B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 774 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qed jieħu l-ministeru tiegħu sabiex jaġixxi kontra l-abbuż sfaċċat li qed isir mill-kumpannija bl-isem ta' European City Guide, liema kumpannija tgħid li hi bbażata f'Valenzia, Spanja u li qed tqarraq sfaċċatament bin-negozjanti Maltin u wara li tqarraq bihom titlobhom il-ħlas? X'assistenza qed jingħataw il-vittmi milquta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-pulizija diġa kellha xi rapporti dwar il-kumpanija msemmija u qed tagħmel investigazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ressqet każi l-qorti l-Pulizija kontra persuna li kienet tieħu l-flus bil-wegħda li ddaħħal nies jaħdmu l-Freeport? Kemm hemm persuni li l-Pulizija rċeviet informazzjoni dwarhom li ħallsu l-flus f'dawn il-każi u x'inhu l-ammont totali ta' flus li tħallsu? Fejn waslu l-każi li ressqet il-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li bejn Novembru 2007 u Mejju ta’ din is-sena, il-Pulizija kellha diversi rapporti minn persuni differenti, dwar persuna li kienet qiegħda tieħu xi flus bil-wegħda ta’ xogħol fil-Freeport. B’riżultat ta’ stħarrig li għamlet il-Pulizija, dan ir-raġel ġie identifikat u anke’ nbdew proċeduri kriminali kontrih fuq akkużi ta’ frodi u misapproprijazzjoni li jammontaw għal madwar 89,216 ewro għad-dannu ta' 32 persuna. Dawn il-proċeduri għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm NGOs, għaqdiet, jew individwi li talbu permess mingħand il-pulizija biex jiġbru flus minghand il-pubbliku skond il-Public Collections Act [Kap 279 ligijiet ta' Malta) għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li għal dawn l-aħħar għaxar snin in-numru ta' l-imsemmija permessi kien jammonta għal 163 hekk kif jidher fit-tabella li qed impoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid għal kemm żmien tista' vettura liċenzjata titħalla pparkjata f'post wieħed mingħajr ma tiċċaqlaq qabel ma' tiġi meqjusa ta' inkonvenjent?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li ngħatat għad-domanda parlamentari nru 948.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi/vetturi mikrija fil-mument għall-użu tal-ħteġijiet tal-ministeri, dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Kemm hija ċ-ċifra ta' flus globali li titħallas kull xahar għal dawn il-karozzi/vetturi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li fil-prżent hemm 56 vettura mikrija għall-użu tal-ħtieġijiet tad-dipartimenti u entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tal-Ministeru tiegħi. L-ammont globali li jitħallas kull xahar għall-kiri ta' dawn il-vetturi huwa ta' €23,185.30 (Lm9,953.50).
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi ġodda f'dawn l-aħħar xhur fil-każ tal-qtil ta' Karen Grech, wara li bagħtu ittra bomba lill-ġenituri tagħha? Jista' jgħid jekk intalbitx xi għajnuna professjonali lill-esperti barranin riċentement fl-2007 u fejn wasal dan il-każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkjesta Maġisterjali dwar il-każ għadha mhix magħluqa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu liċenzji ġodda għal armi fis-sena 2007? X'tip kienu dawn l-armi li nħarġet liċenzja għalihom? Kemm hemm persuni li qed jistennew li tinħarġilhom il-liċenzja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li kien hemm 3,754 armi li ġew reġistrati għall-ewwel darba is-sena l-oħra, kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 376 applikazzjoni pendenti għaż-żamma ta’ armi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi/vetturi ġodda li nxtraw mill-ministeru, dipartimenti u dekasteri oħra li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-ewwel 5 xhur ta' din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li swew dawn il-karozzi/vetturi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena, l-uniċi karozzi ġodda li nxtraw kienu għall-ħtiġijiet tal-Korp tal-Pulizija. In-numru ta' vetturi kien ta' għoxrin (20), li l-ammont globali tagħhom kien ta' € 239,925.46 (Lm103,000).
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu mpjegati ġodda ma' l-entitajiet u korporazzjonijiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Awissu sa Diċembru 2007, xahar b'xahar u skond il-grad?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni hekk mitluba mill-Onor. Interpellant hija din li ġejja :
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vittmi ta' spluzjonijiet ta' kmamar tan-nar, sena b'sena, mill-1990 'l hawn? Liema kienu dawn il-kmamar u f'liema lokalitajiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 1990 sa llum kien hemm 31 persuna li tilfu ħajjithom f'inċidenti fi kmamar tan-nar jew postijiet li kienu qed jintużaw għal dan il-għan. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-lokalitajiet fejn seħħew l-inċidenti u liema kmamar kienu nvoluti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-qorti mixlija b'manifatturar ta' logħob tan-nar b'mod illegali u/jew biż-żamma ta' kmamar tan-nar illegali sena b'sena mill-1990 'l hawn?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika bit-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti f'dawn l-aħħar 10 snin, sena b'sena, mixlija b'abbużi sesswali fuq minorenni? F'kemm minn dawn il-każi kienu nvoluti qraba ta' l-istess vittmi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-persuni mressqa quddiem il-Qorti fuq akkużi ta' abbuż sesswali fuq minorenni tul dawn l-aħħar għaxar snin kien :-
Sena
1999
2000
2001
2002
2003
2004
2005
2006
2007
2008*
Persuni
33
14
11
17
26
22
34
32
49
12
* sal-31.05.08
Infurmat ukoll illi ma tinżammx statistika bit-tagħrif hekk kif mitlub fl-aħħar parti tal-mistoqsija.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 398, nitlob lill-Ministru jara x'wassal għad-dewmien li semmejt f'dik il-mistoqsija? Il-każ li qed nagħmel riferenza għalih jikkonċerna l-każ 402/2005 fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili.
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-kawża ġiet istitwita fis-27 t'April 2005 u l-ewwel data ta' smiegħ tagħha kienet it-12 ta' Diċembru 2005. Dakinhar kienet ġiet appuntata Assistenta Ġudizzjarja sabiex tisma' l-provi.
Minn dakinhar, l-Assitenta Ġudizzjarja żammet 17-il seduta sabiex jiġu prodotti l-provi ta' l-attur. Fl-aħħar seduta tas-7 ta' Mejju 2008, l-attur iddikjara illi m' hemmx aktar provi da parti tiegħu.
Hemm seduta ffissata quddiem l-Assistenta Ġudizzjarja għall-4 ta' Lulju 2008 sabiex il-konvenuti jibdew jipproduċu l-provi tagħhom.
Il-modalita' dwar kif titmexxa kawża u s-seduti tagħha huma prerogattiva ta' l- Imħallef sedenti li miegħu tikkonsulta l-Assistenta Ġudizzjarja tiegħu.
Il-kawża issa tinsab differita għas-seduta tad-29 t'Ottubru 2008.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies li nqabdu bid-droga minn April 2007 sa April 2008? Minn liema rħula u villaġġi huma?
Kemm kien in-numru ta' nies li ġew arrestati fuq serq? Kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Il-barranin ta' liema nazzjonalita' huma? Il-Maltin minn liema rħula u villaġġi huma?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn April 2007 u April 2008 kien hemm 504 persuna li ġew imressqa quddiem il-Qorti fuq akkużi relatati ma' droga. Filwaqt li 30 kienu ta' nazzjonalita' barranija, il-kumplament kienu minn dawn il-lokalitajiet:
Attard, Baħar iċ-Ċagħaq, Balzan, B'Kara, Birgu, B'Buġia, Bormla, Buġibba, Fgura, Floriana, Għargħur, Għaxaq, G'Manġia, Għawdex, Gżira, Ħamrun, Ibraġġ, Isla, Kalkara, Luqa, Marsa, M'Scala, M'Xlokk, Mellieħa, Mġarr, Mosta, Msida, Naxxar, Paola, Pembroke, Pieta', Qawra, Qormi, Qrendi, Rabat, San Ġiljan, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Santa Luċija, Santa Venera, Siġġiewi, Sliema, Swieqi, Ta' Xbiex, Tarxien, Valletta, Xgħajra, Żabbar, Zebbug, Żejtun, Żurrieq.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li ma tinżammx statistika kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet is-sena l-oħra fejn il-Qorti tat "Community Service Order" lil persuni ħatja għal xi reat? X'kien ix-xogħol li dawn in-nies kellhom iwettqu u kemm -il siegħa ingħataw kull wieħed? Min kien responsabbli li jara li dawn in-nies qed jagħmlu x-xogħol fil-komunita'?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li fl-2007 inħarġu tlett Ordnijiet ta' Xogħol fil-Komunita' li kienu jinvolvu pwieni ta' 100, 100 u 240 siegħa rispettivament. Ix-xogħol kien jikkonsisti f'manutenzjoni f'dar residenzjali għal persuni b'diżabilita' (bħal tqegħid ta' madum, restawr ta' siġġijiet u xogħol fi ġnien) u xogħol fi ħdan kunsilli lokali (bħal żebgħa ta' sinjali ta' toroq, tqattigħ ta' ħaxix u tisbiħ ta' postijiet pubbliċi).
F'kull każ ġie appuntat Uffiċċjal tal-Probation sabiex jieħu ħsieb is-superviżjoni ta' dawn il-persuni u jżomm kuntatt mal-placement provider fejn ikunu qed jitwettqu x-xogħlijiet.
Peress li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jagħmel użu minn għadd ta' voluntiera, jista' il-Ministru jgħid jekk jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li bi'xi mod jagħti xi nċentivi (pekunarji jew mod ieħor) għal dan is-settur?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Il-Korp ta' Voluntieri fil-Protezzjoni Ċivili ġie mwaqqaf bis-saħħa ta' l-Avviż Legali 95 ta' l-2003.
Minn dak inhar, kien hemm mijiet ta' persuni li applikaw sabiex jissieħbu f'dan il-Korp. Ix-xogħol ta' dawn il-voluntiera, li n-numru tagħhom illum ilaħħaq sebgħin (70), huwa apprezzat ħafna kemm minn dan il-Ministeru kif ukoll mill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Għalkemm l-Avviż Legali ma jipprovdix għal xi tip ta' rimunerazzjoni, dawn il-voluntiera jitħallsu b'rati ta' overtime meta jintalab is-servizz tagħhom minn terzi persuni jew entitajiet, taħt it-tmexxija tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Min-naħa l-oħra, ma jingħataw ebda rimunerazzjoni meta l-attivita' tkun waħda ta' interess nazzjonali. Dawn il-kundizzjonijiet jiġu spjegati lil kull voluntier qabel ma jingħata l-ġurament tal-ħatra.
Jista' l-Ministru jgħid fil-mument liema huma d-dekasteri, dipartimenti u entitajiet li għandhom xi forma ta' Assigurazzjoni Privata (Private Insurance) għall-vetturi, bini, apparat, pitturi, eċċ? Kemm huwa l-ħlas globali f'ċifra ta' flus li qed titħallas għal dawn l-assigurazzjonijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li dan il-Ministeru u d-Diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja huma l-uniċi entitatjiet li jħallsu xi tip ta' assigurazzjoni privata. Żewġ vetturi uffiċċjali tal-Ministeru huma koperti b'assigurazzjoni li tammonta għal €1776.19 ( Lm742.55) fis-sena. Infurmat ukoll li d-Diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja tħallas assigurazzjoni privata għal persuni mpjegati fil-Qrati li jsiefru b'konnessjoni max-xogħol tagħhom. Ir-rata ta' ħlas hija ta' €13.98 (Lm6) għal kull persuna fuq safar għal perjodu ta' mhux aktar minn sebat ijiem u €17.47 (Lm7.50) għal perjodu ta' mhux aktar tard minn għaxart ijiem. Din is-sena s'issa tħallset is-somma ta' €97.86 (Lm42.01).