Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #11926 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Programm tal-Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta – investigazzjoni ta’ ilmenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta ser jippreskrivi l-mod li bih jistgħu jsiru ilmenti sabiex jiġu investigati mir-Regolatur dwar il-Programm tal-Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta u dan skont dak li jipprovdi l-artikolu 25A tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat li x-xogħol fuq it-tfassil ta’ regolamenti formali għadu għaddej. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kull ilment li jsir iżda xorta jkun eżaminat.
Leg 13 PQ #11927 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija – rapport annwali tar-Regolatur

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ir-Regolatur maħtur skont l-artikolu 25 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188 tal-Liġijiet ta' Malta) lestiex ir-rapport annwali tiegħu għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 2018 sat-30 ta' Ġunju 2019? Jekk iva, jista' jgħid meta ġie ppreżentat lilu dan ir-rapport u meta ser iqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra kif obbligat li jagħmel skont l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Rapport Annwali tar-Regolatur għal din is-sena, qiegħed jiġi finalizzat. Dan se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2018 sat-30 ta’ Ġunju 2019.
Leg 13 PQ #11928 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija – inkjesti dwar il-privazzjoni ta’ ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, kemm-il persuna applikat biex issir inkjesta dwar il-privazzjoni ta' ċittadinanza Maltija skont dak li jipprovdi l-artikolu 14 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188 tal-Liġijiet ta' Malta) mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid għal kull wieħed mill-każijiet jekk il-Ministru responsabbli dejjem bagħatx il-każ quddiem il-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-Privazzjoni ta' Ċittadinanza Maltija u f'kull każ, x'kienet id-deċiżjoni tal-Kumitat? Jista' jindika għal kull waħda mill-persuni li applikaw jekk il-persuna kinitx ċittadina Maltija b'reġistrazzjoni, b'naturalizzazzjoni jew inkella taħt il-Programm ta’ Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni mgħoddija lili kien hemm 14-il persuna li applikaw sabiex issir inkjesta dwar il-privazzjoni ta’ ċittadinanza Maltija skont Artikolu 14, Kap. 188, mis-sena 2013 sal-lum. Kull applikazzjoni li daħlet sabiex issir inkjesta, ġiet riferuta lill-Kumitat ta’ Inkjesta.
Leg 13 PQ #11929 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Inkjesta mill-House of Commons dwar id-diżinformazzjoni u fake news

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha li ntbagħtet mill-Kummissarju Għoli ta' Malta fir-Renju Unit lid-Digital, Culture, Media and Sport Committee tal-House of Commons b'rabta mal-inkjesta dwar id-diżinformazzjoni u l-fake news?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #11937 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Identity Malta – Bejgħ ta’ passaporti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min huma d-ditti ta' avukati/accountants li għandhom permess minn Identity Malta biex ibiegħu l-passaport Malti tal-Unjoni Ewropea?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment ma jbiegħx passaporti. Fl-istess hin l-agenti awtorizzati jiġu approvati mill-Malta Individual Investor Programme u mhux minn Identity Malta. Dwar il-lista ta’ aġenti awtorizzati, ninforma lill-Onor. Interpellant li din ilha tkun ippubblikata sa mill-bidu tal-programm. L-iktar lista aġġornata tinsab f’din il-link: https://iip.gov.mt/agents-list/ (kopja tal-link qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra)
Leg 13 PQ #11751 Sitting 275 2019-11-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Eżamijiet ta' Executive Officers u clerks

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10057 u jgħid kemm fadal persuni li għamlu l-aħħar eżami għall-Executive Officers u Clerks u li għaddew iżda għadhom ma ġewx imsejħa biex jingħataw l-appointment f'din il-kariga? Jista' jgħid sa meta għandha tispiċċa l-validità ta' dan l-eżami?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżami tal-clerks skada. Fil-każ ta’ Executive Officers, ninsab informat li sitta u tletin (63) kandidat għadhom ma ġewx imsejjħa biex jiġu ngaġġati. Dawn jintlew skont il-bzonn tas-servizz u l-postijiet vakanti li jkun hemm. Ir-rizultat jiskadi fis-26 ta’ Dicembru 2019.
Leg 13 PQ #11752 Sitting 275 2019-11-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — uffiċjali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10028, jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex iktar xogħol jittella' Għawdex minn Malta, u allura jkunu jistgħu jittellgħu aktar uffiċjali f’Għawdex?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ‘t-tħejjijiet biex aktar xogħol jittella’ Għawdex minn Malta, u allura jkunu jistgħu jittellgħu aktar uffiċjali f’Għawdex’ hu xogħol kontinwu.
Leg 13 PQ #11850 Sitting 275 2019-11-06 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Programm ta’ Investitur Individwali – sottomissjonijiet mill-pubbliku – konsultazzjoni pubblika

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru mill-pubbliku dwar il-Programm ta’ Investitur Individwali bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika li saret matul is-sena 2018?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat li r-rapport se jiġi ppubblikat dalwaqt.
Leg 13 PQ #11851 Sitting 275 2019-11-06 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Riforma dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni – sottomissjonijiet mill-pubbliku – konsultazzjoni pubblika

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru mill-pubbliku dwar ir-Riforma dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika li saret matul is-sena 2019?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-konsultazzjoni għalqet il-Ħamis 31 ta’ Ottubru 2019. Is-sottomissjonijiet kollha issa qed jiġu analizzati. Kif jiġri f’kull konsultazzjoni pubblika, wara jitħejja rapport li jsir pubbliku
Leg 13 PQ #11635 Sitting 274 2019-11-05 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

UN Climate Action Summit — attendenza

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għalfejn ismu ma jidhirx fost il-65 isem ta’ Prim Ministri u Presidenti li attendew il-UN Climate Action Summit 2019 li seħħ fit-23 ta’ Settembru 2019 fi New York meta huwa kien New York għall-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Filwaqt li nafx minn liema sors ġab din l-informazzjoni, ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-Tnejn 23 ta’ Settembru 2019 flimkien ma’ mexxeja oħra minn madwar id-dinja attendejt kemm għall-ftuħ tal-Climate Action Summit fi New York u kif ukoll għal working lunch ma’ numru ta’ żgħażagħ u rappreżentanti tas-settur privat, kif dokumentat anki fotografikament.
Leg 13 PQ #11636 Sitting 274 2019-11-05 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Banek — Rapporti tal-Amministraturi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11158 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u jqiegħed immedjatament fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti tal-amministratturi tal-Banek li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament u li skont l-Artiklu 29(3) tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju, huwa rċieva kull 6 xhur u kellu jqiegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif nirċievi r-rapporti npoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra skont kif iddettat bil-liġi.
Leg 13 PQ #11637 Sitting 274 2019-11-05 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħlasijiet għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għal ċittadinanza — emendi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11157, jista’ l-Prim Ministru jgħid b’kemm żdiedu d-drittijiet ta’ ħlas għal servizzi li għandhom x’jaqsmu maċ-ċittadinanza Maltija, peress li din il-parti tal-mistoqsija ma ġietx imwieġba?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni tinsab fl-Avviż Legali 214 tal-2019 li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Leg 13 PQ #11693 Sitting 274 2019-11-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtoritajiet u Aġenziji pubbliċi — tmexxija

Question

Fil-konfront tal-awtoritajiet u l-aġenziji pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jista’ l-Prim Ministru jgħid f’kull każ kif inhi komposta t-tmexxija, u għal kemm żmien hi l-ħatra ta’ dik il-persuna jew persuni responsabbli għat-tmexxija tal-entità konċernata? Jista’ jgħid f’kull każ jekk il-ħatriet dehrux fil-Gazzetta tal-Gvern?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija kif tidher hawn taht. Entità /Awtorità/ Aġenzija Isem tal-Pożizzjoni/ Post Għal k emm żmien hija l-ħatra MIIPA CEO 5 snin MCA CEO 3 snin MFSA CEO 5 snin Identity Malta CEO 3 snin MRVA CEO 3 snin MDIA CEO 3 snin MITA Executive Chairman 3 snin Malta Business Registry Registratur Il-hatra hija fuq bazi indefinita MCST Executive Chairman 3 snin MGA CEO 3 snin NDSF CEO 5 snin RSSL Executive Chairman 3 snin Servizz.gov CEO 3 snin Jien informat li mhiex il-prassi li ħatriet bhal dawn jitħabbru fil-gazzetta tal-Gvern.
Leg 13 PQ #11821 Sitting 274 2019-11-05 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Budget 2020 – nefqa fuq reklamar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret għal reklamar dwar il-Budget għas-sena 2020 inkluż nefqa għal reklami f'gazzetti, f'siti soċjali bħal Facebook, Twitter u permezz ta' Google kif ukoll fuq l-istazzjonijiet lokali tat-televiżjoni u tar-radju? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #11823 Sitting 274 2019-11-05 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Relazzjoni ta’ ħbiberija bejn Malta u r-Renju tal-Arabja Sawdija – kontribut ta’ individwu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kontribut ta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn il-popli ta' Malta u tar-Renju tal-Arabja Sawdija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4100.
Leg 13 PQ #11630 Sitting 273 2019-11-04 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

CID – Homicide Squad – qtil ta’ ġurnalista

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għalfejn huwa għażel li meta ġie aġġornat mill-uffiċjali investigattivi tal-Homicide Squad tas-CID dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-uffiċċju tiegħu huwa jkun akkumpanjat miċ-Chief of Staff tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Filwaqt li l-Onor Membru qed jagħmel l-assunzjonijiet tiegħu, l-integrità ta’ kwalunkwe investigazzjoni żżommni milli nwieġeb mistoqsijiet speċifiċi. Nifhem li fil-kappell tiegħu bħala avukat tal-familja tal-vittma, l-Onor Interpellant għandu aċċess komprensiv, iktar minn kulhadd, għall-proċeduri li jinsabu għaddejjin f'dan il-kaz.
Leg 13 PQ #11631 Sitting 273 2019-11-04 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Salarju ta’ konsulent

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm tħallas s’issa u x’inhu s-salarju jew ħlas pagabbli tal-konsulent tiegħu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li hemm riferenza għaliha tħallas is-salarju fi skala 3 mal-Gvern u dan skont il-manwal ta’ kif jitħallsu l-konsulenti tal-Ministri.
Leg 13 PQ #11633 Sitting 273 2019-11-04 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aġġornament mingħand il-Homicide Squad dwar assassinju

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għalfejn huwa għażel li meta ġie aġġornat mill-uffiċjali investigattivi tal-Homicide Squad tas-CID dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-uffiċċju tiegħu, huwa jkun akkumpanjat mill-Ministru għall-Ġustizzja u l-Avukat Ġenerali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Filwaqt li l-Onor Membru qed jagħmel l-assunzjonijiet tiegħu, l-integrità ta’ kwalunkwe investigazzjoni żżommni milli nwieġeb mistoqsijiet speċifiċi. Nifhem li fil-kappell tiegħu bħala avukat tal-familja tal-vittma, l-Onor Interpellant għandu aċċess komprensiv, iktar minn kulhadd, għall-proceduri li jinsabu għaddejjin f'dan il-kaz.
Leg 13 PQ #11765 Sitting 273 2019-11-04 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Group of Member State Expert on Investor Citizenship and Residence Scheme — professuri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni kollha li f'isem il-Gvern Malti pparteċipaw fil-laqgħat tal-Group of Member State experts on Investor citizenship and residence schemes?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif mitlub huwa hawn isfel anness: Meeting Date Participants 1st Meeting 5 April 2019 Jonathan Cardona (CEO, Malta Individual Investor Programme Agency (MIIPA)) Catherine Mizzi Grima (Justice Attaché, PREU) 2nd Meeting 8 July 2019 Jonathan Cardona (CEO, Malta Individual Investor Programme Agency (MIIPA)) Joseph Mizzi (Advisor, Identity Malta Agency (IMA)) Joseph Vella (Chef de Cabinet, PREU) Catherine Mizzi Grima (Justice Attaché, PREU) 3rd Meeting 2 October 2019 Jonathan Cardona (CEO, Malta Individual Investor Programme Agency (MIIPA)) Charles Mizzi (CEO, Malta Residency Visa Agency (MRVA)) Joseph Vella (Chef de Cabinet, PREU) Catherine Mizzi Grima (Justice Attaché, PREU) 4th Meeting 6 December 2019 (TBC) TBC
Leg 13 PQ #11766 Sitting 273 2019-11-04 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Group of Member State Expert on Investor Citizenship and Residence Scheme – dokumenti waqt il-laqgħat

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe dokument li l-Gvern Malti ppreżenta waqt il-laqgħat tal-Group of Member State experts on Investor citizenship and residence schemes?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-Gvern Malti ma ppreżenta l-ebda dokument waqt il-laqgħat imsemmija.