Pembroke - Livell għoli ta’ trab u storbju - Ilmenti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31438
rigward il-livell għoli ta’ trab u storbju li qed ikun hemm waqt il-kostruzzjoni li għaddej bħalissa, f’Pembroke, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità irċevitx ilmenti dwar dan, f’dawn l-aħħar ħames xhur?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li kemm l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni kif ukoll l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol irċevew ilmenti dwar trab u storbju f’siti ta’kostruzzjoni ġewwa Pembroke. Apparti minn hekk nikkonfemra ukoll li uffiċċjali miż-żewġt entitajiet għamlu spezzjonijiet dwar dawn l-ilmenti u ittieħdu il-passi neċċessarji.
Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W 465.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30587 u 30588 li oriġinarjament saru lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol rispettivament u ċjoè: Fid-dawl ta’ ilmenti dwar residenzi li fihom qed ikun hemm aktar persuni joqogħdu milli permess, jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex qed isiru spezzjonijiet dwar dawn l-abbużi fil-kera?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentaru 31180 u jgħid jekk hemmx xi fond speċifiku għall-vittmi ta’ inġustizzji sia politiċi u sia ta’ xort’oħra, liema vittmi jkunu wkoll fl-impossibbilità fattwali, legali jew xort’oħra li jiġbru danni mill-persuna jew persuni li jkunu ikkaġunawlhom tali danni?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Public Liability Insurances/Professional Indemnity Insurances - Vittmi li jsofru danni kawża ta’ kostruzzjoni jew xogħlijiet oħra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-rigward ta’ Public Liability Insurances jew Professional Indemnity Insurances inġenerali, għandux intenzjoni jew hux qed jaħdem attwalment fuq qafas leġislattiv dwar vittmi li jsofru danni kawża ta’ kostruzzjoni jew xogħlijiet oħra, jew f’każ ta’ terzi li jfittxu professjonisti in konnessjoni max-xogħol tagħhom b’mod li t-terzi jkunu jistgħu jinnegozjaw jew eventwalment jipproċedu direttament kontra l-assikurazzjoni?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Assikurazzjonijiet - Impjegati li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol - Dritt ta’ ‘direct action’
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir fuq qafas leġislattiv ġdid jew jekk hux opportun li jiddaħlu emendi dwar il-possibiltà li jiġi introdott b’mod ċar id-dritt ta’ ‘direct action’ favur l-impjegati u l-ħaddiema tagħna, direttament kontra l-assikurazzjonijiet li jipprovdu kopertura lill-‘employers’ fir-rigward ta’ ‘claims’ għal danni jew ġrieħi minn impjegati li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol, simili għal dak li hu provdut fl-Ordinanza dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur għar-Riskji ta’ Terzi Persuni, Kap. 104 tal-Liġijiet ta’ Malta, b’mod li min iweġġa’ jkun jista’ jinnegozja jew eventwalment jipproċedi direttament kontra l-kumpanija tal-assikurazzjoni?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont b’mod konċiż, (jekk huwa l-każ) x’inizjattivi qegħdin jittieħdu biex l-iżviluppi mgħaġġla u pożittivi li qegħdin isiru fl-Intelliġenza Artifiċjali jiġu applikati għas-settur tal-ġustizzja u jelenka wkoll x’vantaġġi hemm minn tali applikazzjoni għal dan is-settur?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Swatar, Birkirkara - Triq Maestro Giuseppe Busuttil - Permessi għal cranes
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra dwar permess jew permessi li hemm sabiex persuni jew kumpaniji joperaw bi crane fi Triq Maestro Giuseppe Busuttil, is-Swatar, f’Birkirkara, minn entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Ministru u jekk huwa l-każ, jgħid jekk hemmx terminu meta dan l-istess xogħol għandu jitlesta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-aħħar aġġornament li rċievejna, il-crane nkwistjoni ġie re-allokat ġewwa plot vojta. Dan għadu kemm tressaq f’din il-plot u f’dan l-istadju qiegħed jiġi ċ-ċertifikat mill-Inġinier qabel ma jibda joppera, u dan sabiex ikun konformi mar-regolamenti.
Preċedentament għal din ir-rilokazzjoni tal-crane, kien hemm il-clearance meħtieġa mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Dan filwaqt li l-uffiċċjali tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-xogħol wara spezzjoni kienu kkonfermaw ukoll li l-crane kien kopert biċ-ċertifikati kollha.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31431 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm intefqu flus pubbliċi fi spejjeż legali jew ta’ konsulenza għad-difiża ta’ azzjonijiet tal-gvern f’każijiet ta’ arbitraġġ internazzjonali?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill- Onor. Interpellant illi l-arbitraġġ għadu mhux magħluq u ghaldaqstant, kull dettall relatat miegħu qed jiġi meqjus kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31419 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid kemm hu l-għadd ta’ kuntratturi li ressqu applikazzjoni biex jiksbu għotjiet għall-akkwist ta’ tagħmir tal-kostruzzjoni li hu aktar ambjentali, u kemm minnhom ġew approvati? Jista’ wkoll jippreżenta lista bl-ismijiet ta’ dawk kollha li applikaw, inkluż dawk li bbenefikaw u kemm irċevew, kif ukoll dawk li ma ġewx approvati u r-raġuni għaliex?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Il-Qorti Ġenerali tal-Qorti Ewropea – Għażla ta’ Imħallef
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-għażla għal imħallef ieħor fil-Qorti Generali tal-Qorti Ewropea li issa ilu vakanti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpallant illi Il-Kandidat Malti ma ngħatax ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Il-Qorti Ġenerali tal-Qorti Ewropea – Każ ta’ individwu
Question
Peress li fil-Qorti Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, skada t-terminu tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li t-terminu tiegħu jiġġedded?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta tingħata f’seduta oħra.
Qorti ta’ Reviżjoni tal-Atti Notarili – Żjarat u spezzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il żjara u kemm-il spezzjoni saret fl-aħħar sentejn, mill-Qorti ta’ Reviżjoni tal-Atti Notarili f’uffiċċji ta’ nutara, meta dehrilha li kien meħtieġ skont l-artikolu 115 (1) tal-Att dwar il-Professjoni Nutarili u l-Arkivji Nutarili, Kap. 55 tal-Liġijiet ta’ Malta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li matul dawn l-aħħar sentejn ma sarux spezzjoni mill-Qorti ta’ Reviżjoni tal-Atti Nutarili f’uffiċċji ta’ nutara privata, jew fuq talba mill-Avukat Ġenerali, skont l-artikolu 115 (1) tal-Att dwar il-Professjoni Nutarili u l-Arkivji Nutarili, Kap. 55 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22149 li ngħatat fil-5 ta' Novembru 2024, jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar il-'Preliminary Market Consultation' li ħarġet l-Aġenzija tal-Qrati 'Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court' li għalqet fis-6 ta' Jannar 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm u min kienu l-persuni jew kumpaniji li wrew interess? Fejn se ssir il-Qorti l-ġdida f'Għawdex u meta ser tinfetaħ?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’ hemmx aktar żviluppi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 22149, peress li l-proċess għadu għaddej.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29024, 29546 u 29732 u jgħid l-ammont ta’ assi, bħala assi, li nbiegħu mill-Asset Recovery Bureau minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29023, 29545 u 29731 u jgħid kemm, u x’valur ta’ assi, inġabru mill-Asset Recovery Bureau minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31143, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30878 u 30879 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika rispettivament u jgħid jekk humiex isiru spezzjonijiet f’Pembroke marbuta mal-livell għoli ta’ trab u storbju li qed ikun hemm waqt il-kostruzzjoni li għaddej bħalissa?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li kemm l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurta u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni jagħmlu spezzjonijiet regolari marbuta mal-livell għoli ta’ trab u storbju ġewwa Pembroke.