Legislature:
Category:
Reset
Active:

DSS — Benefiċċji tat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul l-ewwel ħames xhur tal-2010, kemm kien in-numru ta' każijiet li d-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali kellu jirrikorri għall-azzjoni li waqqaf il-benefiċċji tat-tfal (Children's Allowance) minħabba irregolaritajiet, f'Malta u Għawdex separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn 1 ta’ Jannar u 31 ta’ Mejju kien hemm 701 każ ta’ Childrens Allowance li ġew imwaqqfa. Dawn kienu 646 każ Malta u 55 każ Għawdex. Tajjeb li nippreċiza li dawn il-każi mhux neċessarjament twaqqfu minħabba irregolaritajiet.

DSS — Għajnuna Supplimentari

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul l-ewwel ħames xhur tal-2010, kemm kien in-numru ta' każijiet li d-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali kellu jirrikorri għall-azzjoni li waqqaf għajnuna supplimentari minħabba irregolaritajiet, f'Malta u Għawdex separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nfurmata li in-numru ta’ persuni li kellhom l-għajnuna supplimentari imwaqqfa kien ta’ 817 f’Malta u 170 f’Għawdex skont kif jidher fil-lista hawn taħt. RAĠUNI Malta Għawdex JEĊĊEDI IL-MEZZI STABBILITI 63 9 QED TITĦALLAS L-ALLOWANCE GĦAT-TFAL 25 3 INFORMAZZJONI NIEQSA 24 0 MHUX MEQJUS BĦALA KAP TA’ FAMILJA 705 158

White Rocks — Consortium

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif intgħażel il-consortium li magħhom qed jiġu finalizzati n-negozjati dwar l-iżvilupp tal-White Rocks?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gvern, kif diġa’ mħabbar, għażel li jibda negozjati mall-investituri li qed jipproponu l-iżvilupp tal-White Rocks Sports & Leisure Village, wara li l-Gvern assigura li dawn l-investituri għandhom madwarhom tim ta’ fama mondjali u bl-esperjenza meħtieġa fl-iżvilupp, id-disinn u t-tmexxijja tal-qasam sportiv, kif ukoll is-saħħa finanzjarja neċessarja biex proġett ta’ tali dimensjoni jiġi mwettaq. Il-promoturi ta’ dan il-proġett qed jipproponu Sports & Leisure Village b’investiment dirett barrani ta’ €200 miljun, il-ħolqen ta’ 800 impjieg, il-ħolqien ta’ niċċa ta’ turizmu sportiv, l-akkomodazjoni ta’ madwar 40 dixxiplina sportiva, House of Sports , Ċentru ta’ Xjenza Sportiva, Kulleġġ Sportiv u Park tal-Familja fuq l-art fl-inħawi magħrufa bħala tal-White Rocks. Il-promoturi qed jaċċettaw li apparti l-użu tal-art il-Gvern ma’ joħroġx fondi nazzjonali biex jibni u jopera l-faċilitajiet filwaqt li l-faċilitajiet sportivi u l-park tal-familja jkunu propjeta tal-Gvern sa mill-ewwel ġurnata. Dan kollu jagħmel din il-proposta attraenti biżżejjed biex il-Gvern jidħol f’negozjati dwarha biex jorqom aktar id-dettal meħtieġ. Il-ftehim finali se jkun suġġett għall-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-Parlament hekk kif jintemmu n-negozjati.

nies li għandhom xi tip ta' pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn nies li l-uniku dħul li għandhom huwa il-pensjoni tar-romol/ pensjoni tal-età, pensjoni tan-nies bi bżonnijiet speċjali/ għajnuna tal-qgħad jew xi pensjoni oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 16273 li tiġbor fiha in-numru ta’ benefiċċjarji li qegħdin jirċievu xi tip ta’ pensjoni jew benefiċċju mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali. Inżid ukoll li id-Dipartiment mhux f’posizzjoni li jgħid kemm huwa in-numru ta’ persuni li l-uniku dħul tagħhom huwa il-pensjoni jew il-benefiċċju li qegħdin jirċievu.

nies li jirċievu ċ-childrens' allowance

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni li jieħdu l-għajnuna għaliex għandhom tfal taħt is-sittax-il sena ? Kemm hija l-popolazzjoni tat-tfal taħt din l-età u kemm hawn tfal li jikkwalifikaw għal dawn iċ-children's allawance?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont ta’ familji (households) li jirċievu l-allowance tat-Tfal għaliex għandhom tfal taħt is-sittax-il sena huwa ta’ 42,507. Il-popolażżjoni tat-tfal taħt is-sittax-il sena hija ta’ 65,272. Dawn it-tfal kollha jikkwalifikaw għall-ħlas tal-allowance tat-Tfal għalkemm mhux kollha jirċievu l-istess ammont ta’ allowance.

każ dwar persuna bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn jista' jmur jgħix xi ħadd li għandu bżonnijiet speċjali li wara li jmutulu l-ġenituri tiegħu li kienu jieħdu ħsiebu, dan ma jkollu lil ħadd li jkun lest li jieħu ħsiebu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta persuna b’diżabilita’ tasal f’sitwazzjoni fejn il-ġenituri jew il-main carers tagħha għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb aktar tagħha u l-persuna ma tkunx f’pożizzjoni li tieħu ħsieb lilha nnifisha, is-social worker tagħha (sakemm tiġi riferuta) t/jara’ x’inhu l-aħjar mod ta’ kif din il-persuna tista’ tingħata l-appoġġ meħtieġ. Hemm diversi possibiltajiet ta’ għajnuna: Il-persuna tista' tingħata servizz fid-dar tagħha stess jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu bl-għajnuna ta’ support workers, u professjonisti oħra; il-persuna tista’ tidħol f’waħda mir-residenzi li s-SAPPORT tmexxi, jew s-social worker tagħha ssib servizz residenzjali ieħor. F’dawn l-aħħar snin infetħu numru ta’ djar residenzjali għall-persuni b’diżabilità.

periklu fil-playing area tal-kindergarten taż-Żejtun

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15970, tista' l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol fil-kindergarten taż-Żejtun sarx jew le? Jekk le, meta huwa maħsub li jsir ħalli jkun lest qabel tibda sena skolastika oħra u qabel iweġġa' xi ħadd?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-bitħa tal-iskola tal-Primarja taż-Żejtun A hemm bżonn isiru żewġ xogħlijiet jiġifieri bdil ta’ tapit u kisi ta’ kolonni. It-Tender għat-Tapit ħareġ, ntrebaħ minn kuntrattur u l-Order of Works ingħatat. Issa li spiċċaw t-tfal bil-vaganzi dan ix-xogħol se jibda. Dwar il-kisi ta’ kolonni, l-ħaddiema tad-Direttorat ikkunsidaraw diversi materjali. Dawn ġew anke tested. Issa ġie deċiż il-materjal li se jintuża u l-kolonni se jinksew kollha fis-sajf.

applikazzjonijiet ġodda għar-relief

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ssottomettew talbiet/applikazzjonijiet ġodda għar-relief f'dawn l-ewwel ħames xhur tas-sena 2010 rispettivament? Kemm minnhom ġew approvati u kemm huma f'pendenzi? Kemm minnhom huma talbiet ta' romol u/jew ommijiet xebbiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ applikazzjonijiet (talbiet) ġodda għall-Għajnuna Soċjali (relief) li daħlu fid-Dipartiment fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena kien ta’ 1,449 (elf, erbgħa mija u disgħa u erbgħin). Minn dan l-ammont ġew approvati 1,181(elf, mija u wieħed u tmenin), filwaqt li 43 (tlieta u erbgħin) għadhom pendenti. Minn numru kollu ta’ talbiet kien hemm 11 (ħdax) romol u 199 (mija u disgħa u disgħin) ommijjiet xebbiet.

applikazzjonijiet ġodda għal pensjoni tal-invalità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ssottomettew talbiet/applikazzjonijiet ġodda għall-pensjoni tal-invalidità f'dawn l-ewwel ħames xhur tas-sena 2010 rispettivament? Kemm minnhom ġew approvati u kemm huma f'pendenzi? Kemm minnhom huma talbiet ta' romol u/jew ommijiet xebbiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ persuni li issottomettew talba ġdida għall-Pensjoni għall-Invalidità fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2010 kien ta’ 242. Minn dawn it-talbiet, 74 ġew approvati u qegħdin jirċievu il-Pensjoni għall-Invalidità, 88 ġew irrifjutati id-dritt għall-pensjoni imsemmija filwaqt li 80 għadhom ma ġewx deċiżi u għaldaqstant għadhom pendenti. Inżid ukoll li mit-total ta’ talbiet imsemmija, 5 ġew sottomessi minn persuni romol filwaqt li 5 oħra ġew sottomessi minn ommijiet xebbiet.

applikazzjonijiet ġodda għal SKA

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ssottomettew talbiet/applikazzjonijiet ġodda għall-SKA f'dawn l-ewwel ħames xhur tas-sena 2010 rispettivament? Kemm minnhom ġew approvati u kemm huma f'pendenzi? Kemm minnhom huma talbiet ta' romol u/jew ommijiet xebbiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni li ssottomettew talbiet/applikazzjonijiet ġodda għal Għajnuna għall-Mard (SKA) mill-1 ta’ Jannar 2010 sa 31 ta’ Mejju 2010 huwa ta’ 840. Minn dawn it-talbiet/applikazzjonijiet 298 minnhom ġew approvati, 385 ġew irrifjutati, filwaqt li 157 għadhom pendenti. Mill-298 każijiet li qegħdin jitħallsu 54 minnhom huma romol u 6 minnhom huma ommijiet xebbiet.

applikazzjonijiet ġodda għal manutenzjoni fid-djar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ssottomettew talbiet/applikazzjonijiet ġodda għall-manutenzjoni fid-djar f'dawn l-ewwel ħames xhur tas-sena 2010 rispettivament? Kemm minnhom ġew approvati u kemm huma f'pendenzi? Kemm minnhom huma talbiet ta' romol u/jew ommijiet xebbiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej, TALBIET TAĦT SKEMI GĦALL-MANUTENZJONI - 1/1/2010 SA 31/5/2010 Numru ta' applikazzjonijiet 82 Applikazzjonijiet approvati 21 Applikazzjonijiet pendenti 52 Romol / ommijiet xebbiet 21

applikazzjonijiet ġodda għal sussidju fuq kera

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ssottomettew talbiet/applikazzjonijiet ġodda għal sussidju fuq kera f'dawn l-ewwel ħames xhur tas-sena 2010 rispettivament? Kemm minnhom ġew approvati u kemm huma f'pendenzi? Kemm minnhom huma talbiet ta' romol u/jew ommijiet xebbiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej, SKEMA R – Sussidju fuq il-Kera f’postijiet mikrja mill-privat minn 1/1/2010 sa 31/5/2010 Numru ta' applikazzjonijiet ġodda 200 Applikazzjonijiet approvati 60 Applikazzjonijiet pendenti 109 Romol / ommijiet xebbiet/nisa separati 68

Futbol — full-time residency programme għaż-żgħażagħ Maltin

Question

Peress li fid-dinja tal-lum il-futbol huwa mhux biss sport li jnissel prestiġju għall-pajjiż, imma anke industrija ta' ħolqien ta' xogħol u karrieri b'pagi tajbin fih innifsu, peress li l-futbol f'Malta baqa' f'livell baxx komparat ma' pajjiżi oħrajn, tant li pajjiżna baqa' dejjem nieżel fir-rankings tal-FIFA, peress li ħafna gvernijiet irrealizzaw li ċ-ċavetta għas-suċċess f'dan is-settur huwa li toħloq skola għall-aqwa żgħażagħ footballers tal-pajjiż b'ko-operazzjoni man-nurseries individwali tal-clubs tal-futbol lokali, tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex fil-pjan tal-gvern illi joħloq full-time residency programme f'Malta għaż-żgħażagħ mill-età ta' wara l-Form 5 għal dawk illi jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol, fuq l-istess mudell tal-IMG Soccer Academy ta' Bradenton (naturalment addattat għaċ-ċirkostanzi u r-riżorsi lokali) biex l-aqwa footballers żgħażagħ Maltin ikunu jistgħu jittrenjaw il-futbol f'ambjent professjonali waqt li jkomplu bl-istudji akkademiċi tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Malta Football Association, bħall-għaqdiet sportivi nazzjonali l-oħra, hija entita awtonoma u hija għaldaqstant fil-liberta li toħloq u tiggestixxi l-iżvilupp tekniku tad-dixxiplina sportiva li tirrapreżenta bil-mudell li l-aktar tħoss adekwat. Il-Gvern, minn naħa tiegħu, għandu l-ħsieb li jwaqqaf l-ewwel Kulleġġ Sportiv li jilqa’ fih atleti promettenti mill-iskejjel sekondarji.

Ftehim bilaterali mal-Qatar

Question

Peress li ftit ilu intqal li l-gvern kien iffirma numru ta' ftehim bilaterali mal-Qatar, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim fejn jidħol l-isport ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

vouchers għall-għajnuna fil-kontijiet tad-dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk dawk il-persuni li diġà huma ntitloati għall-vouchers biex jgħinuhom fil-kontijiet tad-dawl, humiex se jirċievu wkoll dik l-għotja ta' darba ta' madwar €130?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Qorti tal-Appell — dokument kunfidenzjali b'informazzjoni personali mogħti minn Membru Parlamentari

Question

F'sentenza dwar każ ta' libell li Membru Parlamentari li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament għamel lill-ġurnal it-Torċa, il-Qorti tal-Appell qalet li l-Membru Parlamentari ppreżenta dokumenti kunfidenzjali b'informazzjoni personali dwar l-istat ta' persuna bħala parti mill-każ tiegħu u peress li l-istess Qorti ġibdet l-attenzjoni dwar dan, tista' l-Ministru tgħid jekk dan il-ksur tal-liġijiet dwar privatezza tal-individwu u l-ħruġ illegali ta' dokumenti b'informazzjoni personali minn dipartiment li jaqa' taħt ir-resposabilità tagħha hux qed jiġi nvestigat? Inħatar bord ta' inkjesta? Jekk iva, minn min hu magħmul u x'termini ta' referenza ingħata? Jekk le, għaliex il-Ministru ddeċidiet hekk u tħoss li għandha tirrikonsidra l-pożizzjoni tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-kopja tas-Sentenza tal-Maġistrat Dr. Scerri Herrera, li ġġib id-data tad-29 ta’ Marzu 2010, jirriżulta li kien ir-rappreżentant tad-Direttur tas-Sigurta Soċjali, u mhux l-Onor David Agius, li esebixxa dokumenti u ta xiehda dwar x’pensjoni li kienet qiegħda tirċievi l-persuna kkonċernata mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali. Apparti l-provediment tal-Att dwar il-Privatezza tad-Data (Kap.440) li rreferiet għalihom il-Qorti tal-Appell, il-provedimenti tal-Artiklu 133 ta’ l-Att dwar is-Sigurta Soċjali (Kap.318), id-Direttur tas-Sigurtà Soċjali (u kull uffiċjal jew impjegat ieħor tad-Diparetiment), ħlief biex ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet u d dmirijiet tiegħu jew f’każijiet ta’ prosekuzzjoni quddiem il-qorti, ma jistax jiżvela tagħrif li jkun mogħti lilu biex ikun jista’ jieħu jew jirrevedi deċiżjoni taħt l-imsemmi Att. Jirriżulta l-uffiċjal li rrapreżenta lid-Direttur fil-Qorti ġie eżentat mill-kunfidenzjalità mill-Maġistrat Dr. Scerri Herrera rigward dak mitlub minnu fil-konfront tal-persuna msemmija. Għalhekk, l-informazzjoni li ngħatat u d-dokument esebit mill-Uffiċjal tad-Dipartiment kienu bil-kunsens ta’ dik il-Qorti. Pubblikament ġie mħabbar li l-Uffiċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data se jagħmel investigazzjoni fuq dan l-ilment. Għaldaqstant ma jidhirx li għandha ssir xi investigazzjoni mid-Dipartiment konċernat.

PBS — Melita - xandir tal-logħob

Question

In vista tal-fatt li l-Public Broadcasting Services kienet ftehmet mal-Melita li din tal-aħħar ixxandar waħda mill-logħbiet tal-kwarti finali tat-Tazza tad-Dinja esklussivament, in vista tal-fatt li ftehim bħal din jikser l-avviz legali dwar avvenimenti maġġuri li jridu jixxandru free-to-air u in vista tal-fatt li dan kollu ma seħħx wara li l-Melita irrinunzjat għal dan id-dritt volontarjament: a) tista' l-Ministru tgħid min kien responsabbli biex ġie nnegozjat dan il-ftehim min-naħa tal-Public Broadcasting Services mal-Melita; b) x’tip ta’ pariri legali ttieħu dwar dan il-ftehim mill-Public Broadcasting Services u mingħand min ttieħdu; ċ) min se jinżamm responsabbli għal din id-deċizjoni llegali; d) x’tip ta’ miżuri ttieħdu wara li sar magħruf dan il-fatt ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-negozjati tal-PBS tmexxew mill-ex Kap Eżekuttiv Albert Debono. Il-PBS kien u hu konxju mill-obbligi legali, inkluż li ċerti avvenimenti maġġuri li jridu jixxandru free-to-air. U dan kien qed jiġri f’din il-World Cup ukoll. Il-liġi titlob li l-opening match u l-logħob mill-quarter finals ’il fuq, jixxandu free to air. Jiġifieri, il-liġi tesiġi li b’kollox jixxandru 9 logħbiet. Bl-arrangament li l-PBS laħaq mal-Melita, liema arrangament kien dak offrut mill-FIFA, l-PBS kien se jxandar 46 logħba diretta. Dwar il-logħba tal-kwarti tal-finali, l-aġent Kap Ezekuttiv kien diġà laħaq ftehim mal-Melita biex din tixxandar in a delayed manner. B’hekk minkejja l-ftehim mal-Melita, il-liġi wkoll kienet se tiġi osservata għax din il-logħba wkoll kienet se tintwera free to air. Għalhekk ma kien hemm ebda deċizjoni llegali, li dwarha għandu jinżamm xi ħadd responsabbli u wisq inqas m’hemm xi passi x’jittieħdu.

Għajnuna supplimentari u tal-mard

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm nies li tilfu l-għajnuna supplimentari u tal-mard minħabba ż-żieda tal-għoli tal-ħajja li ngħatat għas-sena 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-dħul massimu sabiex koppja miżżewġa kif ukoll persuna waħeda tikkwalifika għall-Għajnuna Supplimentari ġie miżjud bl-ġħoli tal-ħajja mogħti għas-sena 2010. Għaldaqstant l-ebda persuna ma għandha titlef id-dritt għal din l-għajnuna minħabba ż-żieda għall-għoli tal-ħajja li ngħata mill-Gvern għal din is-sena. Ma’ dan inżid ukoll illi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja mogħtija kull sena ma tiġix ikkunsidrata fir-reviżjonijiet li jsiru għall-Għajnuna Medika u għalhekk l-ebda persuna ma titlef id-dritt għall-Għajnuna Medika minħabba ż-żieda għall-għoli tal-ħajja mogħtija mill-gvern għas-sena kurrenti.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — devoluzzjoni lill-kunsilli lokali

Question

Tista' l-Ministru tgħid mis-sena 2008 sal-ġurnata tal-lum x'ġie devolut minn dawk id-dipartimenti, aġenzji, entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha lill-kunsilli lokali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma saret l-ebda devoluzzjoni minn dipartimenti, aġenziji u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, lill-kunsilli lokali.

MCAST u l-istituzzjoni Ġermaniża — ftehim fuq korsijiet tad-degree

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’tip ta’ ftehim hemm bejn l-MCAST u l-istituzzjoni Ġermaniża li magħha qed isiru l-korsijiet tad-degree u kemm qed titħallas kull sena din l-istituzzjoni u x’servizzi qed tipprovdi għal dan il-ħlas? X’taħriġ sar għal lecturers tal-MCAST biex ikunu jistgħu jgħallmu d-degree courses?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MCAST għandu ftehim ma’ Fraunhofer Gesellschaft, istituzzjoni Ġermaniża b’reputazzjoni internazzjonali b’kuntatti mill-qrib ma’ prattikament kull Università Ġermaniża u oħrajn, kif ukoll mas-setturi varji tal-industrija. Il-ftehim huwa li dawn tal-aħħar jgħinu fit-tfassil tal-korsijiet tad-degrees vokazzjonali f’livell ta’ undergraduate, jippreparaw materjal għat-tagħlim tal-istess korsijiet (madwar 500 slide għal kull study module), u jgħallmu l-istess modules f’kull programm skond l-istess ftehim. Kull study unit fil-ħamsin siegħa ta’ tagħlim, u l-istess lekċerers ta’ Fraunhofer jgħinu fit-tfassil tal-assessjar u fil-proċess tal-assessjar tal-assignments. Ix-xogħol kollu relatat ma’ kull module ġie jiswa lill-MCAST € 18,730.00. Il-lekċerers tal-MCAST ġew involuti direttament f’kull stadju tal-ippjanar u fil-proċess tal-implementazzjoni ta’ dawn il-korsijiet. Waqt li l-lekċerers barranin kienu qed jgħallmu, il-lekċerer konċernat kien jitħarreġ billi jsegwi u jassisti lill-lekċerer barrani. Barra minnhekk, l-MCAST toffri taħriġ pedagoġiku kemm fil-Livell 5 u fil-Livell 7 għall-istaff akkademiku tagħha sabiex l-għalliema jkunu jistgħu jwettqu aħjar id-dmirijiet professjonali tagħhom.