Servizz ta’ Ambulanza tal-Ajru bejn Malta u Għawdex
Question
Jista' d-Deputar Prim Ministru jgħid kemm-il darba ntuża s-servizz tal-ambulanza tal-ajru bejn Malta u Għawdex minn meta kien inawgurat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta ġie inawgurat is-servizz tal-Ambulanza tal-Ajru sal-10 ta’ Jannar 2018 ġew trasferiti 44 pazjent minn Għawdex għal Malta.
B’referenza għas-snin 2016 u 2017, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru referrals (appuntamenti għall-ewwel darba) lid-Dipartiment tad-Dentistrija? Kemm minnhom kienu persuni li kellhom il-kartuna r-roża? Kemm minnhom kienu tfal taħt is-16-il sena? Kemm-il konsultazzjoni saret? X’kienet l-istennija għal appuntament fis-snin 2016 u 2017? Kemm hi l-lista ta’ stennija attwalment f’Jannar 2018 għal filling jew dentatura jew check up?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2017 komplew jiżdiedu inizzjattivi ġodda fi ħdan id-dipartiment tad-dentistrija sabiex jiġu ndirizzati diversi problemi li ġew ikkawżati snin ilu.
Għalhekk matul l-2017 kien hemm total ta’ 11,113
referrals
lid-dipartiment tad-Dentistrija. Matul is-sena msemmija saru 13,044
check-up
u 3,424 konsultazzjoni minn Konsulenti f’dan il-qasam.
Ninfurmah ukoll li matul l-2016 kien hemm 27,604 persuna li użat is-servizzi tad-dentistrija b’urġenza filwaqt li fl-2017 kien hemm 33,190.
Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard – ħarsien ta’ saħħet il-ħalq
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed jagħmel id-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard biex jeduka lill-poplu dwar il-ħarsien ta’ saħħet ħalqhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, torganizza kampanji fuq il-medja soċjali biex teduka u tinforma l-poplu Malti u Għawdxi x’għandu jagħmel biex jieħu ħsieb is-snien, biex eventwalment iżommhom b’saħħithom tul il-ħajja. Id-Direttorat jikkollabora mad-Dental Public Health Unit, mad-Dental Clinic fl-isptar Mater Dei, mal-Fakulta’ tal-Kirurġija u mad-Dental Association, biex jorganiżżaw diversi kampanji billi jużaw mezzi differenti ta’ komunikazzjoni biex ikun hemm iżjed għarfien dwar l-importanza li wieħed jieħu ħsieb ħalqu. Isiru wkoll diversi taħdidiet ta’ infomazzjoni fl-iskejjel, fid-djar tal-anzjani u fuq il-postijiet tax-xogħol. Id-Direttorat ħa ħsieb ukoll li jippubblika diversi fuljetti b’informazzjoni utli fuq l-importanza tas-saħħa tal-ħalq fit-tfal, fl-adulti u fin-nies li għandhom id-dijabete’ kif ukoll dwar il-ħsara li jagħmel iz-zokkor. Dawn jitqassmu waqt diversi outreaches u kif ukoll fuq il-mobile dental clinic. L-importanza tas-saħħa tal-ħalq hija msemmija f’diversi strateġiji u linji gwida bħal fl-istrateġija għad-dijabete’, fl-istrateġija fuq il-mard li ma jitteħidx, ikel tajjeb għas-saħħa għat-tfal tal-iskola u fil-linji gwida dwar id-dieta. Is-saħħa tal-ħalq kienet inkluża fil-kampanija Tfal b’Saħħithom kif ukoll fil-kampanja dwar iz-zokkor u l-ħsara li jagħmel fil-ħalq u l-ġisem inġenerali.
B’referenza għad-Dipartiment tad-Dentistrija, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ dentisti li kienu jaħdmu mal-Gvern f’dan id-Dipartiment fis-snin 2015, 2016 u 2017?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn l-2015 u l-2017 kien hemm medja ta’ 24 dentist li ħadem fi ħdan id-dipartiment tas-Saħħa.
Dipartiment tad-Dentistrija – skema ta’ public private partnership
Question
B’referenza għad-Dipartiment tad-Dentistrija, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm pazjenti ġew riferuti mid-Dipartiment biex jarahom dentist fil-privat taħt l-iskema ta’ outsourcing ta’ public private partnership? Kemm hemm dentisti privati msieħba f’din l-iskema?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Frar tal-2016 sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2017 kien hemm 9,076 pazjenti li ġew referuti għad-dentisti fil-privat bi spejjeż imħallsa mill-Gvern u li f’din l-iskema issieħbu 24 dentist.
Dipartiment tad-Dentistrija – operazzjonijiet bil-loppju
Question
B’referenza għad-Dipartiment tad-Dentistrija, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il operazzjoni bil-loppju saru fuq il-ħalq mid-dentisti fl-2016 u fl-2017? Kemm hi l-lista ta’ stennija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2016 u l-2017 saru 1,049 operazzjoni bil-loppju ġenerali fil-ħalq mid-dentisti.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġa’ jiġi rivedut il-ftehim mal-union tad-dentisti biex dentisti li jilħqu ġodda, jitħajru jibqgħu mal-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet jinsabu għaddejjin.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega lil din il-Kamra l-preparamenti li saru fil-ħarifa għall-mewġa tal-influwenza li qed taħkem lill-pajjiż bħalissa? Iħoss il-Ministru li dawn il-preparamenti taw ir-riżultati mixtieqa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li konna qed nistennew li l-influwenza dan l-istaġun kienet se tkun aktar frekwenti u qawwija, bdejna l-kampanja ta’ tilqim kontra l-influwenza, aktar kmieni propju fis-16 ta’ Ottubru, iġifieri xahar qabel is-soltu. Dan il-pjan ġie mfassal minn xhur qabel u kien ibbażat kemm fuq statistika tal-passat kif ukoll fuq trends ipedimoloġiċi ġodda tal-virus. Barra minn hekk, wara ġimgħa fejn sħaqna li nies bi problemi ta’ mard kroniku u anzjani għandhom ikunu mlaqqma l-ewwel, ftaħna t-tilqima għal kull persuna minn l-eta’ ta’ 6 xhur ‘il fuq.
Kellna 100,000 tilqima għad-dispożizzjoni tagħna u s’issa tlaqqmu l-fuq minn 93,000 ruħ. Din il-figura turi żieda ta’ aktar minn 20,000 ruħ li tlaqqmu fuq is-snin ta’ qabel. Saret kampanija intensiva fuq diversi midja, fost l-oħrajn fuq midja socjali, radju, televiżjoni u kif ukoll riklamar fuq it-transport pubbliku. Bħas-snin ta’ qabel, saru l-kuntatti mal-Kunsilli Lokali biex il-vaċċin ikun jista’ jingħata wkoll fil-komunita’ sabiex nersqu aktar viċin il-poplu. B’hekk inwessgħu l-aċċessibilta’ u nħajjru aktar is-setturi vulnerabbli, bħall-anzjani u min għandu problemi fiżiċi, biex jieħdu l-vaċċin.
Tkompliet is-sorveljanza fil-komunita’ permezz tat-tobba tal-familja biex waqt l-istaġun tal-influwenza jagħtuna l-informazzjoni meħtieġa dwar każijiet ta’ influwenza li huma jaraw. B’hekk inkunu nafu x’inhi s-sitwazzjoni. Isiru anke testijiet fuq persuni biex inkunu nafu x’tipi ta influwenza tkun tiċċirkula. Din l-informazzjoni tiġi mogħtija lill-persuni kkonċernati biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa.
Fl-isptar Mater Dei ukoll il-preparamenti bdew isiru minn Settembru tal-2017 fejn ġew infurmati l-professjonisti nvoluti bil-perjodi mbassra fejn l-attività tal-influwenza kienet mistennija li toħloq sfidi. Ġiet preparata direzzjoni biex tiffoka fuq Day Care Surgery biex jitnaqqas il-kura matul il-lejl. Din id-direzzjoni ma nkludietx interventi kritiċi jew ibbażati fuq il-ħin. Ġew imfassla numru ta 'protokolli għat-timijiet tal-A&E wara konsultazzjonijiet mad-dipartimenti rispettivi sabiex jiġi evitat id-dewmien u mblukkar mhux meħtieġ fl-Emerġenza. Minkejja n-numri rekord t’attendenzi fl-Emerġenza, xorta ġew milħuqa l-miri tal-Patients Charter b’mod sodisfaċenti. Ġew ippreparati għadd ta 'swali / żoni għall-użu fl-isptar. Ġew imfassla applikazzjonijiet tal-IT fejn il-management ikun jista’ jingħata informazzjoni ta’ x’qed jiġri immedjatament dwar is-sitwazzjonijiet u kif ukoll deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.
Sar ukoll ftehim minn qabel ma' entitajiet barra l-isptar Mater Dei li għenu biex jiffaċilitaw il-ħajja tal-pazjenti tagħna kif ukoll tnaqqas il-konġestjoni ġeneralment esperjenzata matul dawn il-perjodi. F’entitajiet oħrajn fosthom is-Servizzi għas-Saħħa Mentali, l-isptar Monte Carmeli u d-Dipartiment tal-Kura Primarja saret kampanja edukattiva u ta’ prevenzjoni kemm għal ħaddiema u kif ukoll għal pazjenti. Ingħatat ukoll it-tilqima kontra l-influwenza kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-impjegati li jaħdmu f’dan il-qasam.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti dettalji dwar xi progress ġie rreġistrat fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija tal-Isptar Mater Dei fl-aħħar snin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar snin sar kambjament u avvanz enormi fil-qasam tal-kardjoloġija. Dawn jinkludu:
Listi ta stennija: Għall-intervent tal-angiogram, fl-out-patients naqas minn 6 xhur għal massimu ta’ ġimgħatejn filwaqt dawk li jkunu pazjenti rikoverati f’Mater Dei dan l-intervent naqas minn ġimgħatejn għal ftit sigħat. Għal echocardiograms, fl-out-patients minn sentejn dan qed isir fi ftit xhur u dawk li jkunu pazjenti f’Mater Dei isirilhom fi ftit sigħat. Għal follow up f’dan il-qasam minn 6 snin issa sar isir kif u meta jkun meħtieġ.
Innovazzjonijiet/Interventi ġodda:
(Interventional cardiology): F’dan il-qasam qed isiru diversi interventi ġodda fosthom percutaneous mitral valve interventions (MitraClip), bioabsorbable vascular scaffolds (BVS), drug eluting balloons (DEB), instantaneous wave-free ratio (iFR), left atrial appendage (LAA), renal denervation, percutaneous pulmonary valve implantation, u intravascular ultrasound (IVUS). Pazjent b’riskju għoli ta’ stroke issa din tista’ tiġi evitata b’intervent f’waqtu.
(Innovations in electrophysiology): Lead extractions, smallest injectable loop recorders, 3D mapping system for complex ablation li tinkludi atrial fibrillation u ventricular tachycardia qed isiru fil-Cath Suite ta’ Mater Dei. Fil-passat pazjenti li kien ikollhom bżonn dawn it-trattamenti kien ikollhom imorru barra minn Malta, fejn kienu jiżdiedu ir-riskji għal saħħet il-pazjent minħabba l-iskariġġ tas-safar u aktar spejjeż għal qraba tagħhom.
Servizzi ġodda fil- Cardiac Imaging: Kemm f’Mater Dei kif ukoll fl-isptar Ġenerali t’Għawdex inxtara apparat ġdid sabiex ikunu jistaw isiru aktar testijiet lill-pazjenti tagħna. Dawn huma l-iStress echocardiograms with contrast agents, CT calcium scoring and coronary angiograms (CTCA) u cardiac magnetic resonance (CMR).
Investiment fit-teknoloġija ta’ l-Informazzjoni (IT): Sar investiment kbir fis-sistema tal- Informazzjoni Kardjovaskulari (CVIS). Ir-rekords kollha tal-pazjenti huma online u aċċessibbli għall-professjonisti kollha li jieħdu ħsieb il-pazjenti bi problemi fil-qalb.
Innovazzjonijiet fil-kardjoloġija klinika: Test ġdid ġie introdott permezz ta’ programm ġdid. Ġew introdotti ukoll il-Glycoprotein IIb/IIIa receptor blockers għal percutaneous coronary interventions. Issa, pazjenti li jkollhom load ta’ trombożi b’interventi f’waqthom jistaw jiġu salvati.
Kliniki ġodda ta’ subspeciality ġew imnedija: Sabiex il-pazjent jibqa jirċievi l-kura meħtieġa infetħu kliniki ġodda li jinkludu: l-Pre-Assessment Clinic for coronary angiograms, Inherited Cardiomyopathy Clinic, Chest Pain Clinic, Valve Clinic, TAVI Clinic, Inherited Arrhythmias Clinic kif ukoll Specialist Heart Failure Clinic. Ġew imwaqqfa ukoll l-ECG out-patient unit, Klinika tal-Kardjoloġija fic-Ċentri tas-Saħħa, Pacemaker Clinic fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule (SVPR) u fl-isptar Ġenerali t’Għawdex.
Attivitajiet Akkademiċi: Sabiex il-kura tal-pazjent dejjem tibqa’ aġġornata jiġu organizzati diversi laqgħat u lectures kuljum, dawn jinkludu: State of the Art Lectures, Grand Round, Imaging Meetings, Journal Clubs, laqgħat dwar l-ECG, Morbidity & Mortality Meetings kif ukoll Webinar sessions. It-trainees tal-kardjoloġija ta’ Malta kienu fost l-ewwel fl-Ewropa biex jipparteċipaw f’eżami Ewropew tal-Kardjoloġija Ġenerali (EEGC) li huwa amministrat mill-European Society of Cardiology (ESC) flimkien mal-European Union of Medical Specialities (UEMS) Cardiac Section. L-Konferenza Annwali li tiġi organizzata f’Mater Dei fejn issa qed issir fuq livell internazzjonali għaliex qed ikun hemm attendenza ta l’ fuq minn 700 persuna bil-parteċipazzjoni tal-aqwa kardjologi fl-Ewropa inkluż il-President tas-Soċjetà Ewropea tal-Kardjoloġija. Dawn l-attivitajiet akkademiċi jiżguraw aġġornamenti kontinwi, titjib fl-għarfien u ħiliet biex tavvanza aktar il-kwalità tal-kura tal-pazjent tal-qalb. Dan id-Dipartiment qed jieħu sehem fi programmi ta’ riċerka barranin li uħud mis-suggetti jinkludu mard kardijaku waqt it-tqala, cardiac oncology toxicity eċċ. Din ir-riċerka kif ukoll ir-reġistri jgħinu sabiex tkompli tiżdied il-kwalita’ tal-kura li tingħata lill-pazjenti tagħna.
Riżorsi Umani: Apparti dawn l-inizzjattivi ġodda f’Mater Dei ġew maħtura Konsulenti tal-kardjoloġija ġodda, Resident Specialists and Higher Specialist Trainees kif ukoll iktar tekniċi tal-ECG. Dan ukoll ġab titjib notevoli fil-kura tal-qalb.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi progress ġie rreġistrat fl-aħħar snin fit-Taqsima tar-Radjoloġija tal-Isptar Mater Dei, partikolarment f’dawk li huma listi ta’ stennija għas-servizz ta’ CT scans u MRI?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif lil din il-Kamra dwar fejn waslu t-tħejjijiet għall-proġett tal-bini ta’ outpatients block ġdid fil-kumpless tal-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid ukoll xi pjanijiet hemm għat-tkabbir tal-faċilitajiet tal-parking għall-istess sptar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pjanijiet għall-iżvilupp tal-outpatients block fil-kumpless tal-isptar Mater Dei ser jinkludi faċilità ta' parkeġġ taħt l-art ta’ madwar 5 sulari. Rigward dan il-proġett għaddejjin aktar diskussjonijiet u qed jittieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tad-dipartimenti u r-rekwiżiti tagħhom. Ġew ukoll ikkuntattjati disinjaturi tal-isptarijiet barranin sabiex ikomplu jgħinu biex jiġi zgurat li jinkiseb l-aħjar użu possibbli tal-ispazju u l-faċilitajiet eżistenti.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm psikologi mħarrġa fil-qasam tas-saħħa mentali fil-Ministeru tiegħu? Kemm kellhom klijenti/pazjenti matul is-sena 2016? X'għandu wieħed jagħmel biex jagħmel użu minn dan is-servizz?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 15 -il psikologu li jaħdmu fis-Servizzi Psikoloġiċi. Dawn il-psikologi huma kollha mħarrġa fil-qasam tas-saħħa mentali. Sabiex wieħed jagħmel użu minn dan is-servizz hemm diversi mezzi.
Servizzi fil-komunita' jistgħu jiġu utilizzati billi wieħed jagħmel ticket of referral mingħand tabib tal-familja u b'hekk jaċċessa il-GP services. Il-pazjenti li jużaw il-POP u l-Mental Health Clinics jistgħu jiġu referuti għand il-psikologu permezz ta’ referral mingħand psikjatra.
Servizzi fl-isptar mentali: Il-pazjent jiġi riferut mill-psikjatra kuranti. L-aċċess għas-servizz psikoloġiku għat-tfal u ż-żagħżagħ (fi ħdan ic-Child and Young People's Service) huwa permezz ta' referral mill-Konsulent Psikjatra.
Servizzi fl-isptar Karen Grech: Il-pazjent jiġi riferut mill-Allied Health Professionals, mill-Konsulent kuranti, kif ukoll direttament mill-psikologu. Fil-każ tas-servizz ta’ Staff Support il-persuna tirreferi lilha nnfisha sabiex tkun tista’ tagħmel użu minn dan is-servizz.
Dar Kenn għal Saħħtek: Ir-resident jkun jista’ jiġi riferut mill psikjatra kuranti u/jew mill-Allied Health Professional u/jew direttament mill-psikologu.
Servizzi f’l-isptar Mater Dei. Il-pazjent jiġi riferut mill-konsulent kuranti tiegħu kif ukoll mill-Allied Health Professionals. Fil-każ tas-servizz ta’ Staff Support il-persuna tirreferi lilha nnfisha għal dan is-servizz.
Ninfurmah ukoll illi fl-2016 kien hemm 3,132 pazjent li għamel użu mis-servizzi Psikoloġiċi
Servizzi ta’ Assistant Psychologists fil-qasam tas-saħħa mentali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm offrew sessjonijiet fi gruppi l-Assistant Psychologists lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali? Fiex kienu jikkonsistu dawn is-sessjonijiet u fejn saru dawn is-sessjonijiet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2016 saru 341 sessjoni fi gruppi mill- Assistant Psychologists. Dawn is-sessjonijiet kienu jinkludu Psycho-education għal diversi tipi ta’ nies bi problemi differenti, saħansitra għal ġenituri ta’ tfal bi problemi ta’ saħħa mentali u ta’ mġieba, Assertiveness Training, EMDR interventions for Post-Traumatic Stress Prevention u interventi psikoloġiċi għas-support staff post trauma. Dawn is-sessjonijiet saru f’diversi postijiet fosthom fl-isptar Monte Carmeli, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fl-isptar Mater Dei u fil-kwartieri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Nefqa fil-kura ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali fil-komunità
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet in-nefqa totali għall-kura ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jgħixu fil-komunità fis-sena 2016?
Nefqa fis-sodod fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Monte Carmeli
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti dettalji dwar kemm tiswa ta’ kuljum sodda fl-Isptar Mater Dei u sodda fl-Isptar Monte Carmeli?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispiża ta’ sodda kuljum fl-isptarijiet Mater Dei u Monte Carmeli tvarja skont it-trattament u l-kura li jkun jeħtieġ il-pazjent kkonċernat.
Dipartiment tas-Saħħa – Approvazzjonijiet għal beauty treatment and physical well-being
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu n-numru ta’ approvazzjonijiet li d-Dipartiment tas-Saħħa ħareġ għal talbiet ta’ liċenzi ta’ beauty treatment and physical well-being fis-snin 2014, 2015, 2016 u 2017 separatament? Jista’ jgħid ukoll jekk id-Dipartiment tas-Saħħa għandux reġistru taċ-ċentri ta’ beauty treatment and physical well-being centres fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrindenza tas-Saħħa Pubblika joħroġ l-approvazzjonijiet neċessarji għal postijiet ta’ Beauty treatment and physical well-being centres f’Malta u f’Għawdex. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt:
Sena
Numru ta’ talbiet approvati f’Malta.
Numru ta’ talbiet approvati f’ Għawdex.
2014
101
8
2015
116
1
2016
78
2
2017 (
Jannar sa1-14 ta’ Diċembru
)
47
1
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jibdew jingħataw it-tilqima kontra l-Meningitis għat-tfal mill-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa qed jippjana illi jdaħħal it-tilqima ta’ kontra l-pneumococcus li tikkawża forma ta’ meninġite fix-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il mediċina hemm out of stock illum u jekk hemm, kemm ilha out of stock? Jista’ jagħti rendikont ta’ kif din iċ-ċifra titqabbel mas-sitwazzjoni fil-pajjiż fl-2012?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa ma hemm l’ebda mediċina out of stock kemm fl-isptar Mater Dei u kif ukoll fl-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek. Ninfurmah ukoll illi fl-2012 kien hemm madwar 160 mediċina out of stock.
Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo – pazjenti — kura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pazjent ingħata kura miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo minn meta beda jopera dan l-isptar s’issa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ attendenzi fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena kien ta’ 72,859. Il-figuri mogħtija jirreferu għal attendenzi u mhux pazjenti għaliex persuna jista’ jkollha aktar minn attendenza waħda f’perjodu ta’ żmien.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna marret tieħu kura jew trattament barra minn Malta fl-aħħar erba’ snin u sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna bbenefikat mill-inizjattiva li jitilgħu ż-żewġ ġenituri mal-ulied li jkollhom bżonn kura barra l-pajjiż tul din il-leġiżlatura sakemm titwieġeb din il-mistoqsija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt.
Sena
Numru ta’ Pazjenti li ntbagħtu barra minn Malta għall-kura(ġewwa l-Ingilterra kif ukoll f'pajjiżi oħra fl-Ewropa)
Numru ta’ Episodji ta’ Pazjenti li ntbagħtu barra minn Malta għall-kura(ġewwa l-Ingilterra kif ukoll f'pajjiżi oħra fl-Ewropa)
Numru ta’ Persuni li bbenefikaw mill-inizjattiva li jitilgħu ż-żewġ ġenituri
2014
484
728
177
2015
499
759
186
2016
549
825
205
2017(sal-11 ta' Diċembru)
507
792
183