Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti f'Għawdex quddiem it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar? Kemm ġew deċiżi kawżi quddiem l-istess tribunal xahar b'xahar minn Jannar 2007 sal-lum? Kemm saru seduti quddiem l-istess tribunal xahar b'xahar minn Jannar 2007 sal-lum?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li bħalissa quddiem it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar t'Għawdex hemm 72 kawża pendenti. Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fl-aħħar żewġ partijiet tal-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet għal annullamenti ta' żweġijiet u ta' separazzjonijiet ta' żwiġijiet li saru kull sena mill-1998 'l hawn u kemm kull sena l-Qorti tal-Familja jew xi Qorti oħra annullat jew awtorizzat separazzjonijiet? Kemm kull sena mill-1998 'l hawn twaqqgħu talbiet għal annullamenti jew separazzjonijiet minħabba medjazzjoni jew minħabba ftehim milħuq bejn il-koppja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra r-risposta għall-mistoqsija magħmula mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-karozzi tal-pulizija speċjalment dawk tal-mobile squad, m'għandhomx arja kkundizzjonata u lanqas radio? Jaħsibx li l-pulizija bħala ħaddiema għalkemm f'korp iddixxiplinat, għandu jkollhom ambjent tax-xogħol aħjar, inkluż li jkollhom karozzi b'arja kkundizzjonata, speċjalment dawk tal-mobile squad li jagħmlu siegħat twal iduru fix-xemx? X'inhi r-raġuni li anke l-karozzi l-ġodda li ġew riċentament, minkejja li kellhom l-arja kkundizzjonata u radio, dawn ġew skonnettjati? Jista' jara li jittieħdu l-passi meħtieġa ħalli din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korp tal-Pulizija huwa kommess li l-uffiċċjali tiegħu jaħdmu fl-aqwa ambjent possibbli, ovvjament fil-parametru tad-doveri partikolari li jaqdu u r-riżorsi disponibbli. F'dan il-każ partikolari inxtraw vetturi meqjusa adatti għal dan it-tip ta' xogħol. Ovvjament, wieħed irid iżomm quddiem għajnejh l-ispejjeż operattivi kif ukoll eżiġenzi ta' xogħol ieħor.
Rigward l-aħħar parti tad-domanda, ninforma lill-Onor Interpellant li mhux minnu li l-apparat ta' l-arja kkondizjonata gie skonnetjat minn karozzi ġodda li nxtraw riċentement kif qed jiġi allegat.
Mhix il-prassi tal-Korp li jħalli radijiet fil-vettura, apparti dawk tas-servizz, minħabba li dawn jistgħu faċilment ifixklu lill-pulizija li jsuqu l-vettura waqt il-qadi ta' dmirijiethom.
Jista' l-Ministru jiddikjara jekk jarax aċċettabbli l-fatt li rekluta titkeċċa mill-Korp tal-Pulizija għax tinqabad tqila? B'referenza għall-każ li ġie rapportat fil-ġurnal Malta Today li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jista' jgħarraf lill-Kamra kif spiċċat il-kwestjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-Mistoqsija Parlamentari kienet diġa' saret matul il-Leġislatura li għaddiet, bin-numru 29183. Qed nerġa' nissottometti r-risposta, li kienet taqra hekk:-
Ninsab infurmat li rekluta mara li kienet qed tattendi t-taħriġ bażiku fil-kors ta' kuntistabbli fl-Akkademja tal-pulizija, kienet ippreżentat ċertifikat mediku li hija ma' setgħetx tkompli t-taħriġ fiżiku minħabba li kienet ħarġet tqila. Stante li t-taħriġ fiżiku kif ukoll taħriġ ieħor ta' strapazz huwa parti integrali mill-kors ta' taħriġ ta' kuntistabbli, din l-istess rekluta kienet twaqqfet milli tkompli r-reklutaġġ.
Regolamenti ġodda dwar l-industrija tal-logħob tan-nar
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jieħu l-Gvern biex jiżgura l-enforcement tar-regolamenti ġodda dwar l-industrija tal-logħob tan-nar b'mod partikolari biex irazzan abbużi li jidhru li ilhom għaddejjin snin sħaħ f'postijiet li kienu qed joperaw b'mod illegali f'nofs l-abitat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru diversi spezzjonijiet f’postijiet diversi madwar Malta u Għawdex sabiex jinstabu u jiġu mrażżna abbużi fix-xogħol tal-logħob tan-nar u fil-ħażna ta’ splussiv li jintuża għal dan il-għan. Fil fatt ittieħdu diversi persuni quddiem il-Qorti sabiex iwieġbu għal akkużi diversi relatati ma' dan l-abbuż.
Dawn l-ispezzjonijiet ser ikomplu jsiru tant li qed jiġi iffurmat spettorat għal dan il-għan u ser ikollu d-dmir li jara li il-kmamar tan-nar qed joperaw skond il-Liġi.
Billi ġurnal lokali kkwota figuri ta' kemm ġew ripatrijati immigranti irregolari, jista' l-Ministru jgħid jekk il-figuri kkwotati kenux korretti? Jista' jagħti breakdown sena b'sena u b'pajjiż pajjiż?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li n-numru totali ta’ immigranti li ġew ripatrijati matul l-aħħar ħames snin huwa ta' 2,776. Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni kif mitluba fl-aħħar parti tad-domanda.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni anzjani (65+) li kienu nvoluti f'inċidenti tat-traffiku waqt li kienu qed isuqu l-vettura tagħhom fis-snin 2006 u 2007? Jista' jagħti statistika separata ta' l-irġiel u n-nisa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi in-numru ta’ persuni 'l fuq minn 65 sena li weggħu f’inċident tat-traffiku waqt li kienu qed isuqu matul l-2006 u l-2007 kien kif jidher hawn taħt:-
Irgiel
Nisa
2006
29
1
2007
31
3
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni anzjani (65+) li kienu nvoluti f'inċidenti tat-traffiku waqt li kienu fit-triq (pedestrians) fis-snin 2006 u 2007? Jista' jagħti statistika separata ta' l-irġiel u n-nisa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi in-numru ta’ persuni 'l fuq minn 65 sena li weġġgħu f’inċident tat-traffiku waqt li kienu fit-triq (pedestrians) matul l-2006 u l-2007 kien kif jidher hawn taħt:-
Irgiel
Nisa
2006
16
20
2007
22
18
Faċililta' Korrettiva ta' Kordin — Studju akkademiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jinżammu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u qed jagħmlu xi forma ta' studju akkademiku? Jista' jgħid ukoll f'liema suġġetti u f'liema livelli? Jekk ikollhom bżonn jagħmlu riċerka għall-istudju tagħhom, din kif issir?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li preżentament hemm 39 priġunier raġel u 9 priġunieri nisa li qed isegwu xi forma ta' studju akkademiku fil-ħabs. Is-suġġetti mgħallma huma dawn li ġejjin :- Electrical Licence A, Philosophy (O Level), Letteratura Maltija, Taljan, Ingliż, IT u Thinking Skills. Isir ukoll tagħlim ta' snajja, inkluż xogħol ta' fuħħar, xogħol fil-ġebel u Welding.
Il-librerija tal-ħabs tipprovdi materjal għal riċerka f'numru ta' oqsma.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm fl-ewwel ħames xhur tas-sena kemm inqabdu żgħażagħ taħt l-eta’: a) f'post ta’divertiment; b) jixorbu l-alkoħol anke fit-triqat? X’passi ttiehdu f’kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, il-Pulizija sabet 47 persuna taħt is-sittax il-sena f’postijiet ta’ divertiment, li erbgħa minnhom kienu ukoll servuti b’xorb alkoħoliku. B’riżultat ta’ dan, il-Pulizija qed tieħu passi quddiem il-Qorti kontra 30 persuna responsabbli mill-postijiet ta’ divertiment fejn instabu dawn iż-żgħażagħ. Inqabdu ukoll sitt persuni taħt l-eta' jixorbu l-alkoħol fi triqat fejn ġew mogħtija titwijba skond l-Att III ta’ l-2007.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġnien (li fil-passat kien ċimiterju) magħluq, li jinstab fi Triq il-Ġublew tal-Fidda, Bormla hux mikri lil xi ħadd? X'użu qed isir minnu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi liġi li timmulta lil dawk li jabbandunaw l-annimali jew rettili? Min jaħqar lill-annimali jista' jitressaq b'moħqrija ta' l-istess annimali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skond l-artiklu Dwar it-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali u b'mod partikolari l-artikolu 8 (2) ta' l-istess Liġi, ebda annimal ma għandu jiġi mġiegħel isofri uġiegħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn, u l-ebda annimal ma jista’ jiġi abbandunat. Tali aġir hu punibbli b’multa ta’ mhux anqas minn €232.94 u mhux aktar minn €46,587.47 jew priġunerija ta’ mhux iżjed minn sena, jew il-multa u priġunerija flimkien.
Waqt l-istaġun tal-football li għadu kemm intemm, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li tressqu l-Qorti fuq ksur tal-liġi fl-Istadium Nazzjoniali, fil-Victor Tedesco Stadium, fil-ground tal-Hibernians f'Kordin, fis-Centenary Stadium u fil-Gozo Stadium? Jista' jagħti dawn id-dettalji għal kull post separatament u jgħid għal liema logħbiet jirreferu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għall-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Rigward it-tieni parti ninsab infurmat li ma tinżammx statistika f' liema logħobiet irriżulta dan il-ksur tal-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tressqux xi nies il-Qorti wara li kif ġie rrappurtat fil-media lokali, pulizija li kien qed jaqdi dmirijietu ssawwat fis-Century Stadium waqt logħba bejn Żebbuġ R u Gozo F.C. li ġiet ukoll abbandunata x-xahar li għadda? Minbarra dan tressqu jew se jitressqu xi nies oħra li ġġieldu, waddbu oġġetti, fost ħwejjeġ oħra waqt l-istess logħba?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li fil-logħba tal-futboll li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant, il-pulizija żammet tnejn minn nies għal investigazzjoni u resqithom quddiem il-Qorti fuq akkużi dwar dawn l-inċidenti.
Jista' l-Ministru jara li jitranġaw l-air conditioners li hemm fil-qorti u li jqattru l-ilma fuq in-nies li jkunu għaddejjin minn Triq id-Dejqa, Valletta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li, fil-ġimgħat li għaddew, twaħħlu numru ta' air conditioners ġodda f'Awli 16, 17, 18 u 19. Dan wassal għal żieda fir-rimi ta' l-ilma.
Infurmat ukoll li t-Taqsima tal-Manutenzjoni ġewwa l-Qorti diġa' ħadet il-passi neċessarji sabiex tiġi solvuta l-problema.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li rebħu l-każ tagħhom quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji u baqgħu ma ngħatawx ir-rimedju deċiż favur tagħhom? Jista' jagħti wkoll il-lista ta' dawn il-persuni?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta’nies miżmuma fil-Facilita’Korrettiva ta’ Kordin u li qegħdin iservu sentenza ta’ ħabs? Kemm hemm minnhom li kienu sentenzjati għal għomorhom u li b’hekk mistennija jibqghu l-ħabs sal-mewt? Dawn huma kollha Maltin? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm nies miżmuma l-ħabs li m'humiex sentenzjati? Kemm minn dawn huma barranin u ta’ liema nazzjonalita’?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li n-numru totali ta' priġunieri miżmuma fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin hu ta' 413. Minn dawn hemm 8 priġunieri sentenzjati għal għomorhom, li ħamsa minnhom huma Maltin. In-numru ta' priġunieri li ma humiex sentenzjati huwa ta' 136, li minnhom hemm 76 Malti u 60 barrani, li ġejjin minn dawn il-pajjiżi:- Amerika, Brażil, Ingilterra, Bulgarija, Kanada, Chad, Ċina, Olanda, Estonja, Franza, Germanja, Guinea, Ungerija, Libja, Liberja, Malażja, Messiku, Niger, Niġerja, Palestina, Panama, Somalja, Sudan, Sirja, Tuneżija u Turkija.
Issa li ntemm l-istaġun tal-football Malti, jista' l-Ministru jgħid kemm f'somma totali għandhom jieħdu l-pulizija għal xogħol li għamlu waqt logħob tal-football fid-diversi stadiums f'Malta u Għawdex separatament? Meta sar l-aħħar ħlas?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li s-somma totali li għandhom jieħdu l-pulizija għal xogħol li għamlu waqt il-logħob tal-futbol fid-diversi stadia tammonta għal €40,162.11, (€36,335.87 huma dovuti ghall-loghobiet f'Malta u €3,826.24 f’Ghawdex). Infurmat ukoll li l-aħħar ammont li tħallas kien ikopri sa Frar ta’ l-2008 fil-każ ta’ Malta u sa Novembru ta' l-2007 fil-każ ta’ Għawdex.