Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk li l-Enforcement Officers I li applikaw għal Senior Enforcement Officers, għadhom sal-lum il-ġurnata jistennew li joħorġu r-riżultati ta' dawn l-interviews għalkemm sa Ġunju 2020 kienu lestew l-interviews?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta għaddeja minn proċess ta’ evalwazzjoni fi ħdan id-direttorat tal-infurzar. Wara li dan l-eżerċizju jintemm tkun f’pozizzjoni li tieħu deċizzjoni fuq dawn il-pożizzjonijiet.
Transport Malta – Dipartiment tal-Enforcement – applikazzjonijiet għal Managers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-bidu ta' din is-sena (2020) sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ħarġux xi applikazzjonijiet għal Managers fid-Dipartiment tal-Enforcement fi ħdan Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi din is-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid kemm applikaw u kemm ser jiġu ingaġġati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta, fis-sena 2020 ħarġet applikazzjoni waħda li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Għal din l-applikazzjoni applikat persuna waħda u ġiet magħzula.
Transport Malta – Cyber Attack – dipartimenti affetwati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew affetwati Dipartimenti fi ħdan Transport Malta minħabba s-Cyber Attack li din l-Awtorità sofriet reċentement? Meta hu maħsub li l-affarijiet ġejjin għan-normal?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport, li l-attakk ċibernetiku affettwa prinċipalment l-Infrastruttura tal-ICT. L-Awtorita’ ħadet il-passi neċċessarji mmedjatament biex tnaqqas l-impatt fuq l-integrita’ ta’ data tagħha.
Riċentament il-qorti tagħat l-approvazzjoni tagħha biex l-awtorita’ taċċessa parti mill-infrastruttura li kienet miżmuma għall-investigazzjoni u b’hekk tkun tista’ terġa tipprovidi s-servizzi tagħha lura.
Flimkien ma esperti fi sigurta ċibernetika, l-Awtorita’ evalwat is-servizzi u d-data qabel ma jiġu provduti lura biex tnaqqas ir-riskji. Il-fuq min 90% ta’ servizzi reġgħu lura għan-normal, il-kumplament (servizzi interni) għandhom jiġu konklużi u jkunu disponibbli fi ftit jiem.
Infrastructure Malta – Twessiegħ ta’ partijiet minn Triq Ta’ Bur il-Kbir fis-Siġġiewi
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk Infrastructure Malta għandhomx il-pjan li jwessgħu partijiet minn Triq Ta' Bur il-Kbir fis-Siġġiewi, u jekk iva, jista’ jpoġġi kopja tal-pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq indikata għandha partijiet minnha li huma dojoq ħafna u huma ta’ periklu għal dawk li jgħaddu mill-inħawi. Kien hemm talbiet minn residenti tal-madwar, bdiewa u persuni oħrajn li jgħaddu minnha biex din it-triq titranġa.
Għaldaqstant, Infrastructure Malta qed tqis is-sitwazzjoni u tfassal pjan ta’ kif din it-triq tista’ tiġi rranġata. F’każ li jkun hemm bżonn li jsir twessiegħ, dan ikun mill-inqas possibbli kemm it-triq issir sigura.
Billi qed ikun diffiċli biex residenti ta' Triq iż-Żebbuġ l-Kalkara jirċievu servizzi essenzjali, jista' l-Ministru jikkunsidra li titwessa d-daħla għat-triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Infrastructure Malta flimkien ma’ Transport Malta ser tikkonsidra din il-proposta u tkun f’pożizzjoni li tingħata risposta aktar ‘il quddiem.
Jista’ l-Ministru jara li s-sinjali tat-traffiku li huma meħtieġa li jsiru fiż-żona tal-Iskola Primarja fil-Qawra jsiru mill-aktar fis possibbli u dan fl-interess ta’ dawk kollha li jiffrekwentaw din iż-żona primarjament it-tfal, il-qraba tagħhom, ir-residenti kif ukoll il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’din l-iskola?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li Transport Malta qiegħda f’komunikazzjoni mal-Iskola Primarja tal-Qawra biex jiġi implimentat traffic management ħollistiku għal din iz-zona.
Jista’ l-Ministru jgħid x'jistgħu jagħmlu xufiera li skaditilhom it-tag li biha jkunu jistgħu jsuqu karozzi tal-linja, taxis, mini buses, privates, eċċ. peress li dawn qed isibu problema biex din tiġi mġedda minn Transport Malta? Peress li dawn ġew infurmati minn Tranport Malta stess li dan id-dewmien hu kaġun tas-Cyber Attack li l-Awtorità kellha xi xhur ilu u b'hekk dawn ma jistgħux isuqu vetturi ta' trasport pubbliku jekk ma tkunx aġġornata, jista’ jara li jsir xi tip ta' arranġament temporanju sabiex it-tags li skadew jew li ser jiskadu fil-futur qarib, jiġu estiżi sakemm is-sitwazzjoni tiġi għan-normal? Jista’ l-Ministru jgħid x'kumpens ser jieħdu dawk ix-xufiera li jitilfu x-xogħol minħabba dan id-dewmien minn Transport Malta jekk din it-tag ma tiġix aġġornata?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li xufiera li skaditilhom it-tag jew li ser tiskadilhom fil-futur qarib, jistgħu jkomplu jsuqu l-vetturi għall-ġarr tal-passiġġieri, karozzi tal-linja, taxis u vetturi żgħar għall-ġarr ta’ passiġġieri, bit-tag skaduta flimkien mall-irċevuta li turi li sar il-ħlas biex tiġi rrinnovata t-tag. L-operaturi li jħaddmu x-xufiera, huma nfurmati li fi minhabba f’din ic-cirkostanza jistgħu jħallu lix-xufiera jsuqu l-vetturi tagħhom bit-tag skaduta.
Transport Malta – tiġdid tat-tag tax-xufiera – żieda fil-miżata
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-miżata li titħallas lil Transport Malta biex tiġi mġedda t-tag tax-xufiera li biha jkunu jistgħu isuqu karozzi tal-linja, taxis, mini buses, privates, etc. għoliet b'aktar minn 45% minn Novembru 2020 ‘l hawn?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas dovut lill-Awtorità għat-Trasport f’Malta sabiex tiġi mġedda it-tag tax-xufier hija ta’ €12. L-Awtorità tiġbor ukoll il-ħlas ta’ €5.50, liema ħlas jiġi mgħoddi lill-Kummissarju tal-Pulizija, sabiex l-Awtorità, għan-nom tax-xufier, tikseb il-Fedina Penali tiegħu u b’hekk tkun f’pożizzjoni li tipproċessa l-applikazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm suppost tieħu tul ta' żmien biex tiġi mġedda t-tag ta' Transport Malta li biha xufiera jkunu jistgħu jsuqu karozzi tal-linja, taxis, mini buses, privates, etc.?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tipproċessa l-applikazzjoni għat-tiġdid tat-tag minnufiħ wara li tirċievi l-Fedina Penali mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija.
Transport Malta – Ħal Farruġ — Triq Luqa – bus stop
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15902, fejn il-Ministru kien wieġeb li l-Awtorità tat-Trasport kienet ser tevalwa l-possibiltà li jerġa' jkun installat il-bus stop li kien jinsab fi Triq Luqa Ħal Farruġ direzzjoni minn Ħal Luqa għal Ħal Qormi wara li kien tneħħa fit-twessiegħ tat-triq, jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra jekk erba’ xhur wara, itteħditx id-deċiżjoni li dan jerġa' jkun installat?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat minn Transport Malta li identifikaw il-post fejn għandu jiġi nstallat il-bus stop li qed jiġi idinkat f’din il-mistoqsija parlamentari. Infurmat ukoll li l-arblu tal-bus stopġie installat dalgħodu.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir bit-tarmak Triq is-Sgħajtar fil-Mosta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali.
Fil-lokalità tal-Mosta diġà saru Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja u Triq tal-Wej, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq il-Baqqunier, Triq Durumblat, Triq il-Kbira, Triq Patri Ġuże Delia u Triq il-Fortizza tal-Mosta. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Fortizza u Triq il-Kostituzzjoni.
It-triq indikata diġà kienet ippjanata mill-aġenzija biex tinbena mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn li jinkludu Triq il-Waqqafa, Triq Ta’ Bistra, Triq il-Mitjar, Triq Manwella u Triq Rużinjol. Fil-Mosta wkoll, Infrastrucuture Malta għandha ppjanati xogħlijiet oħrajn fi triq bla isem bejn Triq il-Bidnija u Triq Mġarr, il-Pont tal-Bidnija, Triq Silvestru Fiteni, u Triq Sagra Familja.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
San Pawl tal-Qlejja – tibdil fis-sistema tat-traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li t-toroq fl-inħawi ta’ San Pawl tal-Qlejja jkun hemm tibdil għal sistema ta’ one way fis-sistema tat-traffiku minn kif inhu fil-preżent?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa qedgħin isiru diskussjonijiet bejn Transport Malta, Infrastucture Malta u l-Kunsill Lokali.
Ħal Qormi – roundabout tal-erba’ qaddisin – xogħol ta’ tisbiħ
Question
Jista’ l-Ministru ġentilment jassigura li issa li għaddew diversi xhur minn meta sar ix-xogħol ta’ twessigħ tat-toroq tal-madwar, jista’ jerġa’ jirrestawra r-roundabout tal-area magħrufa bħala tal-Erba’ Qaddisin għall-istat tajjeb li kienet fih? Peress li snin ilu din ir-roundabout fid-daħla prinċipali ta’ Ħal Qormi kienet imsebbħa mill-Kunsill Lokali Qormi b’monument tal-Gran Mastru Pinto u bi shrubs/xtieli li jesponu b’mod sħiħ il-frażi Citta Pinto (kif jidher fir-ritratt li qed jintbagħat separatament) biex tilqa’ u tagħti merħba lin-nies deħlin f’Ħal Qormi? Jista’ jara li dan ix-xogħol ta’ tisbiħ jerġa’ jsir?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li l-ħsara kawżata mill-maltemp li saret bejn iż-żewġ bajjiet fl-Għadira fil-Mellieħa (ritratt qed jingħata separatament) issirilha l-manutenzjoni meħtieġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Trasport, fil-ġimgħat li ġejjien TM ser tagħmel it-tiswijiet meħtieġa fuq dan il-moll imsemmi.