Legislature:
Category:
Reset
Active:

Membri tal-Ġudikatura li jagħlqu l-65 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Ġudikatura li jagħlqu 65 sena fl-2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li hemm membru tal-Ġudikatura li jagħlaq 65 sena fl-2020, żewġ membri tal-Ġudikatura li jagħlqu 65 sena fl-2021, tliet membri tal-Ġudikatura li jagħlqu 65 sena fl-2022 u żewġ membri tal-Ġudikatura li jagħlqu 65 sena fl-2023.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — Ħaddiema - Telework

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-telewoirking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sas-27 t’Ottubru 2020.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — ħlas għal xogħol ta’ interior design jew interior decoration fil-Palazz tal-Girgenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kwalsiasi entità fi ħdanu ħalsitx kwalsiasi spejjeż jew ħlas għal xogħol ta’ interior design jew interior decoration fil-Palazz tal-Girgenti bejn Marzu 2013 u Diċembru 2019?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni miġbura sat-23 t’Ottubru 2020, l-ebda’ dipartiment, entita’ jew aġenzija li jiffurmaw parti mill-Ministeru tiegħi ma ħalsu xogħol ta’ interior design jew interior decoration fil-Palazz tal-Girgenti bejn Marzu 2013 u Diċembru 2019.

Ex Imħallef — Inkjesti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4000 u 4294 u u jgħid, kemm ilu li rtira l-eks Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kemm-il inkjesta ġie maħtur biex jagħmel? Liema huma dawn l-inkjesti? Xi ħlas ingħata f’kull każ?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li min kemm ilu li rtira l-eks Imħallef li d-dettalji dwaru qed ingħataw separatament huwa ingħata inkjesta waħda biss fis-sena 2016 mid-dipartimenti u entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi. Din kienet dwar ħasil ta’ flus inkonnessjoni ma’ Capital One, fejn ġie mħallas €2,000. Għall-informazzjoni dwar Ministeri oħra nistieden lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Att dwar il-Medjazzjoni – verżjoni online

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-verżjoni online tal-Att Dwar il-Medjazzjoni (Kap. 474 tal-Liġijiet ta' Malta) għadha ma ġietx konsolidata biex tintegra fiha l-emendi introdotti permezz ta' Att Nru VIII tas-sena 2017 u miġjuba fis-seħħ permezz ta' Avviż Legali Nru. 362/2020?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-emendi neċċessarji saru u jinsabu online. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra koppja ta’dan l-Att.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza – parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħu li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sat-22 ta’ Settembru 2020.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16442 u jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

B’żieda mal-informazzjoni li diġà ngħatat fil-mistoqsijiet parlamentari 11385 u 11599, li kopriet il-perjodu sa Settembru li għadda, nixtieq in¿id li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lil dan il-Ministeru, bl-entitajiet u l-awtoritajiet taħtu inklużi, hu kif ġej: Ottubru-Diċembru 2019: 9 talbiet Jannar-Settembru 2020: 20 talba Minn dawn kien hemm 7 talbiet milqugħa, 17 rifjutati u 5 għadhom pendenti. Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat tal-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.

Inkjesti li ilhom aktar minn sitt snin pendenti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16397, jista’ l-Ministru jindika x’sar f’dawn l-aħħar tliet snin u x’qiegħed isir issa sabiex inkjesti li ilhom ħafna pendenti jiġu mitmuma għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar l-inkjesti li ilhom aktar minn sitt snin pendenti, jiena bħala Ministru risponsabbli mill-Ġustizzja dejjem sostnejt, anke fid-dominju pubbliku, li dan mhux aċċettabbli, speċjalment għal dawk iċ-ċittadini li jkunu qed jistennew l-eżitu ta’ xi inkjesta sabiex jasserixxu jeddijiet tagħhom. Il-Ministru huwa konsopevoli tal-fatt li din hija l-pożizzjoni wkoll tal-Prim Imħallef preżenti li għamilha ċara li dawn l-inkesti Maġisterjali għandhom jiġu konklużi. Huwa informat ukoll li l-Avukat Ġenerali qed imexxi skont dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali fl-istess direzzjoni.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — karigi minn persuni barra s-settur pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-karigi fis-Segretarjat Privat tiegħu u tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħu li l-persuni li jokkupawhom, ġew ingaġġati minn barra s-settur pubbliku?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sad-9 ta’ Lulju 2020.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsijiet parlamentari 11385 u 11599 li għamel hu stess f’Ottubru tas-sena li għaddiet. Hekk kif tinġabar l-informazzjoni ulterjuri mitluba minnu, din tkun tista’ tingħata wkoll.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu sena b’sena mill-2014 sad-data ta’ meta tingħata r-risposta, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni miġbura sas-6 t’Ottubru 2020, l-ebda’ dipartiment, entita’ jew aġenzija li jiffurmaw parti mill-Ministeru tiegħi ma provdew kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew beneffiċċji oħra lill-fondazzjonijiet msemmija jew lill-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — sponsorships/grants mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-isponsorships/grants kollha li ngħataw minn xi dipartiment jew entità fil-Ministeru tiegħu sena b’sena, mis-sena 2015 ‘il hawn u għal kull sponsorship/grant jgħid kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju, x’kien il-proġett/inizzjattiva u meta ngħatat?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-24 ta’ Settembru 2020.

Għajnuna Ħolistika – użu minn vittmi ta’ vjolenza domestika

Question

B’referenza għall-istqarrija PR201722 tal-14 ta’ Settembru 2020, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm vittmi ta’ Vjolenza Domestika li għamlu użu minn dan is-servizz ġdid, sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li s-servizz għall-aċċess ta’ parir legali mill-avukati tal-għajnuna legali lill-vittmi tal-vjolenza domestika beda mis-26 t’April 2020. Hemm tliet (3) avukati speċifikament għal dan is-servizz li jiġu assenjati, lill-klijenti, mill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Malta. Sat-2 t’Ottubru 2020, mija u ħamsa u tletin (135) vittma / allegat vittma tal-vjolenza domestika ġew assenjati avukat sabiex itihom il-pariri meħtieġa imqassmin kif ġej: XaharNumru April (mis-26 April)3 Mejju22 Ġunju41 Lulju32 Awwissu14 Settembru18 Ottubru (sat-2 Ottubru)5

Qrati Superjuri u Qrati Inferjuri – kawżi ċivili — appelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi ċivili li qed jistennew li l-appell li sar fihom jiġi appuntat u dan kemm fil-Qrati Superjuri kif ukoll fil-Qrati Inferjuri? Jista' jgħid kemm ilu jistenna biex jiġi appuntat l-aktar appell antik u kemm ilu l-aktar appell riċenti? Jidhirlux li dan id-dewmien enormi huwa wkoll ta' xkiel għan-negozji minħabba li ma jistgħux jirrivolgu lejn is-sistema ta’ ġustizzja effiċjenti u effettiva liema prinċipji ta’ effiċjenza u effettività huma fost il-prinċipji bażiċi tal-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li sal-11 ta’ Settembru, hemm 1258 appell superjuri li għadhom qed jistennew biex jiġu appuntati. Hemm ukoll 187 appelli inferjuri li għad iridu jiġu appuntati. L-aktar appell li ilu jistenna biex jiġi appuntat mill-Qorti tal-Appell (Superjuri) huwa dak bin- numru 634/2005 li daħal fis-17 ta’ Marzu 2015 – fil-fatt dan l-appell kien allegat ma’ kawża kostituzzjonali li ġiet deċiża fl-20 ta’ Lulju 2020 u għalhekk dan l-appell ser jiġi appuntat fil-futur qarib. It-tieni l-aktar appell li ilu biex jiġi appuntat huwa dak li daħal fis-26 t’Ottubru 2015. L-Appell inferjuri l-aktar li ilu biex jiġi appuntat ġie ppreżentat fil-Reġistru tal-Qorti fit-23 ta’ Jannar 2018. L-aħħar appell li daħal fil-Qorti tal-Appelli (Superjuri) ġie preżentat fid-9 ta’ Settembru 2020. L-aħħar appell Inferjuri ġie preżentat fis-7 ta’ Settembru 2020. Kif jidher mill-istatistika l-Qorti tal-Appell (Sede Inferjuri) qed timxi b’effiċjenza u qed titwettaq ġustizzja fi żmien raġonevoli. Determinat li nibqa għaddej b’riformi sabiex ikun hemm ġustizzja għal kulħadd fi żmien raġonevoli. Irrid insolvi problema fil-qrati tagħna li ilha hemm għexieren ta’ snin. Ser issir riforma fil-mod kif jitmexxew l-appelli ħalli tiġi indirizzata l-problema tal -backlog li hemm fil-Qorti tal-Appell (Superjuri). Hemm abbozz li ġa ġie approvat mill-Kabinett tal-Ministri sabiex isiru emendi proċedurali għall- proċedura użata quddiem il-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri) u kif ukoll inizjattiva tal-Prim Imħallef li jkun hemm komposizzjoni oħra ta’din il-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri). Dan ser iwassal għal aktar effiċjenza u qtugħ t’appelli superjuri fi żmien raġonevoli għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, kif ukoll għan-negozji tagħna.

Ksur tal-Liġi tal-VAT – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni mressqa l-Qorti fuq każi marbuta ma’ ksur ta’ liġi tal-VAT fl-aħħar 10 snin?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

L-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sat-22 ta’ Settembru 2020 hija kif murija fit-tabella ta' hawn taħt. Sena Numru ta' kawżi fil-Qorti ta' Malta Numru ta' kawżi fil-Qorti ta' Għawdex 2010 2426 113 2011 2155 90 2012 1731 93 2013 1132 15 2014 2178 120 2015 2047 89 2016 1834 199 2017 1732 197 2018 2296 105 2019 1582 99 Sat-22 ta' Settembru 2020 378 53

Inkjesti li ilhom aktar minn sitt snin pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka dawk l-inkjesti kollha li ilhom aktar minn sitt (6) snin pendenti? Jista’ jindika liema huma dawn l-inkjesti pendenti, waħda waħda bit-titolu tagħhom u bil-Maġistrat Inkwerenti li hu jew hija responsabbli għalihom? Jista’ jindika għal kull każ x’qed isir sabiex dawn jiġu konklużi? Jista’ jindika wkoll jekk hux hu bħala Ministru, jew il-Prim’Imħallef jew l-Avukat Ġenerali li qed jaraw li dawn jiġu konklużi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 113 inkjesti li ilhom aktar minn sitt (6) snin pendenti. Inkjesti Maġisterjali huma fin-natura tagħhom kunfidenzjali u għalhekk ma tistax tingħata informazzjoni ulterjuri dwar dawn l-inkjesti. Ninforma wkoll li hija l-politika tal-Gvern li fil-fehma tal-Ministru responsabbli, u premezz tal-Prim Imħallef preżenti, mhuwiex aċċettabli li l-inkjesti idumu daqshekk għad-detriment taċ-ċittadini tagħna.

Avukat tal-Istat – sejħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma, jew kemm kienu, dawk li applikaw għas-sejħa ta’ Avukat tal-Istat, liema sejħa għalqet l-Erbgħa 23 ta’ Settembru 2020?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Infakkar lill-Onor. Interpellant illi dan hu proċess indipendenti u l-Kummissjoni ta’ Ħatra mwaqqaf skond 3 (e) tal-Att dwar l-Avukat tal-Istat għandha r-responsabilità li tevalwa u tgħati r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Prim Ministru biex jinħatar Avukat tal-Istat. Bħalissa għaddej il-proċess, u fid- 29 ta’ Settembru inħarġet sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern li tgħalaq nhar it-Tlieta 6 ta’ Ottubru 2020.

Kawżi dwar il-liġi tal-kera li huma pendenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti l-Qorti ta’ natura kostituzzjonali li jirrigwardaw il-liġi tal-kera li tagħti protezzjoni lil inkwilini u kemm kien hemm kawżi li ġew deċiżi dwar dan l-istess suġġett, kemm fi stadju tal-ewwel qorti kif ukoll fi stadju ta’ appell, mis-sena 2009 sal-lum?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li din l-informazzjoni ma tistax tingħata peress li ma tinżammx statistika dwar in-natura tal-kawżi kostituzzjonali.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — impatt ta’ Brexit fuq pajjiżna – impact assessment

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar impact assessment li sar fir-rigward tal-impatt tal-Brexit fuq pajjiżna?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — first aiders kwalifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm First Aiders kwalifikati fil-Ministeru u fid-dipartimenti/entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sad-9 ta’ Lulju 2020.