Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fgura – Triq l-14 ta’ Diċembru 1945 — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16970 li oriġianrjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u jgħid kemm ilu l-Kunsill tal-Fgura jitlob lill-Infrastructure Malta sabiex issir Triq l-14 ta Diċembru 1945, fil-Fgura?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għar-risposta li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 17309.

Għawdex — Test tas-sewqan – lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm lista ta’ stennija għat-test tas-sewqan ġewwa Għawdex?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-mument f’Għawdex qed jiġu proċessati applikazzjonijiet mill-kategoriji A (Muturi), B (Karozzi), C u D (Trakkijiet u Coaches) u ser jinghataw testijiet fil ġimghat li ġejjin. Qed isiru pjanijiet sabiex jiġu ngaġġati eżaminaturi tas-sewqan ġodda biex iż-żmien ta’ stennija jiġi ridott.

Malta — Test tas-sewqan – lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm lista ta’ stennija għat-test tas-sewqan ġewwa Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-mument f’Malta qed jiġu proċessati applikazzjonijiet mill-kategoriji A (Muturi), B (Karozzi), C u D (Trakkijiet u Coaches) u ser jingħataw testijiet fil ġimghat li ġejjin. Qed isiru pjanijiet sabiex jiġu ngaġġati eżaminaturi tas-sewqan ġodda biex iż-żmien ta’ stennija jiġi ridott.

Rabat, Malta — Triq Għeriexem – Inawgurazzjoni tal-belvedere

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif wara l-inawgurazzjoni tal-belvedere ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, Malta, it-tabella li tirreġistra kemm ġiet iġġenerata enerġija solari mill-mogħdija solari ilha mitfija ġimgħat jekk mhux xhur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-installazzjoni qiegħda taħdem kif ippjanat.

Rabat, Malta — Triq Għeriexem – Units ta’ enerġija iġġenerati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ġenerati units ta’ enerġija mill-mogħdija solari tal-belvedere ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, Malta mill-inawgurazzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-mogħdija solari tal-belvedere ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, Malta, ġew iġġenerati 2,343KWh.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16001 u 16631 u jgħid min kien/kienu d-Deputati tal-Gvern li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma jagħmlu parti min xi kumitati, panels u bordijiet fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qiegħdin iservu, il-kariga li kienu/li qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ngaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju/honoraria tagħhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol tagħhom, ta’ kemm-il darba attendew fil-kumitat/bord/panels u kemm tħallsu jekk jitħallsu per sitting u l-ammont li tħallsu annwali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

Il-Gżira — Triq Vilhena - Xogħlijiet

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li saru fi Triq Vilhena ġewwa l-Gżira fejn dawn ix-xogħlijiet ħadu numru ta’ xhur biex jitlestew, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali għal dawn ix-xogħlijiet u min huwa l-isem tal-kuntrattur/kumpanija li għamlu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta investiet €388,277.06 (VAT inkluż) fi proġett infrastrutturali fi Triq Manoel De Vilhena, bil-kuntrattur responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet kien Excel Sis. Ix-xogħlijiet li wettqet Infrastructure Malta f’dan il-proġett kienu ffukati mill-pedament tat-triq sas-sottobażi, bix-xogħol fuq wiċċ it-triq, jiġifieri il-pavimentar għadda f’idejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Minn naha tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-kuntrattur responsabbli kien J Construction Ltd bl-ispiża totali tax-xogħlijiet ta’ pavimentar tammonta ghal €179,378.00 (VAT inkluż). Il-ħidma, li kienet sorveljata mill-Kunsill Lokali tal-Gżira u mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, inkludiet xogħol ta’ tħaffir biex issir mill-ġdid l-installazzjoni tas-servizzi tal-ilma, id-drenaġġ u s-sistemi ġodda għall-ilqugħ adekwat għall-ġbir tal-ilma tax-xita.

Il-Gżira — Triq Vilhena - Xogħlijiet

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li saru fi Triq Vilhena ġewwa l-Gżira fejn dawn ix-xogħlijiet ħadu numru ta’ xhur, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn reġgħet inqalgħet parti minn din it-triq? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-ispiża għal dawn ix-xogħlijiet u min ser jagħmel tajjeb għalihom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li xi rqajja mill-paviment kellhom jinqalgħu peress li ċ-ċangatura tal-porfido ċċaqalqet. Din iċ-ċangatura reġgħet ġiet imqiegħda mill-istess kuntrattur li għamel ix-xogħol oriġinali a spejjeż tiegħu.

Il-Gżira – Triq San Albert — Xogħlijiet

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fl-Upper Part ta’ Triq San Albert ġewwa l-Gżira fejn hemm l-iskola ta’ Stella Maris, jista’ l-Ministru jgħid meta ser titlesta din it-triq fid-dawl ta’ inkonvenjenza kbira għal residenti/tfal tal-iskola ta’ Stella Maris?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Airtime u Programmi - Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq programmi tat-televixin mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn il-programmi, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-programmi u l-istazzjon tat-televixin li l-Ministeru xtara airtime? Jista' jindika ukoll liema minn dawn kienu intervisti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2024?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16409.

Imqabba — Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16769 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16456, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-prijoritajiet mogħtija lil Infrastructure Malta mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba rigward toroq li fihom għandhom isiru xogħlijiet matul is-sena 2024 u f'liema stadju wasal il-proċess ta' konsultazzjoni ma’ entitajiet varji biex il-proposti tagħhom fejn jirrigwarda infrastruttura ta' servizzi jiġu inklużi fil-proġetti rispettivi fl-Imqabba? Jista' jgħid ukoll meta ser jibdew ix-xogħlijiet, triq triq, u meta ser jispiċċaw?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-pjan ta’ ħidma mal-Kunsilli Lokali, l-kunsill tal-Imqabba talab it-toroq segwenti; P/o Triq Is-Sejba, Triq Baskal Xuereb, Triq Mons Alfons Caruana, Triq Il-Franka, Triq Il-Madonna tal-Gilju, Triq Il-Katakombi, Triq Nazzarenu, Alley No 3 At Triq Il-Parocca, Triq Il-Mitħna u Alley Ta' Lanġas. Għaldaqstant Infrastruttura Malta skattat il-proċess ta’ koordinazzjoni mal-entitajiet varji, liema proċess ta’ konsultazzjoni jibqa għaddej u fejn jkun hemm bżonn jiġi mġedded minn żmien għal żmien, sa ma tinbeda it-triq partikolari. Infrastruttura Malta se tkun qed tibda xogħlijiet ta’ dawn it-toroq minn din is-sena, 2024, b’mod susseggwenti sa biex tillimita l-inkonvenjent f’kull lokalità. Meta dawn joqorbu it- tlestija, Infrastruttura Malta terġgħa tniedi proċess ta’ konstultazzjoni mal-kunsill rispettiv għal xogħlijiet oħra.

Żurrieq – Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16768 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16457, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-prijoritajiet mogħtija lil Infrastructure Malta mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq rigward toroq li fihom għandhom isiru xogħlijiet matul is-sena 2024 u f'liema stadju wasal il-proċess ta' konsultazzjoni ma’ entitajiet varji biex il-proposti tagħhom fejn jirrigwarda infrastruttura ta' servizzi jiġu inklużi fil-proġetti rispettivi fiż-Żurrieq? Jista' jgħid ukoll meta ser jibdew ix-xogħlijiet, triq triq, u meta ser jispiċċaw?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-pjan ta’ ħidma mal-Kunsilli Lokali, l-kunsill taz-Żurrieq talab it-toroq segwenti; Vjal ix-xarolla, Triq Bronja, Triq Dun Vincenz Schembri, Vjal Emanuel Bugeja, Vjal Joseph Zerafa, Triq Serafin Zarb, Triq Sant Andrija, Service Rd at Vjal Blue Grotto, Triq Constantino Farrugia, Triq Dun Nazzareno Tonna, Triq Remig Sacco, Triq Salvu Saliba, Triq Widnet Il-Bahar, Vjal l-Indipendenza, Triq Karmnu Zammit, Triq Ferdinando Falzon, Triq Xandru D'Amato, Triq bejn Karmnu Zammut u Triq Wied, Triq L-Iskulturi Fabri, Triq Isoudoru Xuereb, Triq Santa Fawstina, Triq L-Arcipriet E.Mifsud, Triq L-Imtali, Triq San Ciru u Triq San Porfirju. Għaldaqstant Infrastruttura Malta skattat il-proċess ta’ koordinazzjoni mal-entitajiet varji, liema proċess ta’ konsultazzjoni jibqa għaddej u fejn jkun hemm bżonn jiġi mġedded minn żmien għal żmien, sa ma tinbeda it-triq partikolari. Infrastruttura Malta se tkun qed tibda xogħlijiet ta’ dawn it-toroq minn din is-sena, 2024, b’mod susseggwenti sa biex tillimita l-inkonvenjent f’kull lokalità. Meta dawn joqorbu it- tlestija, Infrastruttura Malta terġgħa tniedi proċess ta’ konsultazzjoni mal-kunsill rispettiv għal xogħlijiet oħra.

Vetturi bin-numru tar-reġistrazzjoni tat-tip 'HQ' — Kriterji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17132 u jgħid fuq liema kriterju Transport Malta toħroġ number plates 'HQ' skont Artiklu 31(1)(ix) tal-Liġi Sussidjarja 368.02? Jista' jgħid x'inhi l-proċedura biex wieħed japplika għal tali pjanċa, u liema kriterji jrid jissodisfa, u jgħid dan fuq liema liġi, liġi sussidjarja jew avviż legali huwa bbażat?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għat-Trasport f’ Malta talloka il-pjanċi HQ lil vetturi użati għall-ġarr ta’ merkanzija minn burdnara. Il-proċedura hija li l-burdnar jimla’ applikazzjoni fejn jitlob il-pjanci HQ u magħha jehmeż approvazzjoni maħruġa minn naħa ta’ Dwana fejn turi li qed jawtorizzaw lill-burdnar li jkun ser jagħmel użu minn dawn il-pjanċi u fiha jinkludu wkoll id-dettalji tal-vettura.

Trailers bin-numru tar-reġistrazzjoni ‘TR’

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17133 u jispjega d-differenza bejn trailers bin-number plate ‘TR’, u trailers li jkunu mingħajr number plate? Jista' jgħid ukoll jekk trailer mingħajr number plate ikun involut f'inċident jew jikkawża xi dannu, anke waqt li jkun ipparkjat, kif jista' jiġi identifikat?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-differenza bejn trailer bin-number plate “TR” u ieħor li ma għandux number plate hija li dawk reġistrati mal-Awtorità għat-Trasport f’ Malta tingħatalhom il-pjanċa “TR” mentri dawk it-trailers mingħajr pjanċa ma jkunx irreġistrati mal-Awtorità. Dawk li mhux irregistrati mal-Awtorità jistgħu jiġi ddentifikati biss bin-numru tac-chassis minħabba li l-Awtorità ma jkollha l’ebda informazzjoni dwarhom. I¿da Trailer mhux rreġistrat u akkopjat ma’ vettura kemm meta jkun qed jinġibed jew ipparkajat, sid il-vettura huwa responsabbli meta jinqala xi inċident.

Ix-Xgħajra – Triq id-Dawret ix-Xatt — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq ix-xatt tat-Triq id-Dawret ix-Xatt, ix-Xgħajra billi dawn ilhom ġimgħat skorruti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex ikun iktar speċifiku għal liem xogħlijiet qed jirreferi.

L-Imsida – Sejħa IMT020/2023 ‘Works tender for Upgrading of Msida Creek Junction in a resource efficient manner which considers wider environmental impacts’, including Operation and Maintenance of the Project

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar is-sejħa IMT020/2023 ‘Works tender for Upgrading of Msida Creek Junction in a resource efficient manner which considers wider environmental impacts’, including Operation and Maintenance of the Project’ u jgħid fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni u meta hu maħsub li jingħalaq u b’hekk ikun jista’ jibda x-xogħol?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ aġġudikazzjoni tal-proġett imsemmi għadu għaddej.

Roundabout tal-Armier, sat-terminal taċ-Ċirkewwa — Miżuri ta’ traffic calming

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li nbdew f'dawn l-aħħar ġranet biex tiżdied korsija oħra mir-roundabout tal-Armier, sat-terminal taċ-Ċirkewwa, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet u d-disinni tax-xogħlijiet li ser isiru bħala miżuri ta’ traffic calming biex ma jkunx hemm sewqan eċċessiv jew abbużiv f’din it-triq u b’hekk jiġu evitati inċidenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma fuq proġett infrastrutturali bil-għan li tiffaċilità u torganizza b’mod ahjar it-traffiku madwar it-Terminal taċ-Ċirkewwa. Dan ser isir b’korsija kontinwa ddedikata għall-karozzi li sejrin lejn Għawdex mir-roundabout tal-Armier fid-direzzjoni lejn it-Terminal taċ-Ċirkewwa. Dan l-investiment ser isir biex jiġi ffaċilitat it-traġitt għal persuni li jridu jaqsmu l-fliegu mingħajr ma jingħalaq l-aċċess għal partijiet ta’ madwar it-Terminal għal ħaddiema, trasport pubbliku u traffiku li ma jkunx sejjer Ghawdex. Dan il-proġett qed isir biex jindirrizza numru rekord ta’ traġitti li qed jigi rreġistrat lejn u minn Għawdex. Dawn ix-xogħlijiet ser jużaw spazji eżistenti, imma b’mod għaqli u iżjed effiċjenti se jkun possibli nwasslu dan it-titjib. Il-proġett, li ser isir fuq firxa ta’ żewġ kilometri u nofs, ser jinqasam f’fażijiet differenti, bil-ħidma l-ewwel tkun iffukata mir-roundabout tal-Marfa fid-direzzjoni lejn l-Għassa tal-Pulizija/Terminal taċ-Ċirkewwa. L-istrutturi tal-ħadid li jifirdu l-karreġġjati ser jinbidlu u minflokhom ser isiru strutturi tal-konkrit li huma ċeritifikati li joffru l-aqwa sigurtà possibbli. Il-bidla ta’ dawn l-istrutturi, li Infrastructure Malta introduċiet għall-ewwel darba fl-2019, ser tagħmilha possibbli biex jintrebaħ iżjed spazju li jista’ jintuża b’mod iktar effettiv. Dan il-proġett ser jaħseb għal żieda fil-miżuri ta’ sigurta’ u traffic calming. Dawn jinkludu, realignment tal-korsiji; rumble strips, tabelli ġodda li jinkludu limiti ta’ veloċita’, pedestrian crossings, junction ikkontrollata bil-lights; u containment levels adekwati.

Imqabba — Triq il-Konvoj ta' Santa Marija - Rotot 218 u 74

Question

Jista’ l-Ministru jara li r-rotot 218 u 74 jibdew jgħaddu wkoll minn Triq il-Konvoj ta' Santa Marija, Imqabba?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm ir-rotta 74 kif ukoll 218 iservu Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija bejn Triq is-Sejba u Triq Karmenu Ciantar. Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija hija servuta ukoll bir-rotta 72.

Raħal Ġdid — Triq Valletta - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11559 u 11560 fir-rigward ta’ Triq Valletta Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid għaliex wara dawn ix-xhur kollha x-xogħlijiet għadhom mhumiex lesti, biex il-ġirien ikunu jistgħu jgħixu fil-paċi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Belt Valletta, Raħal Ġdid, huma lesti u jonqos biss iż-żebgħa tar- Road Marking. Ix-xogħlijiet proposti f’din it-triq kienu l-konnessjonijiet għad-djar, bini u tibdil ta’ tappieri tad-drenaġġ, trinek u tqegħid ta’ servizz ta’ telekomunikazzjoni, tibdil ta’ bankini fuq iż-żewġ naħat, skavar u bini tat-triq. Matul ix-xogħlijiet infrastrutturali ġie nnutat li l-kundizzjoni tal-materjal eżistenti tat-triq kien ta’ kwalità’ inferjuri u dan wassal għal iktar attenzjoni fix-xogħol, kif ukoll xi tibdil ta’ servizzi eżistenti minħabba riżultat li parti mit-triq kienet ċediet. Għaldaqstant ittieħdet deċiżjoni li jsiru xogħlijiet oħra, inkluż xogħlijiet ta’ trinek u tqegħid ta’ servizzi ta’ Enemalta u tal-ilma.