Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gvernatur tal-Bank Ċentrali — Pakkett finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju u tal-perkaċċi li se jingħataw lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali għandu salarju ta’ €85,000, użu ta’ karozza uffiċjali, servizz ta’ smart phone u polza tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

cheque tas-sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx fadal ċittadini li għadhom ma rċevewx iċ-cheque tas-sussidju li l-gvern kien tas-sena l-oħra lill-familji kollha?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċekkijiet kollha ġew maħruġa u mibgħuta skont l-informazzjoni mogħtija lilna, mill-konsumaturi stess. Madankollu, meta ARMS Ltd. tirċievi ilment minn konsumatur, wara li dan ikun validat, jinħareġ ċekk lill-klijent rispettiv.

djun long-term u short-term

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma d-djun long-term u short-term f’kull entità li fiha l-gvern għandu sehem? Jista' jgħid ukoll kemm huwa l-valur tal-garanziji li qiegħed jagħti l-gvern biex jiggarantixxi ma’ banek lokali u barranin, djun ta’ kumpaniji li fihom għandu sehem?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kont għas-Saħħa — sisa fuq sigaretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati għall-Kont għas-Saħħa mis-sena 2004 miż-żieda fis-sisa fuq is-sigaretti li kienet ġiet introdotta fil-Budget ta' dik is-sena u li kif ġie mwiegħed dakinhar, id-dħul kollu minn din it-taxxa se jkun allokat għall-kont għas-saħħa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa fuq is-settur tas-saħħa żdied b’€291.7 miljun mill-2004 ‘l hawn. Id-dħul mis-sisa fuq is-sigaretti żdiedet minn €57 miljun għal €69 miljun fl-istess perjodu. Id-dettalju qegħdin fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb nispeċifika li mhux possibbli li fiżikament turi l-allokazzjoni riferuta mill-Onor. Interpellant.

Kont tas-saħħa — żieda fir-rata tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabru sena b'sena mis-sena 2004 'l hawn miż-żieda fir-rata tal-VAT, jiġifieri minn 15% għal 18% li kien ġie mwiegħed fil-budget ta' din l-istess sena li d-dħul minn din iż-żieda hu stmat li għandu jammonta għal Lm 21 miljun u se jkun allokat kollu għall-kont tas-saħħa? Jista' jikkonferma li l-ammont minn din iż-żieda ġew allokati sena wara l-oħra għall-kont tas-saħħa? Jekk iva, kemm ġie allokat b'riżultat ta' din iż-żieda sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bejn l-2004 u l-2010, id-dħul mill-VAT żdied minn Lm123.9 miljun jew €288.63 miljun għal €482.5 miljun fl-2010, b’żieda ta’ €193.9 miljun. Mill-banda l-oħra, mill-2004 sa l-2010 kien hemm żieda ta’ €123.8 miljun fin-nefqa fuq is-saħħa, u żieda ta’ €5.8 miljun fin-nefqa kapitali eskluż l-investiment ta’ €64.7 miljun biex inbena l-isptar Mater Dei. B’hekk iż-żieda totali fin-nefqa fis-settur tas-saħħa kienet ta’ €194.4 miljun. B’hekk, għalkemm tajjeb nispeċifika li mhux possibbli li fiżikament turi l-allokazzjoni riferuta mill-Onorevoli Interpellant, wieħed jinnota illi l-ispiża fuq is-Settur tas-Saħħa żdiedet konsistentament kif għamel id-dħul mill-VAT.

Kontijiet sussidjarji għall-attivitajiet speċifiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-kontijiet sussidjarji għall-attivitajiet speċifiċi li ġew imwegħda li se jitwaqqfu fil-Budget għas-sena 2004 jiġifieri dawk: a) Kont għat-Turiżmu u Kultura; b) Kont għat-Toroq u Manutenzjoni; ċ) Kont għas-Saħħa; u d) Kont għall-Ambjent u t-Tisbiħ, liema kontijiet imsemmija hawn fuq kienu mwiegħda bħala l-kontijiet sussidjarji tal-bidu?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 253.

wegħdiet fuq il-kontijiet sussidjarji għall-attivitajiet speċifiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-wegħda li kienet saret fil-Budget 2004 meta intqal "Fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ġie propost li dawn il-kontijiet (jiġifieri kontijiet sussidjarji għall-attivitajiet speċifiċi) għandhom ikunu mħarsa minn kumitat magħmul, fost l-oħrajn mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru responsabbli għall-attività partikolari, minn uffiċjali tal-Ministeru tal-Finanzj, minn persuna li tirrapreżenta lil dawk involuti fl-attività u minn rappreżentat tal-kunsill. Dawn se jkollhom il-fakultà li jagħmlu skrutinju fuq il-mod kif id-dħil u l-ħruġ ikun qed jiġi amministrat kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu meta l-ħruġ ikun se jaqbeż id-dħul allokat"? Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-membri ta' dan il-kumitat sena b'sena, bl-ismijiet u lil min kienu qed jirrappreżentaw?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-infieq fl-oqsma msemmija, jiġifieri dawk tat-turiżmu u kultura, toroq u manutenzjoni, saħħa, ambjent u tisbieħ, fis-snin 2005 u 2010. L-infieq, kemm bħala investiment kif ukoll bħala spejjeż rikurrenti, kompla jiżdied skont il-bżonn f’dawn is-setturi ta’ importanza soċjali u ekonomika għall-pajjiż. Minnflok sar permezz ta’ kontijiet sussidjarji, l-infieq seħħ kollu permezz ta’ allokazzjonijiet annwali fl-Estimi Finanzjarji direttament mill-Fond Konsolidat tal-Gvern u ġie ffinanżjat mid-dħul ġenerali fl-istess Estimi Finanzjarji.

Trasparenza u kontroll fuq il-finanzji pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minn dak li ġie mwiegħed fil-Budget għas-sena 2004, jiġifieri meta ntqal "biex insaħħu t-trasparenza u l-kontroll fuq il-finanzi pubbliċi minn din is-sena se nibdew inħaddmu sistema fejn fil-fond konsolidat se jkollna kontijiet sussidjarji għall-attivitajiet speċifiċi. Dawn il-kontijiet se jkunu mitmugħa minn dħul ta' taxxi li se jkunu dedikati għall-attività partikolari, waqt li se ninsistu li l-ispiża fuq dik l-attività ma taqbiżx id-dħul hekk iddedikat"? Jista' jgħid kemm-il kont sussisdjarju twaqqaf u għal liema attività speċifika?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 253.

Naxxar — kamra tul il-kosta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-kamra tul il-kosta limiti tan-Naxxar, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, qed tintuża meta ċ-ċwievet tagħha qegħdin fil-pussess tat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern u meta uffiċjal ta' din it-taqsima kien informa li din kellha toħroġ bl-offerti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-kamra qed tiġi kkunsidrata biex tiġi trasferita permezz ta’ sejħa għall-offerti wara li tinkiseb l-approvazzjoni tat-Tender Committee fi ħdan id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern. Is-sejħa għall-offerti ser tinħareġ fl-istess żmien meta l-Ordni ta’ Żgumbrament tiġi esegwita, sabiex jiġi żgurat li din il-kamra tkun battala fil-ħin li jsir it-trasferiment lil min jirbaħ l-offerta.

Mosta Techno Park — fabbriki - metru kwadri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru għall-fabbriki ġie żviluppat fil-Mosta Techno Park fl-2008, 2009 u 2010 u bejn Jannar u Awwissu 2011 rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żona industrijali tal-Mosta tokkupa spazju totali ta’ 60,300km kwadru. Il-Mosta Techno Park, li jinsab fi ħdan din iż-żona industrijali, ġie żviluppat u komplut bejn l-1992 u l-1993 u jokkupa spazju ta’ madwar 40,000km kwadru.

Mosta Techno Park — fabbriki ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' fabbriki ġodda żviluppati fil-Mosta Techno Park fl-2008, 2009 u 2010 u bejn Jannar u Awwissu 2011 rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant illi l-Mosta TechnoPark fih 25 fabbrika. Kif diġà kien mistqarr fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 257, il-proġett kien ġie komplut fl-1993 fejn sar żvilupp ta' 30,000 metru kwadrat.

Ta' Qali — Crafts Village - proġett għall-iżvilupp

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett għall-iżvilupp ta' Crafts Village f'Ta' Qali?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa għaddejjin negozjati mal-operaturi ta' Ta’ Qali sabiex jiġu formalizzati l-kuntratti individwali li fuqhom kull inkwilin ser ikun responsabbli sabiex jiżviluppa l-operat tiegħu. Għaddejjin diskussjonijiet ukoll ma’ operaturi oħrajn li strettament ma jagħmlux xogħol artiġjanali sabiex jiġu rilokati ġo oqsma industrijali oħra. Filwaqt li xi diskussjonijiet ġew konklużi, hemm numru ieħor ta' konvenji li għadhom qed jiġu diskussi. Naturalment peress li n-negozjati jsiru wieħed wieħed, il-proċess jieħu ż-żmien u fl-istadju attwali, l-operaturi jridu jippreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-iżvilupp tas-sit u tan-negozju.

Taxxi minn fuq petrol u diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' flus li l-gvern ġabar f'taxxi minn fuq il-petrol u d-diesel bejn Jannar u Awwissu 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta' flus fl-ewro li l-Gvern ġabar permezz tad-Dipartiment tad-Dwana f'taxxi tas-sisa u tal-VAT minn fuq il-petrol u d-diesel bejn Jannar u s-6 ta’ Settembru 2011 huwa kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din ma tinkludix il-VAT dovuta mill-Enemalta. Tajjeb li wieħed jgħid illi l-ġbir ta’ taxxa tal-VAT minn petrol u diesel dovuta mill-Enemalta u minn bejjiegħa tal- petrol stations miġbura mid-Dipartiment tal-VAT ma tistax tingħata għaliex il-bejjiegħa ta’ dawn il-prodotti jirrappurtaw il-bejgħ tagħhom ma’ bejgħ ta’ prodotti oħra f’kaxxa waħda fir- return tal-VAT.

Prodott Gross Domestiku — Persentaġġ tal-qasam tas-servizzi finanzjarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien ilaħħaq bħala persentaġġ tal-Prodott Gross Domestiku il-qasam tas-servizzi finanzjajri f'Diċembru 2008, Diċembru 2009 u Diċembru 2010 rispettivament u kemm kien iħaddem nies l-istess settur f'Diċembru 2008, Diċembru 2009 u Diċembru 2010 rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema ta' għajnuna finanżjarja għall-każini tal-baned

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li saret fl-2008, 2009 u 2010, sena b'sena b'mod rispettiv, fuq l-iskema ta' għajnuna finanzjarja għall-każini tal-baned biex tgħinhom fit-taħriġ u t-tagħlim mużikali taż-żgħażagħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-għajnuna finanzjarja li qed tingħata mill-gvern għal xiri ta' strumenti mużikali, u li tinkoraġġixxi aktar żgħażagħ biex jitgħallmu l-mużika, ma tingħatax direttament lill-każini tal-baned iżda lil individwi li japplikaw għal din l-għajnuna. Dettalji ta' dawn l-għajnuniet qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll illi, minbarra din l-għajnuna, il-każini tal-baned jirċievu b'mod regolari, kontribuzzjonijiet mill-Fond għall-Kawżi Ġusti, liema kontribuzzjonijiet huma kummissjoni fuq il-bejgħ mill-banek tal-lottu affilljati magħhom. It-total ta' kontribuzzjonijiet li ngħataw minn dan il-Fond kienu ta' €301,416 fl-2008, €346,328 fl-2009 u €355,215 fl-2010.

Enemalta — Diviżjoni tal-Gass - grad maniġerjali

Question

Billi fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 27525 intqal li m’hemm ħadd fil-grad ta’ manager li bħalissa qed jagħmel ix-xogħol ta’ manager fl-amministrazzjoni fil-Power Station tal-Marsa, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-individwu li qed jagħmel dan ix-xogħol għandux take home pay ta’ manager, jieħux il-benefiċċji kollha ta’ manager u jiffirmax l-e-mails tiegħu bħala manager?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi uffiċċjalment l-ebda pożizzjoni ma ġiet okkupata minn xi ħadd bħala administration manager. Dan il-post għadu jiġi okkupat mill-istess persuna li l-korporazzjoni għażlet. Għaldaqstant, mhux qed jingħata l-ebda allowance/paga ta’ administration manager.

Fondi għall-Kawżi Ġusti — għotja lill-għaqdiet u soċjetajiet

Question

Jista' l-Ministru jelenka lil dawk l-għaqdiet jew soċjetajiet u/jew lil kulmin ingħata għotja mill-Fond għall-Kawżi Ġusti mill-1 ta' Jannar 2011 sal-aħħar ta' Awwissu 2011? Jista' jagħti din l-informazzjoni xahar b'xahar? Jista' jelenka r-raġuni fil-qosor għal kull għotja li ngħatat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Good Causes Fund — talbiet għall-għotjiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal għotjiet mill-Good Causes Fund li ġew rifjutati bejn is-sena 2006 u llum, sena b'sena u jagħti d-dettalji ta' mingħand min saret kull talba u x'kienet ir-raġuni għal kull talba?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25354.

Għaqdiet tal-Kaċċaturi — Allokazzjonijiet finanzjarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-allokazzjonijiet finanzjarji kull sena mill-2004 sal-lum sena b'sena għall-għaqdiet tal-kaċċaturi fil-budget? Jista' jikkonferma li kull sena saru dawn il-ħlasijiet? Jekk le, jista' jgħid għaliex ma sarux?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — lista' ta' konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-konsulenzi u ammonti rispettivi li l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu taw matul l-aħħar għaxar snin lill-persuna/kumpanija li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.