Uffiċċju tas-Sanità f'San Pawl il-Baħar — prodotti kkundanati
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' okkazjonijiet fejn, matul din is-sena l-uffiċjali tas-Sanità mill-uffiċċju tas-Sanità f'San Pawl il-Baħar ikkundannaw prodotti partikolari tal-ikel? X'kienu dawn il-prodotti hekk ikkundanati?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li kien hemm tnax-il okkażjoni fejn, matul din is-sena, l-uffiċjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali mill-uffiċċju reġjonali ta’ San Pawl il-Baħar issiġillaw prodotti tal-ikel.
Il-prodotti ta l-ikel issiġillati u jew/maqbuda huma dawn li ġejjin:
Qagħaq tal-għasel, varjetà ta’ prodotti tal-friża, għasel, prodotti tal-ħut, varjetà ta’ ġobon, bajd, ħobż, ħelu, ġbejniet tal-bżar,
burgers
, zalzett u lewż.
Jista' l-Ministru jgħid rigward id-dar tal-anzjani tal-Furjana:
a) kemm-il applikant huwa fuq il-
waiting list
u kemm ilu jistenna f'kull każ;
b) kemm-il anzjan/a ma baqgħux jgħixu hemm fl-aħħar sena? Min ħa posthom f'kull każ? Kemm kienu ilhom fuq il-waiting list; u
ċ) x'qed iżżom milli jitranġa l-lift prinċipali li ilu bil-ħsara għal tant żmien?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm u liema mediċini qegħdin fl-urġent out of stock procurement list? Meta se tidħol l-ewwel supply u għal kemm-il pazjent u għal kemm xhur f'kull każ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlmantari 17996 dwar mediċini out of stock, jista' l-Ministru jara jekk tistax tingħata din l-istess informazzjoni minn April sa Settembru 2010? Jista' jgħid kemm hu kkalkulat li kienu jiswew dawn il-mediċini li kieku ġew provduti lill-pazjent għal tant jiem skont il-perjodu out of stock għal kull medicina għal kulmin baqa' mingħajrha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux f'moħħu li jsir ċentru tar-riabilitazzjoni li jservi ħalli jgħin lil pazjenti li jkunu għaddew minn xi operazzjoni kbira bħal Coronary Artery Bypass Grafting eċċ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li diġa jeżisti servizz ta' riabilitazzjoni għall-pazjenti li jkunu għadhom kemm għaddew minn xi intervent kardjo vaskulari. Dan is-servizz jiġi offrut lil dawk il-pazjenti li jgħaddu minn bypass surgery u huwa provdut permezz ta’ infermiera u psikoterapista. Dan is-servizz jagħti riżultati pożittivi ħafna u hemm il-ħsieb li jiġi estiż ukoll għal dawk il-pazjenti li jkollhom Myocardial Infarction u dawk li jgħaddu minn Angioplasty meta r-riżorsi meħtieġa, fosthom infermiera, ikunu disponibbli.
Apparti minn hekk, inbdiet
Cardiac Failure Clinic
, li titmexxa mit-tobba u l-infermiera tal-Cardiac Lab. Din il-
clinic
toffri servizz lil aktar minn 100 pazjent.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament jekk il-Gvern huwiex se jkompli juża l-Isptar Sir Paul Boffa fil-funzjoni preżenti tiegħu? Veru li hemm il-pjan li l-isptar jinbidel f'boutique hotel? Ingħata parir legali l-Gvern jekk din il-ħaġa hijiex possibbli?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li sakemm jiġi inawgurat iċ-ċentru l-ġdid tal-onkoloġija, l-Isptar Sir Paul Boffa se jibqa’ jaqdi il-funzjonijiet preżenti tiegħu.
F’dan il-mument m’hemm l-ebda pjan rigward il-futur ta’ dan is-sit wara li jiġu trasferiti s-servizzi tal-onkoloġija.
Breast Screening Unit — spiża ta' embellisment u apparat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-post mnejn qed topera l-Breast Screening Unit fil-Belt, kemm bħala embellishment tal-proprjetà kif ukoll l-apparat? Jista' jikkonferma jekk wara li jinfetaħ l-isptar tal-onkoloġija din il-unit hix se tiġi trasferita għal hemm?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Breast Screening f’Lascaris, il-Belt Valletta, ġie jiswa Ewro 1,346,012.00 bħala spiża kapitali. Din tinkludi apparat mediku, apparat tal-I.T., u xogħol ta’ refurbishment.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan iċ-ċentru joffri servizz ta’
breast screening
lil nisa li huma b’saħħithom, waqt li l-Isptar ta’ l-Onkoloġija huwa immirat lejn dawk il-pazjenti li huma morda bil-kanċer. Il-Gvern qiegħed jimxi mal-linji gwida tal-Unjoni Ewropeja dwar assikurazzjoni ta’ kwalità fi programmi ta’
screening
, li jirrakkomandaw li dawn is-servizzi jiġu offruti fil-komunità u mhux f’ambjent ta’ sptar għaliex huma servizzi preventivi.
Ftehim dwar pazjenti li jidħlu l-isptar u l-polyclinics
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ftehim bilaterali fuq is-saħħa bejn il-Gvern Ingliż u dak Malti jinkludix dawk il-pażjenti li jidħlu l-isptar u l-polyclinics bil-card E111? Jekk le, x'inhu l-ammont ta' flus li l-Gvern Malti daħħal mill-Gvern Ingliż u x'inhu l-ammont ta' claim pendenti li għandu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-ftehim bilaterali fuq is-saħħa bejn il-gvern Ingliz u dak Malti jkopri ukoll pazjenti li jipprezentaw EHIC (ex-EIII) fl-isptarijiet Maltin u viċi-versa.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-perjodu ta' żmien li tabib li għandu jagħmel wara li jkun iggradwa bħala servizz fl-isptar (internship)? Kemm hemm każijiet li tobba ma komplewx dan is-servizz u għal liema raġuni, mis-sena 1994 sal-2009?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma hemm l-ebda perjodu li t-tobba huma obbligati li jagħtu s-servizz tagħhom fl-Isptar tal-Gvern wara li jiggradwaw.
Jista' l-Ministru jispjegali l-anamolija bejn ir-risposta li tani fuq in-National Dementia Strategy Group, fejn qed jgħid li dan għadu fi stat bikri, u intervista li ta ċ-chairperson tal-grupp lil Alzheimer’s Europe u li qiegħda online fuq il-website tal-Alzheimer Europe, fejn dan qed jgħid li l-istrategija ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet tas-saħħa f-Jannar 2010, u f’intervista lil Cynthia Busuttil ta’ The Times u li ġiet ippublikata fl-17 ta’ Marzu 2010 jgħid li waħda mill-għaxar rakmandazzjonijiet ta' grupp hija li tingħata l-kura b’xejn għall-Alzheimer’s?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-National Dementia Strategy Group issottometta dokument bi proposti li ġew ippreżentati lill-awtoritajiet tas-Saħħa f’Jannar 2010.
Dawn il-proposti qed jiġu ikkunsidrati u evalwati bil-għan li jiġu nkorporati fi strateġija u pjan ta’ implimentazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed isiru screening tests permezz tal-X-ray Machines bħal mammografija u jsemmi xi testijiet oħrajn, jekk isiru u għalhekk kemm saru matul Jannar, Frar, Marzu, u Mejju tal-2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-figuri huma kif jidhru hawn taħt. Testijiet oħra jinkludu Paddle Views u X-rays addizjonali, testijiet tal-Ultrasound, testijiet bil-labar għas-cytology jew għall-core biopsy, kemm bil-mammografija u kemm bl-ultrasound. Dawn il-proċeduri jsiru Breast Screeing Centre, Lascaris u jintagħżlu fuq bażi ndividwali skont il-ġudizzju tal-esperti professjonali u l-consensus li jintlaħaq mit-tim multidixxiplinarju.
Xahar
2010
Numru ta’ Mammografiji
(L-ewwel vista)
Persentagg ta’ nisa li kellhom bzonn testijiet ohra
%
Jannar
488
8.4
Frar
453
8.6
Marzu
221
19.9
April
454
12.7
Mejju
586
9.6
Jista' l-Ministru jgħid min qed jirrapporta t-testijiet tal-iscreening bħal mammografija jekk huwiex jitħallas bil-każ jew jekk għandux paga fissa? Jista' jgħid jekk min jagħmel dan ix-xogħol huwiex impjegat mad-Dipartiment tas-Saħħa jew jekk dawn humiex qed isiru minn tobba fil-privat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ir-radjoloġisti li jirrapurtaw it-testijiet tal-iscreening (mammografija) jitħallsu fuq bażi ta’ sessjonijiet bħalma indikat fl-Agreement tal-2007 bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija.
Ir-radjoloġisti mpjegati biex jagħmlu dan ix-xogħol jistgħu jiġu minn kwalunkwe qasam sakemm ikollhom il-kwalifiki u t-taħriġg speċjalizzat li jipprovdi l-Gvern tramite il-Programm Nazzjonali għall-
Breast Screening
. Bħalissa dan is-servizz qed jingħata minn radjoloġisti li huma ukoll impjegati mad-Dipartiment tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jiċċara x'politika għandu dwar il-kiri ta' apparat, sodod u interventi mediċi fuq pazjenti privati li jsiru fl-isptar pubbliku? Veru se jibdew isiru operazzjonijiet fuq pazjenti privati u jintuża l-isptar pubbliku? Veru dawk il-pazjenti li jkunu ġejjin anke minn barra l-pajjiż jibdew iħallsu għal dan is-servizz li se jibda jingħata? Veru li allura biex jsiru dan l-interventi jkun hemm iktar xogħol fit-teatri u swali tal-operazzjonijiet? Allura veru li dan is-servizz se jiftaħ it-triq għat-turisti mediċi u permezz ta' hekk jibda jkun hawn dħul ta' flus barranin fl-ekonomija tagħna?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fl-Isptar Mater Dei mhuwiex applikabbli t-terminu ‘pazjent privat’. Issir distinzjoni bejn pazjenti li huma intitolati li jieħdu s-servizzi b’xejn u pazjenti li m’humiex intitolati. Il-pazjenti li m’humiex intitolati, jħallsu għas-servizzi li jingħataw skont l-iskeda tat-tariffii uffiċċjali maħruġa fl-Avviż Legali Nru 201/2004. Meta jkun hemm domanda minn pazjenti minn barra l-pajjiż biex jagħmlu intervent bi ħlas ġewwa l-Isptar Mater Dei, dan isir biss jekk ma jkunx hemm lista ta’ stennija għal dak l-intervent.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-mediċini Tenofivir, li persuni li huma HIV Positive għandhom bżonn jeħduha kuljum, mhux qegħdin ikunu dejjem in stock b’ mod adegwat, tant li hemm okkazjonijiet fejn persuni jingħataw biss stock ta’ ġimgħa? X’soluzzjoni hemm f’każ ta’ emerġenza dwar din il-mediċina la darba din ma tistax tinxtara mis-settur privat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-mediċina Tenofovir tinstab in stock fl-Ispizerija tal-Isptar Mater Dei. Li ġara huwa li din is-sena kien hemm żieda sostanzjali fil-konsum ta’ dawn il-pilloli. Għalhekk kien hemm xi żmien fejn il-pazjenti bdew jingħataw stokk limitat biex ikun jista’ jinqeda kulħadd. F’każijiet ta’ emerġenza, id-Dipartiment tal-Procurement jaddotta proċedura ta’ xiri ta’ mediċini skont il-provvedimenti tar-Regolamenti Finanzjarji tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19362 u jagħti lista dettaljata ta' approvazzjonijiet li ngħataw f'dawn l-aħħar għaxar snin mill-General Services Board (GSB) ta' btieħi ta' wara ta' djar u flats li kienu diġà mibnija, liema btieħi huma inqas minn dak stipulat fl-artikolu 97 (1)(n) tal-Kap. 10 tal-Liġijiet ta' Malta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellnt li l-informazzjoni mitluba ma tiffurmax parti mill-istatistika miġbura mid-Dipartiment.
Jista’ l-Ministru jispjega għaliex f’mistoqsija parlamentari 12074 li kienet fil-leġislatura l-oħra, kien qal ili l-atypical antipsychotics ma jistgħux jintuzaw bħala mediċini li jgħinu biex itaffu l-problema tal-imgieba ta' dawn il-pazjenti għaliex instab li jżidu serjament problemi ta’ saħħa fiżika oħra, u li l-uniċi mediċini li baqa' li jistgħu jintużaw huma l-acetylchominesterase inhibitors jew l-NMDA receptor anatagonists?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Jidher li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 15185. F’din it-tweġiba jiena kont għidt li “-mediċini antipsychotic jistgħu jintużaw f’każ ta’ sintomi psikotiċi u mġieba aggressiva jew vjolenti anki f’persuni bid-dimenzja u li hija l-kompetenza tat-tabib li jkun jaf liema mediċini għandu jagħti lill-pazjenti f’dawn iċ-ċirkustanzi” u mhux kif qiegħed jgħid l-Onor. Interpellant.
Nikkonferma li l-
atypical antipsychotics
jista’ jkollhom xi effet negattiv fuq is-saħħa fiżika, iżda dan jista’ jiġi segwit b’testijiet tad-demm biex jiġi żgurat li dan ma jseħħx.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12008 li kienet saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid kemm tħallsu l-konsulenti li ġew minn barra fir-rigward tar-rehabilitation hospital li kien ippjanat li jsir f'St Vincent de Paule?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-konsulenti li ġew minn barra fir-rigward tar-rehabilitation hospital li kien ippjanat li jsir f’St. Vincent de Paule tħallsu €11,985.00.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12009 li kienet saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid kemm intnefqu fi pjanti, business plans u konsulenzi matul din is-sena sabiex suppost Sptar Zammit Clapp jilqa' fi ħdanu n-New Rehabilitation Hospital? Jista' jikkonferma jekk dan il-progett ġiex shelved?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma saru l-ebda spejjeż fuq pjanti, business plans jew konsulenzi relatati mal-proġett għat-tkabbir tal-Isptar Zammit Clapp għal sptar ta’ rijabilitazzjoni għaliex kien evidenti mill-bidu nett li din ma kienetx soluzzjoni fattibbli. Matul din is-sena 2010, ġie deċiż li l-Isptar Karen Grech jibda jiffunzjona bħala sptar ta’ rijabilitazzjoni temporanju sakemm jinbena ċ-ċentru l-ġdid. Ġew evalwati nurmu ta’ siti iżda għad ma hemmx deċiżjoni finali dwar fejn ser jinbena iċ-ċentru l-ġdid tar-rijabilitazzjoni.