja jinkludu: i. Forums ta’ Negozju Mill-2014 l’hawn, l-Ambaxxata Maltija f’Moska organizzat avvenimenti kummerċjali bħala parti mill-attivitajiet komemorattivi tal-Jum Nazzjonali ta’ Malta fil-21 ta’ Settembru. - Fl-24 ta’ Settembru 2015, ġie organizzat avveniment kummerċjali bil-parteċipazzjoni tal-Onor. Chris Cardona Ministru għall-Ekonomija, Investient u Intrapriżi Żgħar u diversi intraprendituri Maltin minn diversi oqsma. - Fl-20 ta’ Settembru 2016, ġie organizzat avveniment kummerċjali f’Moska, bil-għan li jesponi il-potenzjal ekonomiku tal-gżira Għawdixja. L-Onor. Anton Refalo, eks Ministru Għal-Għawdex flimkien mar-Reprezentatnti mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex u l-Assoċċjazzjoni għal-Promozzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex ipparteċipaw f’dan l-avveniment. - Fl-20 u 21 ta’ Settembru 2017, ġie organizzat avveniment kummerċjali fil-Belt ta’ Nizhny Novorgod. Dan il-Forum serva bħala pjattaforma għal kuntatti bejn negozjanti Maltin u Russi. Madwar 300 parteċipant mis-setturi tat-turiżmu, l-edukazzjoni u l-investiment kienu preżenti fil-Forum. L-Ambbaxata providiet assistenza sabiex jiġi organizzat business forum fiċ-Ċentru tal-Kamra Federali tal-Kummerċ u l-Industrija f’Moska bi sħubija ma’ Trade Malta u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, fil-marġni taż-żjara uffiċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Moska fil-15 ta’ Novembru 2016. Matul dawn l-aħħar xhur, l-Ambaxxata ppartecipat f’diversi edizzjonijiet ta’ St Petersburg International Economic Forum (SPIEF) u ir-Russian Investment Forum fil-Belt ta’ Sochi biex tompli tesplora opportunijiet ekonomiċi t’interess għal Malta. ii. Żjarat fir-Reġjuni Bħala parti mil-isforzji ta’ outreach u viżibilà’, matul dawn l-aħħar xhur, l-Ambaxxatur żar numru ta’ bliet f’reġjuni Russi, fosthom f’San Petroburgu, Sochi, Kazan, Nizhny Novogord, Vladimir, Yaroslav, Suzdal u oħrjan. L-aġenda waqt dawn iż-żjarat, apparti li tikludi laqgħat ma’ rappreżentanti reġjonali, tinkludi wkoll numru ta’ laqgħat mal-Kmamar tal-Kummerċ prominenti fir-reġjun, Universtajiet, u kif ukoll diversi assoċjazzjonijiet mis-settur tat-turiżmu. . Rapreżentanti mil-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Air Malta u diversi kumpaniji Maltin oħrajn jipparteċipaw f’dawn iż-żjarat b’mod regolari. iii. Ħidma oħra L-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska kienet strumentali wkoll fl-organizzazzjoni ta’ għadd ta’ żjarat ta’ delegazzjonijiet kummerċjali minn Malta u mir-Russja bil-għan li jkun hemm żieda fl-iskambji kummerċjali. Barra minn hekk, fuq bażi regolari, l-Ambaxxatur jiltaqa’ ma’ diversi kumpaniji Russi minn setturi differenti li għandhom interessant li jinvestu f’Malta. L-Ambaxxata tiffaċilita wkoll kuntatti mal-awtoritajiet Maltin u tassigura li dawn il-kumpaniji jingħataw l-għajnuna u l-informazzjoni meħtieġa. Kultura u Edukazzjoni Il-promozzjoni ta’ Malta fis-setturi kulturali u tal-edukazzjoni permezz ta’ avvenimenti varji hija waħda mill-prioritajiet ewlenin tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska. Highlights riċenti minn dawn l-avvenimenti jinkludu: 2017: Kunċert minn mużicisti Maltin mill-Orkestra Filarmonika li seħħ ġewwa teatru storiku f’Moska; Kunċert li jimmarka il-ħamsin sena anniversarju mit-twaqqif ta’ relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u r-Russja mill-vionilista Malti Carmine Lauri, flimkien ma’ mużiċisti Maltin mill-Orkestra Filarmonika u mużiċisti Russi mit-Teatru Marinsky ta’ San Petroburgu; Matul l-2017, ġew stabbiliti kuntatti ma’ diversi Universitaijiet, fosthom, l-Università tal-Pedagoloġija f’Nizhny Novgorod fejn ġew diskussi possibilitajiet sabiex titwaqqaf akkademja tat-Tagħlim tal-Musika Russo-Maltija ġewwa Malta li jkollha l-potenzjal tattira studenti internazzjonali. 2018: Parteċipazzjoni regolari fil-laqgħa ta’ esperti fil-qasam tal-kultura tal-pajjiżi tal-UE fejn ġie preżentat il-programm ta’ avvenimenti matul il-V18 li jinkludu kooperazzjoni ma artisti stabilliti Russi. Dawn l-avvenimenti jinkludu: il-Malta International Music Festival u Russian Masters (li saru f’Marzu) u Tchaikovsky’s Fifth Symphony (li sar f’Mejju). Diskussjonijiet mar-Russja għaddejjin wkoll fil-qasam tal-wirt storiku u restawr tal-arti bejn iċ-Ċentru tal-Konservazzjoni tal-Arti Grabar u Heritage Malta fejn qed tiġi kkunsidrata il-possibiltà ta’ skambji bejn esperti Maltin u Russi f’dan il-qasam. Fl-avvenimenti kulturali msemmija hawn fuq, l-Ambaxxata ħadmet mhux biss sabiex tesponi t-talent artistiku Malti fir-Russja, imma wkoll sabiex tippromwovi produtturi Maltin tal-ikel u xorb (fosthom inbid u prodotti artiġjanali) li xtaqu li l-prodotti tagħhom jkunu esposti ma’ udjenza Russa. Minn sena għal sena, in-numru ta’ intrapriżi Maltin li huma interessati fis-suq Russu żdied b’mod konsiderevoli u f’kull avveniment, l-Ambaxxata tassigura li toffri prodott ġenwinament Malti. F’April 2018, l-Ambaxxata tat assistenza u kuntatti ma’ diversi producers stabbiliti lill-Kummissarju Malti għal-Film waqt iż-żjara tiegħu fir-Russja.

Qorti Ewropea tal-Ġustizzja – proċess ta’ għażla għall-kariga ta’ Imħallef

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa pubblika miftuħa għall-proċess ta’ għażla għall-kariga ta’ Imħallef fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja peress li f’Ottubru li ġej jiskadi t-terminu tal-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u stante li tali proċess ta’ għażla jdum mill-inqas disa’ xhur?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Renju Unit – Maltese Culture Movement – Malta Day

Question

L-akbar għaqda tal-Maltin fir-Renju Unit hi l-Maltese Culture Movement fejn ilha torganizza l-avveniment tal-Malta Day f’Settembru b’suċċess sa mill-2001, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna jagħti l-Ministeru tiegħu biex dan iseħħ? X’inhuma l-pjanijiet għal din is-sena u għas-sena 2019?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Għaqda msemmija mhux l-unika organizazzjoni li hija nvoulta biex il-Malta Day fir-Renju Unit tiġi organizzata.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – laqgħat fuq traffikar taż-żejt mil-Libja għall-Italja

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3610, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-laqgħa kenitx organizzata formalment? Jista’ jgħid min kienu l-persuni involuti fil-laqgħa?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-mistoqsija 3610, specjalment għall-ewwel sentenza.