Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — programmi ta’ taħriġ u żvilupp professjonali kontinwu

Question

Tista' l-Ministru tgħid f’dawn l-aħħar tliet snin xi programmi ta’ taħriġ u żvilupp professjonali kontinwu pprovda l-VVTU tal-MCAST? Kemm attendew dawn il-korsijiet u f’liema istituti jgħallmu dawk li attendew? Xi kwalifiki ngħataw tul dawn il-korsijiet? Xi pjanijiet hemm għall-VVTU għas-snin li ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

National Commission for Higher Education? — postijeit vakanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni jaħdmu man-National Commission for Higher Education? Kemm hemm postijiet vakanti? Jekk fadal postijiet vakanti, meta hemm il-ħsieb li jimtlew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm żewġ persuni jaħdmu man-National Commission for Higher Education. Hemm erba’ postijiet vakanti. In-National Commission for Higher Education se terġa toħroġ sejħa għall-applikazzjoni ta’ Commission Officers fil-futur qarib.

NCHE — statistika

Question

Fl-istatistika tan-NCHE fir-rapport Frar 2010 dwar studenti universitarji Maltin jistudjaw barra, tista' l-Ministru tgħid kemm hemm minn dawn l-istudenti, fejn qed jistudjaw, x’qed jistudjaw u f’liema sena tal-kors universitarju tagħhom jinsabu? Fl-istess statistika kemm għandna studenti barranin jistudjaw fl-Università ta’ Malta? F’liema korsijiet u mil-liema pajjiż ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

persuni li qed isegwu kors f'xi istituzzjoni privata

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna persuni jsegwu korsijiet ta’ edukazzjoni għolja f’xi istituzzjoni privata f’Malta? Liema tip ta’ korsijiet qed isegwu u f’liema qasam? Kemm hemm korsijiet ipprovduti minn istituzzjonijiet lokali u kemm hemm minn dawn il-korsijiet ipprovduti minn universitajiet barranin iżda rappreżentati minn istituzzjoni lokali? Kemm hemm jgħallmu f’dawn l-istituzzjonijiet? X’tip ta’ kwalifiki għandhom dawk li jgħallmu degree courses f’istituzzjonijiet privati? Kemm minnhom għandhom first degree, kemm second degree u kemm dottorat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-Taqsima tal-iSkejjel Mhux Statali fi ħdan id-Dipartiment tal-Kwalità tal-Assikurazzjoni ma żżommx informazzjoni dwar l-għadd ta’ persuni li jsegwu korsijiet għolja f’istituzzjonijiet privati f’Malta. Il-korsijiet offruti ivarjaw minn korsijiet dwar Project u Logistics Management, Business Adminsitration, BSc, Tourism Management, Banking and Finance, Computing, Information Systems, Liġi, Politika, Accounting, Ekonomija, Edukazzjoni u Public Policy. Hemm 87 minn dawn il-korsijiet li huma f’livell ta’ first degree, second degree, dottorat, u ukoll post graduate ta’ universitajiet barranin li huma rappreżentati minn istituzzjonijiet lokali. F’dawn l-istituzzjonjiet hemm jgħallmu 127 għalliem li minnhom hemm 41 b’first degree, 43 b’second degree, 10 b’dottorat u 10 b’LLD.

Public Broadcasting Services — kodiċi ta' etika

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Public Broadcasting Services għandhomx kodiċi ta' etika? Jekk jeżisti, meta kien l-aħħar li ġie emendat? Liema strutturi jeżistu biex jiġi żgurat li dan jiġi nfurzat? Tista' tqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk jeżisti, minn min inkiteb u meta nkiteb oriġinarjament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal liema kodiċi ta’ etika qiegħed jirreferi.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — ilmenti f'isem il-kostitwenti

Question

Peress li fost il-ħidmiet tal-membri parlamentari hemm li jiltaqgħu, jisimgħu u jitkellmu f'isem il-kostitwenti tagħhom, tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li ċerti dipartimenti jirrifjutaw li jirrispondu għal talbiet, ilmenti u mistoqsijiet li jsiru minn żmien għal żmien minn deputati f'isem il-kostitwenti? Ma tikkunsidrax li jinħoloq punt ta' referenza f'kull dipartiment, fejn id-deputat ikun jista' jitkellem f'isem u għall-kostitwent?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant sabiex il-każijiet li jkollu jirreferihom lis-sezzjonijiet tal- Customer Care li hemm f’kull Ministeru, kif ukoll f’bosta mill-awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern.

applikazzjonijiet ġodda għall-benefiċċju ta' children's allowance

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ssottomettew talbiet/applikazzjonijiet ġodda għall-benefiċċju ta' children's allowance f'dawn l-ewwel ħames xhur tas-sena 2010 rispettivament? Kemm minnhom ġew approvati u kemm huma f'pendenzi? Kemm minnhom huma talbiet ta' romol u/jew ommijiet xebbiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ persuni li ssottomettew talbiet għall- Benefiċċju taċ-Childrens Allowance matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena kien ta’ elf u disgħa u ħamsin (1059). Minn dawn kien hemm tmintax (18) li huma romol u mitejn u sebgħin (270) li huma ġenitur ġuvni/xebba.

Talba għal post

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15298, ninforma lill-Ministru li s-Sinjur mar l-Housing fejn qalulu li ma jistax japplika għax jaqbeż il-kwota meta skond dan is-Sinjur huwa għandu paga minima u qed jorqod fil-karozza. Jista' għaldaqstant il-Ministru jirreferi l-każ lid-dipartiment biex l-impjegati jaraw kif jistgħu jagħtuh l-aħjar għajnuna u parir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba għal din il-mistoqsija ingħatat fil-Mistoqsija Parlamentari 15298. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jinforma lil din il-persuna tirrikorri fit-taqsima tal-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar bid-dokumenti necessarji sabiex jingħata informazzjoni ta’ kif tista’ l-Awtorità tad-Djar tkun ta’ għajnuna għalih.

Marsascala Football Club — talba għal użu ta' grawnd

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament jekk intlaqgħetx it-talba ta' Marsascala Football Club li jittrenjaw f'xi grawnd ta' skola proprjetà tal-Gvern taħt l-iskema tal-KMS? Jekk iva, f'liema grawnd? Kemm hu kbir dan il-grawnd? F'liema ġranet? B'kemm ħlas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Marsascala FC ser jagħmlu użu mill-Ground tal-Kulleġġ San Benedittu taħt waħda mill-iskemi tal-Kunsill Malti għall-iSport. Il-ground f’dan il-Kulleġġ huwa 9 a side. Il-ġranet u l-ħinijiet allokati għax xhur ta’ Lulju u Awwissu huma nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis bejn is-18.00 u is-19.30. Il-ħlas se jkun ta’ €15.00 għal kull sessjoni ta’ siegħa u nofs li jfisser li l-klabb se jibbenefika minn sussidju ta’ €30.35 fuq kull sessjoni. Fix-xahrejn ta’ Lulju u Awwissu s-sussidju totali ser ikun ta’ €546.30

skola primarja ta' Marsaskala — żvilupp tal-grawnd

Question

Tista' l-Ministru tindika jekk min-naħa tal-Gvern hemmx xi diffikultà biex jingħata l-kunsens biex il-grawnd tal-iskola primarja tal-Gvern ta' Wied il-Għajn jiġi żviluppat f'5 a side pitch/es? Jekk iva, x'inhi d-diffikultà? Jekk le, għaliex hemm dewmien biex jingħata dan il-kunsens biex il-proġett ikun jista' jibda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-iSport fadallu xi punti li jrid jiddiskuti mal-kunsill lokali rispettiv. Jekk ikun hemm qbil, il-kuntratt finali bejn iż-żewġ partijiet ikun jista’ jiġi ffirmat u għaldaqstant ikun jista’ jibda x-xogħol biex jiġi stallat il-5 a side pitch.

Università — kors biex tilħaq kap ta' skola

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk f'Ottubru li ġej l-Università ta' Malta hux se toffri l-kors li jwassal għall-Masters Degree fil-Management fil-qasam edukattiv li jwassal biex persuna tkun eliġibbli għall-kariga ta' Kap ta' Skola? Tista' tgħid jekk degrees offruti minn universitajiet barranin li jwasslu għall-istess kwalifiki humiex aċċettati għall-istess skop?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors li jwassal għall-Master of Education in Educational Leadership mhux se jkun offrut f’Ottubru 2010, iżda huwa maħsub li jkun offrut f’Ottubru 2011. Kwalifiki ta’ Diploma jew għola li għandhom x’jaqsmu ma’ Educational Management mogħtija minn università barranija illi huma kkredidata skont il- Malta Qualifications Council jiġu aċċettata daqs li kieku wieħed għandu il-kwalifiki mill-Università ta’ Malta.

Żvilupp tal-White Rocks

Question

Tista' l-Ministru tgħid min qed imexxi n-negozjati mal-konsorzju magħzul minnu għall-izvilupp tal-White Rocks? Min huma l-membri l-oħra tal-grupp tan-negozjati? Il-MIMCOL u l-Privatisation Unit qatt kienu involuti f' dawn in-negozjati jew kuntatti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-negozjati se jkunu mmexxija minn tim maħtur mill-Ministeru responsabbli mill-Investiment u dak responsabbli mill-iSport.

Stazzjoni tal-Istat

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk taqbilx mal-policy li uża l-istazzjon tal-istat, finanzjat pubblikament, li biegħ parti mid-drittijiet tal-logħob tat-Tazza tad-Dinja lil kumpanija privata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-PBS hu parzjalment iffinanzjat mill-Istat. Il-kumpanija tiġġenera 80 fil-mija tal-fondi li għandha bżonn. Dwar il-World Cup, l-istazzjon qatt ma kellu l-għażla li juri l-logħob kollha, iżda kellu jbiegħ 18-il loghba biex ikun finanzjarjament possibli għall-FIFA biex tagħti d-dritt lill-TVM biex ixandar 46 logħba free to air. Il-bejgħ sar b’sejħa għall-offerti u kumpanija waħda biss kellha offerta skont ir-regoli, u din ġiet aċċettata bi prezz li kien aċċettabbli għall-European Broadcasting Union u għall-FIFA.

Studenti li ma komplewx l-edukazzjoni terzjarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru u għalhekk ukoll il-perċentwali ta' studenti li ma komplewx l-edukazzjoni terzjarja jew livell simili wara li spiċċaw l-iskola sekondarja fis-snin 2004 sa 2009? Tista' tagħti dettalji sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Bħalissa għaddej eżerċizzju ta’ statistika biex tkun ivverifikata ċ-ċifra eżatta peress li qed tingħata nformazzjoni differenti minn sorsi differenti.

Persuni li qegħdin f'riskju ta' faqar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni fir-riskju ta' faqar fis-sena 2000 u kemm hu n-numru ta' persuni illum? Tista' tgħid ukoll liema kienu il-kategoriji ta' persuni ċioe żgħażagħ, anzjani, single parent families eċċ. li jinsabu f'dan il-livell ta' kwalità ta' ħajja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Uffiċjal tal-Edukazzjoni — Taqsima - Bżonnijiet Speċjali

Question

B'referenza għall-Uffiċjal tal-Edukazzjoni ( Taqsima - Bżonnijiet Speċjali) li rriżenjat mill-kariga tagħha meta kien fadlilha aktar minn sena ta' ħidma, tista' l-Ministru tgħid jekk din il-persuna reġgħetx applikat għal xogħol ta' għalliema, li allura jkollha terġa' tibda minn skala 9, kif il-proċedura normali timponi jew ġietx mogħtija trasferiment żbaljat biex b'hekk tkun tista' ssostni l-iskala tas-salarju tagħha bħala Uffiċjal tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jeħtieġ li l-Onor. Interpellant jagħti iktar informazzjoni dwar l-uffiċċjal tal-edukazzjoni li qed jirreferi għaliha fil-mistoqsija tiegħu.

talba għax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tara tistax tiġi milqugħa t-talba tal-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’dawn l-aħħar tliet snin l-ebda talba minn dawk l-impjegati li kienu jaħdmu mad-Dipartiment għall-Standards fil-Ħarsien Soċjali sabiex jibqgħu jaħdmu wara li jagħlqu l-wieħed u sittin (61) sena ma ġiet milqugħa.

IHC — korsijiet għal-nursing - għalliema mwaqqfa milli jgħallmu

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li għalliema fil-IHC fil-korsijiet li jwasslu għal Diploma in Nursing u għal Degree in Nursing u li ilhom jgħallmu għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, f'daqqa waħda qalulhom li m'għadhomx tajbin biex jgħallmu? X'inhi r-raġuni? Kemm għalliema ġew imwaqqfa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa bħalissa għaddej minn proċess biex minn Istitut isir Fakultà. Fin-Nursing Division tal-Istitut, hemm għaxar impjegati tad-Dipartiment tas-Saħħa fuq full-time release li jagħtu servizz lill-Istitut. Fid-29 ta’ Marzu 2010, l-Università ta’ Malta ħarġet sejħa (open call) għall-applikazzjonijiet għal Resident Academic posts fin-Nursing u Mental Health Nursing. Mill-għaxar persuni impjegati tad-Dipartiment tas-Saħħa, applikaw sebgħa għall-post u tlieta m’applikawx. Mis-sebgħa li applikaw, erbgħa instabu li kienu addattati għall-post, u lesti li jsegwu Ph.D. degree li hi meħtieġa minn Resident Academics skont il-Ftehim Kollettiv. Dawn il-persuni jibdew l-impjieg tagħhom mal-Università f’Settembru 2010. Wieħed irid jemfasizza li Resident Academic irid ikollu l-kwalitajiet meħtieġa biex jgħallem u jagħmel riċerka ta’ kalibru internazzjonali. Il-bidla minn Istitut għal Fakultà mhix waħda kosmetika imma qed issir biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-ogħla livelli ta’ tagħlim u riċerka fil-qasam tal-Health Sciences. Għaldaqstant sitt impjegati mid-Dipartiment tas-Saħħa issa jistgħu jirritornaw għall-impjieg tagħhom full-time mad-Dipartiment tas-Saħħa. Tnejn minn dawn il-persuni għandhom part-time visiting teaching appointments mal-Università.

MCAST — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti f’kull istitut u f’kull kors tal-MCAST, sena b’sena f’Ottubru 2009 u kemm kien hemm minn dawn l-istudenti fl-istess istituti u korsijiet f’Ġunju 2010? Kemm kien hemm minnhom li ma baqgħux jattendu u kemm kien hemm minnhom li baqgħu jattendu u weħlu f’kull eżami? Kemm weħlu studenti mill-ewwel sena ta' kull kors ta' sentejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni dwar n-numru ta’ studenti f’kull istitut u f’kull kors tal-MCAST f’Ottubru 2009 u f’Ġunju 2010 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Filwaqt li l-aħħar part tal-mistoqsija għada ma tistax tiġi mwieġba peress li għadhom għaddejjin l-eżamijiet u l-korrezzjoni tal-assignments.

MCAST — studenti li jattendu foundation course

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti li bdew jattendu foundation course fl-MCAST? Kemm minnhom komplewh sal-aħħar u kemm minnhom komplewh iżda m'għaddewx? Tista’ tagħti l-istatistika istitut b’istitut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni dwar n-numru ta’ studenti li bdew jattendu foundation course u komplewh sal-aħħar qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Waqt li l-istatistika ta’ kemm għaddew studenti għada ma tistax tingħata minħabba li għadhom għaddejin l-korezzjoni tal-assignments.