Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex - Ta’ Xħajma - Proġett tas-Solar flowers

Question

B’referenza għall-proġett magħruf bħala ‘solar flowers’ li qegħdin jitqiegħdu f’Ta’ Xħajma, Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed jingħad li dawn huma ‘l-ewwel solar flowers ta’ dan it-tip fl-Ewropa’? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan biex proġetti simili jiġu estiżi u jsiru f’lokalitajiet oħra f’Għawdex jew Malta u jekk iva, xi kriterji ser jintużaw biex jintgħażlu s-siti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett imsemmi f’Ta’ Xħajma jikkonsisti f’installazzjoni ta’ 15-il solar flower f’sit wieħed. Din hija l-akbar installazzjoni ta’ dan it-tip fl-Ewropa. Din l-inizjattiva qed issir bħala parti minn sforz biex jiġu esplorati teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija nadifa u sostenibbli. F’dan l-istadju, l-attenzjoni hija ffukata fuq l-monitoraġġ tal-prestazzjoni ta’ din l-installazzjoni, bil-għan li tiġi esplorata l-possibilita ta’ installazzjonijiet oħrajn f’postijiet adegwati.

Għawdex - Ta’ Xħajma - Proġett tas-Solar flowers - Kuntratti

Question

B’referenza għall-proġett magħruf bħala ‘solar flowers’ li qegħdin jitqiegħdu f’Ta’ Xħajma, Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru offerti jew sejħiet għall-kuntratti relatati ma’ dan il-proġett u min kienu l-offerenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex - Ta’ Xħajma - Proġett tas-Solar flowers - Spiża totali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-ispiża totali tal-proġett magħruf bħala ‘solar flowers’ li qegħdin jitqiegħdu f’Ta’ Xħajma, Għawdex, inkluż l-ispiża ta’ installazzjoni, konnessjoni mal-grillja u kull infrastruttura ta’ sostenn relatata? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-ispiża ta’ dan il-proġett hija koperta mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza (RRP) u kemm qed jiġu ffinanzjati minn fondi nazzjonali?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Port tal-Imġarr Għawdex – proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22730 tat-XIII-il Leġiżlatura dwar triq ġdida (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr) bejn Triq il-Madonna ta’ Lourdes f’Għajnsielem u l-Port tal-Imġarr, Għawdex, fejn kien ġie mwieġeb li “qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq dan il-proġett, il-Ministeru hu tal-fehma li ssir ukoll konsultazzjoni pubblika mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) sabiex jiġu wkoll diskussi l-effetti ambjentali li tali proġett jista’ jikkawża”, jista’ l-Ministru jgħid jekk din saritx, meta bdew il-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-GRDA sabiex jiġu diskussi l-effetti ambjentali ta’ dan l-imsemmi proġett, fiex waslu, x’kien l-eżitu u x'kien ġie deċiż?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 31268.

Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo - Proġett

Question

B’referenza għall-proġett tal-Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo, jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda dan il-proġett u x'sar sa issa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jiirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numru 31273 u 30834.

Marsalforn - Ġnien Tliet Għoljiet – Playing field

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-playing field fil-Ġnien Tliet Għoljiet f'Marsalforn, Għawdex hijiex tajba sabiex tintuża? Jista' jgħid ukoll jekk sarx awditjar ta' din il-playing field u jekk iva, jippubblika r-rapport?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ħareġ sejħa għall-offerti biex dan il-playing field fil-Ġnien tat-Tliet Għoljiet jiġi riġenerat u fl-istess waqt jinbidel it-tagħmir eżistenti. L-eżitu tas-sejħa għall-offerti ġiet ippublikata nhar is-17 ta’ Ottubru. Il-perjodu ta’ oġġezzjonijiet għalaq nhar is-27 ta’ Ottubru. Peress li ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni, se jkun qiegħed jiġi iffirmat il-kuntratt biex isiru x-xogħlijiet.

Iż-Żebbuġ, Għawdex - Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31194, jista’ l-Ministru jgħid fiex se jkunu jikkonsistu x-xogħlijiet fi Triq Għajn Mhelhel (li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni), minn min se jsiru, kemm huma stmati li ser jiswew u meta u fejn ħarġet is-sejħa biex isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħolijiet ser jikkonsistu fit-tisħiħ tat-triq.  Ix-xogħolijiet ser issiru minn framework contract li huwa diġa’ ikkuntrattat.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 29482.

Għawdex – Immodernizzar ta’ Pitkaliji, Cold Stores u l-biċċerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' spejjeż sabiex il-biċċerija, cold stores u pitkaliji f'Għawdex jiġu modernizzati, matul din il-leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-29 ta’ Lulju 2025 ġie approvat il-permess mill-Awtorita’ tal-Ippjanar PA/06427/24 - ‘ Demolition of current roof shading structure, freezers and maintenance workshops and construction of an extension to the government public abattoir to provide a new cold room facility and ancillary loading bays and rooms to reduce the carbon and GhG footprint of this facility.’ Min-naħa l-oħra, tkompla l-proċess biex jinkiseb il-permess mill-Awtorita’ tal-Ippjanar PA/04241/24 – ‘The proposed works consist of internal alterations and extension of the existing cold stores building at ground, first and second floor. The proposed development envisages a total of 6 cold rooms (Class 6A), 12 offices (Class 4A) and a store.’

Ir-Rabat,Għawdex – Triq it-Tabib Anton Tabone – problema tal-ilma tax-xita

Question

Peress li kull meta tagħmel ix-xita, id-djar tar-residenti fi Triq it-Tabib Anton Tabone, fir-Rabat Għawdex, qed jimtlew bl-ilma u qed ikun hemm ukoll periklu kbir fit-triq, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux xi pjanijiet sabiex il-problema tal-ilma tax-xita tiġi solvuta? Jekk iva, jista’ jgħid fiex jikkonsistu u meta huma ppjanati li jiġu mwettqa, u x'se jsir fl-immedjat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qiegħed iħejji għall-laqgħat konsultattivi mal-awtoritajiet kompetenti biex jitħejjew il-pjanijiet neċessarji.

Triq ta’ Marsalforn - Espropjazzjoni ta’ art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-artijiet kollha li ser jittieħdu fil-partijiet ta’ Triq ta’ Marsalforn (it-triq li tieħu mir-Rabat sa Marsalforn) li ser titwessa’ fix-xogħlijiet li qed isiru fuqha fil-fatt ġewx esproprjati? Jista’ jgħid liema artijiet ġew esproprjati għal dan il-għan u jqiegħed kopja tal-istess esproprjazzjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għamel espropju tal-partijiet tal-artijiet fejn ser titwessa t-triq.  Il-espropjazzjonijiet dehru fuq il-Gazzetti tal-Gvern Numru 20,575, 20,585 u 21,171.

In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31030 fl-intier tagħha u jgħid meta nbeda x-xogħol fuq Triq l-Emigranti, fin-Nadur? Jista’ jgħid ukoll kemm fiha tul din it-triq, meta ser jitlesta minn kollox ix-xogħol u kemm hu stmat li ser jiġi jiswa x-xogħol f’din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq din it-triq huwa stmat li jiswa’ madwar Euro 300,000.

Kunsilli Lokali Għawdxin - Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skema għall-Kunsilli Lokali Għawdxin ħarġet matul l-2024 u l-2025 mill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll: a.    Kemm kien l-ammont allokat għal kull skema? b.    Kemm applikaw kunsilli lokali għal kull skema? ċ.    Liema kienu l-kunsilli lokali li ħadu għajnuna minn kull skema u liema kienu dawk il-kunsilli li applikaw u ma ħadux għajnuna f’kull skema? d.    Kemm kien l-ammont totali li ngħata lil kull kunsill lokali f’kull skema u għal liema proġetti jew inizjattivi? e.    Kemm hu l-ammont li sal-lum tħallas lil kull kunsill lokali f’kull każ u f’kull skema?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li EkoGħawdex ħareġ skema waħda matul l-2024. Din l-iskema, marbuta mar-restorazzjoni ta’monumenti jew niċeċ kif ukoll mat-tisbieħ tal-isqaqien fil-lokalitajiet, kellha allokazzjoni ta’ € 500,000.00 u li għaliha applikaw 9 kunsilli lokali. Il-Kunsilli li ħadu għajnuna huma  Għasri, San Lawrenz, Nadur, Xaghra, Ta’ Kerċem, Għarb, Għajnsielem, Rabat u Żebbuġ. L-ammont totali li minnu ser jibbenifikaw il-kunsill lokali jammonta għal € 335,254.20. S’issa għad ma kienx hemm ħlasijiet.
Leg 14 PQ #31600 Sitting 393 - 27/10/2025 18:00 2025-10-27 Oral · Final From: STANLEY ZAMMIT (Partit Nazzjonalista) To: Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar

Każijiet ta’ frodi - Claims

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31319 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30697, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi referenza ta’ kull każ fejn l-Awtorità tal-Ippjanar, partijiet interessati jew il-Qrati indikaw li permess seta’ inġieb permezz ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa u f’kull każ jekk kinitx l-Awtorità, persuna terza jew il-Qrati li qajmu l-każ, kemm għaddew ġranet mid-data tad-deċiżjoni tal-permess sad-data ta’ meta tqajjem il-każ mill-2013 sal-ġurnata li fiha titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ talbiet li saru minn terzi għal modifika jew revoka ta’ permessi ta’ żvilupp (PA) jew ta’ regolarizzazzjoni (RG) skont l-Artiklu 80 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (KAP. 552) mill-1 ta’ Frar 2019 (li hija d-data ta’ meta nħolqot formola biex wieħed ikun jista’ tissottometti tali talba). Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux kull talba minn dawn neċessarjament tindika li permess seta’ inġieb permezz ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa, iżda li t-talba setgħet saret dwar kwalunkwe raġuni oħra kontemplata fl-Artiklu 80 jew raġunijiet mhux provduti fl-istess artiklu tal-liġi. Ninforma ukoll li fis-sistema elettronika tal-Awtorità tal-Ippjanar, ma tinżammx informazzjoni dwar talbiet li setgħu daħlu qabel din id-data, jew dawk il-proċeduri li nbdew minn-naħa tal-Awtorità jew il-Qorti, f’mod li din l-informazzjoni tista’ tiġi estratta awtomatikament u biex jinġabar it-tagħrif kollu kif miltub manwalment jinqabeż l- Advisory Cost Limit , kif stabbilit f'rulings preċedenti.

Gozo Channel (Operations) Ltd - Audited accounts

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts għas-sena 2024 tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsalforn - Tindif ta’ wied

Question

B’referenza għax-xogħol ta’ tindif fil-Wied ta’ Marsalforn, fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Kittina, li nbeda f’dawn l-aħħar ġimgħat, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-Site Plan ta’ fejn qed isir ix-xogħol ta’ tindif f’dan il-wied u ta’ dak li hemm ippjanat li jsir fl-istess wied? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Commencement Notice u s-Summary Responsibility Form relatati ma’ dawn ix-xogħlijiet ukoll?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni fil-wied ta’ Marsalforn - fiż-żona mgħarufa bħala ta’ Kittina - qegħdin isiru skont is-siteplan tal-permess. In-numru ta’ referenza huwa PA/06686/17.

Iż-Żebbuġ u ta’ Kerċem - Skejjel primarji

Question

Jista’ l-Ministru l-mistoqsija jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30837 u jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġetti ta’ rinnovazzjoni sħiħa għall-iskejjel primarji taż-Żebbuġ u ta’ Kerċem? Jista’ jgħid ukoll meta x-xogħlijiet fuq dawn iż-żewġt iskejjel nbdew, x’sar s’issa, x’fadal isir u meta hu maħsub li x-xogħlijiet kollha jitlestew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rigward l-iskola primarja taż-Żebbuġ inħarġet sejħa pubblika għall-offerti skont CT 2046/2025 li permezz tagħha gie magħżul il-kuntrattur offerent li ser ikun qiegħed jagħmel ix-xogħol. Il-kuntratt relattiv ġie ffirmat u prezentament għaddejjin diskussjonijiet mal-istess kuntrattur sabiex jiġu ordnati l- prefabricated units li ser jiġu nstallati fl-istess sit tal-iskola preżenti minn fejn see tingħata l-edukazzjoni primarja sakemm isir ix-xogħol ta’ rinovar extensiv tal-binja tal-iskola primarja. Ix-xogħol huwa maħsub jitlesta matul is-sena 2026 sabiex l-iskola tkun tista’ tilqa t-tfal u l-edukaturi ghas-sena akademika li jmiss. Fl-iskola primarja Ta’ Kerċem ġew installati l-prefabricated units, inkluż, is-servizzi kollha fosthom l-arja kondizzjonata minn fejn bdiet tingħata l-edukazzjoni mal-bidu tas-sena skolastika Settembru 2025. Dan filwaqt li għaddej ix-xogħol fil-binja tal-iskola eżistenti għal dak li jirigwardja M&E, xogħol ta’ kisi tal-klassijiet u kurituri u restawr tal-faċċata tal-iskola. Ix-xogħol huwa maħsub jitlesta matul is-sena 2026 sabiex l-iskola tkun tista’ tilqa t-tfal u l-edukaturi għas-sena akademika li jmiss. Is-sejħiet pubblika għall-offerti nhargu mil-Foundaiton for Tomorrow’s Schools (FTS).

Għawdex - Pixxina

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30838 u jgħid kif ser tiġi operata u mmaniġġjata l-pixxina l-kbira ġewwa Għawdex issa li nfetħet uffiċjalment u qed tintuża wkoll mill-pubbliku? Jista’ jispeċifika x’kienu l-arranġamenti meħtieġa biex din il-pixxina tibda topera, inkluż l-obbligi ta’ garanziji u maintenance? F’liema xahar u sena għandha tiġi ppubblikata sejħa għall-offerti għall-operat u l-immaniġġjar tagħha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-ftuħ uffiċjali tal-pixxina l-kbira f’Għawdex, intlaħaq ftehim għal sena (Service Level Agreement) biex jiġi żgurat it-tħaddim u l-użu tal mekkinarju u sabiex l-obbligi ta’ garanziji u manutenzjoni jibqgħu fis-seħħ skont it-termini tal-ftehim.

PMC for Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-‘Preliminary Market Consultation’ li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar bit-titlu ‘PMC for Victoria Car Park and Green Space at Pjazza l-Assedju ta’ Għawdex’, li għalqet fit-30 ta’ Settembru 2024, u x’irriżulta? Jista’ jgħid ukoll meta huwa mistenni (xahar u sena) li tinħareġ offerta miftuħa għall-konċessjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed jsiru l-preparamenti sabiex jiġi abbozzat id-dokumenti tal-konċessjoni.