Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'pagi u salarji totali fis-settur pubbliku sena b'sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fis-settur pubbliku għal kull sena? Jista' jgħid jekk hemmx/kemm hemm nies jaħdmu fis-settur pubbliku b'kuntratti ta' xogħol?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25876.
Malta Enterprise — Ex Sptar San Luqa - transazzjoni tal-flus
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew l-uffiċini l-ġodda fil-Malta Enterprise f'parti mill-Ex Sptar San Luqa fl-Imsida? Meta huwa l-ħsieb li ssir it-transazzjoni għal dawn l-uffiċċji?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-transizzjoni għall-uffiċċji ġewwa St. Luke’s hija ppjanata għall-aħħar ta’ Ottubru. Dettalji dwar kemm qed jiswew dawn l-uffiċini jkunu disponibbli meta jitlesta x-xogħol kollu u jitħallsu l-ispejjeż.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala f'każ ta' żewġ persuni jabitaw flimkien, id-dħul tagħhom jingħad flimkien u tinqatgħalhom l-għajnuna supplimentari, imma fl-istess waqt ma jingħatax is-sussidju fuq il-kont tad-dawl u l-ilma bħala żewġ persuni f'dar waħda għax ma jkunux miżżewġin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li f’każ ta’ żewġ persuni li m’humiex miżżewġin u li jabitaw flimikien, dement li tintela l-formola tad-Dikjarazzjoni għal tibdil fin-numru ta’ Persuni fir-residenza u jiġu provduti d-dokumenti meħtieġa, sabiex jiġi aġġornat in-numru ta’ persuni li joqgħodu f’residenza, is-sussidju jingħata fuq in-numru ta’ persuni korrett u għalhekk ma ssir l-ebda distinzjoni min-naħa tal-ARMS, jekk il-koppja tkunx miżżewġa jew le.
Life Sciences Project — periti, project managers u konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-periti, project managers u konsulenti oħra li qed jaħdmu fuq il-Life Sciences Project? Jista' jgħid kif intgħażlu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi is-sejħa għall-offerti għall-Project Management and Design Services tal-Life Sciences Centre kienet ġiet pubblikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti tal-Gvern f’isem il-Malta Enterprise fil-25 ta’ Settembru 2009 (No. 18,486). Ħdax-il offerta ġew mitfuħa li minnhom intagħżlet l-offerta ta’ QPM Ltd.
Forti Sant' Angelo — obbligi tal-Ordni ta' San Gwann
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-obbligi li daħal għalihom l-Ordni ta' San Gwann meta ngħata l-konċessjoni tal-Forti Sant' Angelo xi snin ilu, u jekk humiex qed ikunu osservati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dik l-area ta' art li hemm biswit il-fabbirka Jet Class fl-Industrial Estate San Ġwann u fejn fuq parti minnha hemm xi parking space għall-vetturi, hijiex tal-Malta Industrial Parks u/jew amministrata minnha? F'każ li din l-art hija tal-Malta Industrial Park u/jew amministrata minnha, jista' l-Ministru jgħid:
a) x'arranġamenti hemm mal-propretarju tal-kjosk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex dan jitħalla jarma kuljum fuq din l-art;
b) għall-ħabta ta' Ġunju/Lulju 2010 l-Malta Industrial Park ordnat lil din il-kjosk biex ma jibqax jarma f'din l-area u wara li waqaf jarma għal xi tliet ġimgħat, reġa' beda jarma u għadu jarma hemmhekk sal-lum? X'ċirkustanzi hemm illum bejn l-Malta Industrial Park u dan il-proprjetarju li qabel Ġunju 2010 ma kenux jeżistu;
ċ) indipendentement minn jekk hemmx arranġament bejn l-Malta Industrial Park u l-proprjetarju tal-kjosk, x'inhi r-raġuni li dan il-kjosk jarma kuljum mingħajr tfixkil u kjosks oħra (wieħed tal-imqaret u ieħor tal-ħaxix li ukoll huma hawkers bħalu) ma tħallewx jarmaw u twaqqfu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26489 u jgħid jekk is-servizz tal-ħażna tad-demm tal-kurdun (stem cells storage) hux suġġett għal VAT jew le? Jista' jgħid jekk il-kumpaniji lokali li joffru dan is-servizz hux qegħdin kollha jimxu skont il-liġi tal-VAT? Jista' jgħid jekk il-kumpaniji lokali kollha humiex iżidu l-VAT mal-prezz tal-prodott?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-servizz tal-ħażna tad-demm tal-kurdun (stem cells storage) hu suġġett għal VAT. Id-Dipartiment tal-VAT qiegħed jagħmel il-verifiki neċessarji fuq kumpaniji lokali li joffru dan is-servizz sabiex jiżgura li dawn qed jimxu skont il-liġi tal-VAT.
Spezzjoni fuq post minħabba cables tad-dawl li għaddejjin minn taħt dar
Question
Jista' l-Ministru jara li wara li saret spezzjoni f'post biex jaraw jekk humiex għaddejjin cables tal-Korporazzjoni Enemalta minn taħt dar, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u meta dawn marru fuq il-post qalulhom li jista' jkun hemm u jista' ma jkunx hemmx cables għaddejjin u jridu li s-sid jiċċekkja jekk hemmx kurrent għaddej? Jekk l-individwu jagħmel dan, ma jidhirlux l-Ministru li jekk hemm xi kurrent tad-dawl dan l-individwu jkun qiegħed f'riskju għal ħajtu? Mill-pjanti li jkollu l-Gvern jista' jara x'tip ta' kurrent jew cables huma għaddejjin minn taħt din id-dar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta fl-ebda mument ma qalet lis-sid biex jiċċekkja jekk hemmx kurrent għaddej. Il-korporazzjoni identifikat żewġ high tension cables, u li iżda l-cable riferut f’din il-mistoqsija parlamentari ma jidhirx li hu tal-Enemalta. Kif diġà ġie infurmat, is-sid għandu japplika għal devjazzjoni tal-cables tal-Enemalta u jġib dikjarazzjoni mingħand il-GO, f’każ li jixtieq ineħħi l-cable l-ieħor.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dak li intqal fil-bugdet li mara miżżewga li terġa toħroġ taħdem wara żmien wieqfa din ma tħallasx taxxa għal sena? Kif trid tagħmel? Min irid javża lill-kumpanija fejn tkun qed taħdem?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din il-miżura tħabbret fid-Diskors tal-Baġit għas-sena 2009 (paġni 35 u 36) u tibni fuq miżura oħra simili li daħlet fis-seħħ fl-2005 li kienet tikkonsisti fi kreditu ta’ taxxa ekwivalenti għal €1,631.
Il-benefiċċju jikkonsisti fi kreditu ta’ taxxa li jingħata lil dawk in-nisa li jew jirritornaw għax-xogħol wara nuqqas ta’ ħames snin jew jirritornaw għax-xogħol wara t-twelid ta’ tarbija.
Hemm għażla ta’ kif jista’ jittieħed il-benefiċċju. Tista’ tittieħed sena sħiħa eżenzjoni mit-taxxa fuq l-imjieg għal kull wild taħt is-sittax-il sena jew kreditu ta’ €2,000 għal kull wild mifrux fuq sentejn. Dan sar biex dawk in-nisa li għandhom dħul iżjed baxx jibbenefikaw saħansitra minn eżenzjoni effettiva ta’ aktar minn sena waħda.
Biex jittieħed il-benefiċċju trid timtela waħda minn tliet formoli, skont il-każ, li tinhemeż mal-formola tat-taxxa li timtela kull sena. Hemm però ċirkostanzi fejn id-Dipartiment tat-Taxxi Interni jkun diġà jaf li persuna se tkun eliġibbli għall-benefiċċju u dan jingħata awtomatikament fir-rendikont tat-taxxa mingħajr il-bżonn li tintbagħat formola. L-impjegati tal-Customer Helpdesk tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni huma mħarrġa biex jagħtu l-għajnuna meħtieġa fuq din l-iskema.
Jekk il-mara li qed tirritorna għax-xogħol tkun intitolata għal eżenzjoni sħiħa mit-taxxa fuq l-impjieg għal dik is-sena, trid tavża lill-
employer
tagħha biex ma jżommx taxxa taħt is-sistema tal-
Final Settlement System
. Jekk għal xi raġuni t-taxxa tinżamm xorta waħda, u allura jirriżulta xi ħlas żejjed, it-taxxa mħallsa żejda tingħata lura mar-rendikont ta’ dik is-sena ta’ stima.
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-lum kien hemm 8,344 mara li ħadu dan il-benefiċċju b’total ta’ €8.5 miljun fi kreditu ta’ taxxa.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-regola ta' min jirbaħ il-lotto għaliex ġieli min rebaħ anke naqsulu 70% tar-rebħ? Min jirregola dan?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-logħob tal-lotterija nazzjonali llum jiġi organizzat minn operator privat. Din ir-regola hija regola li għamel l-operatur fit-termini u kundizzjonijiet tal-logħba tal-lottu u li kienet ġiet approvata mill-awtorita` dwar il-lotteriji u logħob f’ Lulju ta’ l-2007, ai termini ta’ Sezzjoni 5 ta’ l-Licenzja tal-Lotterija Nazzjonali. Meta r-rebħ jaqbeż is-70% tal-bejgħ, l-operatur qed iżomm id-diskrezzjoni li jnaqqas dak ir-rebħ biex jiġi jammonta għal 70% ta’ dak li jkun inbiegħ. L-operatur jagħmel dan sabiex iżomm il-logħba vijabbli. Tajjeb li wieħed jinnota illi meta r-rebħ ma jaqbiżx it-30% tal-bejgħ, il-premjijiet jiżdiedu sabiex ilaħħqu it-30% tal-bejgħ.
Minn meta ġiet introdotta din ir-regola, il-premjijiet tnaqqsu 33 darba u żdiedu 28 darba.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — infiq fi fuel
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ kemm intnefaq fi fuel fid-dekasteri kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu minn Marzu 2008 sa Awwissu 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fis-sezzjoni tad-deep sewers fi ħdan id-Dipartiment tad-Drenaġġ (Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Kemm hu t-tul ta' deep sewers li ġew imnadfa matul dawn l-aħħar tnax-il xahar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 18-il ħaddiem immexxija minn erba’ team leaders fis-sezzjoni tad-deep sewers ma’ Malta u Għawdex. Dan l-aħħar 12-il xahar, dawn naddfu u għamlu xogħol ta’ manutenzjoni f’14.7 kilometri ta’ mini tad-drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel il-gvern fiż-żona li sal-lum tilqa' fiha l-power station tal-Marsa ġaladarba din il-power station tingħalaq? Meta se tingħalaq il-power station tal-Marsa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi la darba tagħlaq il-power station tal-Marsa din il-proprjetà se tiġi mgħoddija lura lill-Gvern Malti bħala parti mir-rifinanzjament tal-Korporazzjoni bl-SPV (Special Purpose Vehicle). Din ser tingħalaq meta jiġi kkummissjonat l-interconnector bejn Malta u Sqallija.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26925, peress li wara d-data tal-mistoqsija ġiet mogħtija sentenza mill-Qorti li l-art in kwestjoni mhix il-waħda provenjenti mil-legat taż-żwieġ (ta' Giocondu) iżda hija art oħra magħrufa bħala ta' Kasam Sciakak, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Artijiet jew l-Uffiċċju Konġunt hux se jneħħi r-reġistrazzjoni minn fuq din l-art, għax din l-art fil-fatt tirriżulta li hi ta' terzi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li l-Qorti ma tat l-ebda sentenza fir-rigward tal-art in kwistjoni, u wisq anqas dwar it-titolu fuq l-art - kull ma kien hemm kien digriet dwar kontro-mandat fejn il-Qorti m'għamlet l-ebda indaġni profonda dwar xi provi li setgħu ġew imressqa rigward it-titolu fuq l-art, iżda qieset il-kaz biss b'mod 'prima facie' - fid-dawl tal-fatt li hemm numru ta' kawżi pendenti rigward it-titolu fuq l-art mibnija mill-persuna lil min tappartjeni, u jekk dan fil-fatt beniex fuq art li hu akkwista jew fuq art li hi proprjeta' tal-Gvern (ġia provenjenti l-entitajiet ekkleżjastiċi), l-Uffiċċju Konġunt hu tal-fehma li tali reġistrazzjoni m'għandhiex titneħħa minn fuq l-art, sakemm il-kawżi numerużi li hemm pendenti (anki ma' terzi li akkwistaw fondi mingħand l-individwu lil min tappartjeni) jkollhom eżitu finali f'forum petitorju, u wara li jitqiesu l-provi kollha li nġiebu quddiem il-Qrati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jgħoddu s-sigħat pendenti qabel ma jiskattaw multi mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Marsa Power Station?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-multi li jisgħu jiġu imposti mill-Unjoni Ewropea ma humiex awtomatiċi, imma wara proċess li trid tiftaħ l-Kummissjoni Ewropea u li jkun irrid wassal għal deċizjoni mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Jista l-Ministru jgħid meta se jerġa' jintroduċi l-iskema tar-residenti permanenti, issa li għaddew ix-xhur minn meta ġiet sospiża?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskema, li issa ġiet riformata fi skema għall-High Net Worth Individuals kienet imnedija fil-15 ta’ Settembru u tinsab fis-seħħ. Hija għandha l-għan li tattira lejn pajjiżna nies ta’ dħul għoli, filwaqt li titħares ir-reputazzjoni ta’ Malta, u mingħajr riskji żejda għall-obbligi li pajjiżna kien qed jidħol għalihom taħt l-iskema l-qadima.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twettaq s'issa mill-proġett tal-bini tal-estensjoni tal-Power Station f'Delimara u jekk dan il-proġett waqax lura, huwiex skont kif ippjanat, jew huwiex avvanzat iżjed minn dak ippjanat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-bini tal-estensjoni tal-power station f’Delimara miexi skont il-pjan.
manutenzjoni tal-estenzjoni tal-Power Station ta' Delimara — ftehim
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta u l-BWSC iffirmawx il-ftehim għall-manutenzjoni tal-estenzjoni tal-Power Station ta' Delimara? Jekk iva, kemm se jkun jiswa sena b'sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għadha ma ffirmatx ftehim għall-manutenzjoni tal-estenzjoni. Il-Korporazzjoni qiegħda tevalwa diversi proposti mill-kuntrattur u l-fabbrikant oriġinali tal-apparat.
Wara li dan jiġi evalwat, jitressaq rapport formali lid-Dipartiment tal-Kuntratti.
San Pawl il-Baħar — rapporti ta' leakages ta' ilma
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm kienu r-rapporti ta' leakages ta' ilma li saru fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar (lokalità sħiħa) fil-perjodu ta' Lulju/Awwissu 2011? Jista' jgħid kemm minn dawn il-leakages ġew irranġati u kemm damu biex ġew irranġati? Kemm hu stmat li kien il-ħela ta' ilma b'riżultat ta' dawn il-leakages?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma rċeviet 105 rapport ta’ ilma ħiereġ fl-Lulju u Awissu ta’ din is-sena. Dawn il-ħsarat issewwew kollha. Il-Korporazzjoni ħadet medja ta’ jumejn (55 siegħa) minn meta rċeviet ir-rapporti, biex issewwiet kull ħsara. Mhuwiex possibli li jiġi stmat kemm kienet il-ħela ta’ ilma minn dawn il-leakages partikolari, peress li ħsarat ikunu qed jinqalgħu il-ħin kollu.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — talbiet għal reduced hours, telework u career breaks
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għal reduced hours, telework u career breaks f'kull dipartiment u uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm minn dawk it-talbiet saru minn nisa u kemm minn irgiel? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.